Is-Saċerdot, Qaddej tal-Umanità
Nitilfu l-ġmiel tal-umanità
F’dawn l-aħħar snin is-soċjetà għamlet kisbiet sbieħ, u tassew għandna għalfejn inkunu rikonoxxenti! Fl-istess ħin nirrikonoxxu li għalkemm sar avvanz f’ħafna oqsma, bħalma huma x-xjenza, it-teknoloġija, il-komunikazzjoni, u l-bqija, bħal donnu li umanament sejrin lura bħal granċ! Jekk minn naħa kotor il-ġid materjali, min-naħa l-oħra ftaqarna f’dak li jagħmilna bnedmin! Forsi mingħajr ma nintebħu, qegħdin bil-mod il-mod nitilfu l-ġmiel tal-umanità tagħna!
Fil-fatt f’dak li għandu x’jaqsam mal-komunikazzjoni, it-teknoloġija ħadet post ħafna mill-kuntatti personali diretti. Mhux darba u tnejn tisma’ li fl-istess uffiċċju, saħansitra fid-dar, hemm min jippreferi jikkomunika b’mezzi elettroniċi milli wiċċ imb’wiċċ!
Il-ħajja mgħaġġla mlietna b’xeba’ nervi u tensjoni, u għalhekk sirna bla sabar, u jekk naħbtu ma’ xulxin, mhux lakemm nagħdru lil xulxin. Konsegwenza ta’ dan għandna persuni li jibqgħu miksurin ma’ xulxin! Agħar minn hekk, id-diżgwid daħal bejn il-koppji u fil-familji. Minħabba dawn ir-relazzjonijiet umanament morda, ġieli jkun hemm ġrieħi li jwasslu biex relazzjoni tmut. Is-separazzjonijiet u d-divorzju xi drabi huma konferma ta’ dan.
L-għaqda naturali bejn raġel u mara ma għadhiex l-uniku mudell ta’ żwieġ. Dan l-aħħar il-filosfu Franċiż Fabrice Hadjadj iddeskriva ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess bħala xi ħaġa “transumana”, fis-sens li f’dawk iċ-ċirkustanzi ż-żwieġ ma jibqax esperjenza umana. Fil-fatt, biex fiż-żwieġ ta’ żewġ persuni tal-istess orjentament sesswali jkun hemm l-ulied, irid jew ikun hemm l-adozzjoni jew inkella l-użu tat-teknoloġija!
“Qaddishom fil-verità”
Quddiem din ir-realtà, in-Nisrani huwa msejjaħ biex joffri s-sehem tiegħu ħalli s-soċjetà tkun aktar umana. Fil-fatt, fit-talba li jagħmel għall-Appostli fl-Aħħar Ċena, Ġesù jitlob lill-Missier: “Qaddishom fil-verità” (Ġw 17:16). Il-“qdusija” hija kwalità speċifika ta’ Alla li huwa l-istess tjieba, is-sewwa, l-imħabba, il-ġmiel u d-dawl! Għalhekk, “tqaddes persuna” ifisser li tgħinha tidħol f’kuntatt ma’ Alla biex tiddakkar mit-tjieba, mis-sewwa, mill-imħabba, mill-ġmiel u mid-dawl tiegħU. Min hu dak il-bniedem, anki jekk ma jemminx f’Alla, li ma jixxennaqx biex ikebbes fih dawn il-valuri? Dawn il-valuri huma “il-ħjut” li jinsġu l-libsa tal-umanità li biha huwa mlibbes kull bniedem. Kull xorta ta’ kuntatt ma’ Alla, anki jekk ċkejken, tgħin lill-bniedem jagħraf il-verità dwaru nnifsu – tgħin lill-bniedem isir bniedem! Għalhekk meta Ġesù jitlob lill-Missier biex iqaddes lid-dixxipli, qed jitolbu biex jgħinhom ikunu aktar “umani”.
Il-bniedem ħabib ma’ Alla
Il-bniedem huwa bniedem sakemm huwa miftuħ għal Alla! Meta l-bniedem joħnoq fih din ix-xewqa għal Alla, l-umanità tiegħu titħassar! Min-naħa l-oħra, aktar ma l-bniedem jiskopri l-eżistenza u n-natura ta’ Alla, aktar jistagħna umanament. Kien għalhekk li fl-Aħħar Ċena Ġesù jitlob lill-Missier biex iqaddes lid-dixxipli fil-verità! Alla huwa l-istess qdusija, u għalhekk f’din it-talba Ġesù qed jitlob lill-Missier biex jagħmel lilu nnifsu preżenti fil-ħajja tal-bniedem! Li wieħed jidħol f’relazzjoni ma’ Alla l-ewwel u qabel kollox ma jfissirx li wieħed irid iħaddan xi valuri morali jew etiċi; imma timplika li wieħed iħalli lil Alla, permezz ta’ Ġesù Kristu, ikun ħabib tiegħu! Din il-ħbiberija mal-Iben ta’ Alla li sar “bniedem” tgħin lill-bniedem isib it-tifsira vera ta’ dak li huwa tiegħu għax hu bniedem!
Kuntrarjament għal dawk li jaħsbu illi tkun “qaddis” ifisser li wieħed jinqata’ mill-art jew ikun anġlu, il-bniedem “qaddis” huwa l-bniedem normali li jaf japprezza l-umanità tiegħu. Il-bniedem mhux maħluq biex ikun la bħal Alla u lanqas bħall-anġli, imma Alla jrid li l-bniedem ikun bniedem! Ġesù huwa Alla li sar bniedem biex il-bniedem ikollu mudell ta’ kif għandu jkun il-bniedem! Fil-fatt wieħed “jitqaddes” jekk jagħmel ħiltu biex ikun bniedem bħal Ġesù! Il-Papa Ljun il-Kbir jikteb li ħadd ma jista’ jisboq l-umanità ta’ Ġesù, għax il-Ħallieq biss jista’ jkun uman.
Qaddisin fid-dinja
Il-bniedem u dak kollu li jmiss mal-umanità tant huwa għal qalb Ġesù, il-Feddej tal-bniedem, li fid-diskors tal-Aħħar Ċena huwa jibgħat lid-dixxipli fid-dinja u kemm-il darba jisħaq magħhom biex jibqgħu fid-dinja! Mhux il-ħsieb ta’ Alla li jeqred id-dinja, imma li jgħinha terġa’ tikseb lura d-dimensjoni umana li qiegħda titlef! Il-ħsieb ta’ Alla huwa li jagħmel id-dinja aktar umana biex tkun għamara xierqa għall-bniedem! Għalhekk il-bniedem qaddis ma jaħrabx mid-dinja, imma għandu jinteressa ruħu mid-drama tal-bnedmin, jaqsam magħhom id-diffikultajiet u t-tbatija, jakkumpanjahom u jipprova jwaqqaf il-proċess li jista’ jfixkel li l-ħajja umana ssir dejjem aktar umana. Kif Alla sar bniedem biex daħal fl-istorja tal-bnedmin u ngħaqad ma’ kull bniedem, hekk il-bniedem jitqaddes biex ifittex jiltaqa’ ma’ kull bniedem, konvint li “il-bniedem huwa t-triq għall-Knisja, it-triq għall-ħajja tagħha ta’ kuljum, għall-esperjenza tagħha, għall-missjoni u t-tbatija tagħha” (ĠWANNI PAWLU II, Il-Feddej tal-bniedem, 14).
Magħżulin għat-triq
Fl-Aħħar Ċena, Ġesù jitlob lill-Missier iqaddes fil-verità lil dawk li kien ser jafdalhom il-ministeru saċerdotali! Hija l-missjoni tas-saċerdot li joffri s-servizz tiegħu biex “iqaddes” lill-bnedmin fis-sens li jgħinhom ikunu bnedmin li jgħixu ħajja li tixraq lid-dinjità umana tagħhom! Is-saċerdot ikun jonqos jekk jabbanduna lill-bniedem fil-ħtiġijiet tiegħu. Għalhekk nemmen li l-vokazzjoni tagħna mhix li ningħalqu fl-uffiċċju u ninqatgħu minn mal-poplu. Jekk ma nkunux man-nies, ma jistax ikollna fuqna “ix-xamma tan-nagħaġ”, kif irrakkomanda ftit ilu l-Papa Franġisku lilna s-saċerdoti! Aħna ġejna magħżulin biex inkunu fit-toroq spalla ma’ spalla ma’ ġensna; li nidħlu fil-familji aktar biex nisimgħu l-karba tal-muġugħ milli biex nippontifikaw; li nixirfu fuq il-lant tax-xogħol fejn il-ħaddiem jagħraq biex jaqla’ l-ħobż għalih u għall-familja; li nagħtu vuċi lil min ma għandux vuċi biex ikollu d-drittijiet fundamentali tiegħu rrispettati. L-istess kult liturġiku li aħna s-saċerdoti fid-dmir li niċċelebraw jagħmel sens biss jekk fl-istess waqt li noffru l-Vittma Divina fuq l-altar tas-sagrifiċċju, aħna jkollna għajnejna miftuħa biex ma nħallu ebda bniedem ikun vittma ta’ min mhux uman. Kif jikteb San Irinew, il-glorja ta’ Alla huwa l-bniedem ħaj!
Saċerdot uman
Imma biex aħna s-saċerdoti nkunu nistgħu “inqaddsu fis-sewwa” lill-oħrajn, meħtieġ li qabel xejn aħna s-saċerdoti stess inkunu bnedmin ta’ umanità kbira! Ħadt gost nisma’ lil dan iż-żagħżugħ, li dalwaqt ser jirċievi l-ordni tad-djakonat, jgħid li fis-snin tal-formazzjoni fis-Seminarju huwa sab għajnuna biex seta’ jikber mhux biss fil-formazzjoni akkademika, spiritwali u pastorali, imma wkoll dik umana! Saċerdot li jkollu l-umanità tiegħu mmankata, ma jirnexxilux jgħin lil ħaddieħor jimmatura umanament. Min mhux matur umanament, lanqas jista’ jimmatura spiritwalment!
Ġesù jgħid li aħna qegħdin fid-dinja imma ma aħniex tad-dinja. Dan nistgħu ninterpretawh illi għalkemm jgħix f’din id-dinja diżumana, is-saċerdot irid joqgħod attent biex ma jkunx “tad-dinja”! Huwa li kien iġġenerat f’dan l-ambjent b’umanità feruta, bħal Nikodemu jeħtieġlu jitwieled mill-ġdid mill-ilma u l-Ispirtu (ara Ġw 3:5). Għas-saċerdot, dan it-twelid iseħħ darbtejn: fil-Fonti tal-Magħmudija u dakinhar tal-Ordinazzjoni Presbiterali, meta bit-tqegħid tal-idejn huwa jkun ikkonsagrat lil Alla. Bil-qawwa ta’ din il-grazzja sagramentali li tgħinu jimmatura umanament u spiritwalment, is-saċerdot jirċievi qawwa speċjali biex bix-xandir tal-Kelma u biċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti kontinwament jgħin lill-bniedem jilbes l-umanità ġdida “maħluqa” minn Kristu.
Vokazzjonijiet
Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Vokazzjonijiet, li issa l-Knisja ilha ħamsin sena tiċċelebrah fir-raba’ Ħadd tal-Għid, inħeġġeġ lill-Insara biex jitolbu u jaħdmu biex il-Mulej ikompli jseddaq din il-Knisja b’aktar vokazzonijiet saċerdotali. Għandi l-impressjoni li mhux ilkoll aħna konxji minn dan id-dmir! Nibża’ li hawn min għadu ma ntebaħx li hemm bżonn inwieżnu bl-eżempju u bit-talb lil dawk li l-Mulej qiegħed isejjaħ biex “iqaddishom fis-sewwa” ħalli mbagħad huma jqaddsu fis-sewwa lill-oħrajn! Il-preżenza tas-saċerdot fostna hija don ġej minn Alla biex niżguraw li jkollna soċjetà aktar umana – hekk ikun hawn “smewwiet ġodda u art ġdida li fihom tgħammar il-ġustizzja” (2 Pt 3:13).