Aqbeż għall-kontenut

Is-Salib Vojt

L-għuda tas-salib

Iċ-ċentru tal-attenzjoni tagħna llum huwa s-salib u mhux il-Kurċifiss, jiġifieri l-għuda vojta tas-salib. Jien naħseb li din il-ħaġa togħġobna ħafna, għaliex aħna f’xi mumenti ta’ ħajjitna nkunu rridu niżvojtaw is-salib u possibbilment nippruvaw li s-salib inżommuh vojt. Mhux biss għall-Griegi u għar-Rumani s-salib kien xi ħaġa tal-mistħija, u mhux biss għal-Lhud is-salib kien is-saħta ta’ Alla, imma jien għandi x’jgħidli li anki għalina fil-ġurnata tal-lum is-salib huwa xi ħaġa li nagħmlu ħilitna biex inżommuh ’il bogħod minna, kemm jista’ jkun vojt.

Il-ħajja li qed ngħixu tant hija mmarkata b’sens qawwi ta’ egoiżmu u ta’ Narċisiżmu illi qed twassalna biex nagħmlu ħilitna kollha biex inbiegħdu minna t-tbatija u s-sofferenzi tal-ħajja. Bħala eżempju nieħdu t-tbatija fiżika. Min minna jieħu gost li tiġi fuqu xi marda? Min minna ma jgħid xejn jekk xi ħadd qrib tiegħu jimrad jew imut? Għandna quddiem għajnejna l-immaġni ta’ ħutna ta’ Aquila, nies kważi ddisprati u li għandhom għaliex jaqtgħu qalbhom. Intom issegwu l-ġurnali kif insegwihom jien, u huma xeni ta’ qsim il-qalb. Min jixtieq it-tbatija wara l-bieb tiegħu? Naturalment hemm dmir min-naħa tagħna li nippruvaw innaqqsu t-tbatija, imma t-tbatija hija parti mill-ħajja u aħna rridu nsibu mod kif naffrontawha.

It-tbatija li ġejja mid-dmir

Imbagħad hemm tbatija oħra, dik li ġejja mis-sens ta’ dmir lejn xi ħaġa ’l fuq minna. Hemm ordni morali u etiku li biex noqogħdu għalih irridu nagħmlu sagrifiċċju, imma billi aħna rridu salib vojt jiġrilna spiss li, biex nakkomodaw lilna nfusna jew biex mingħalina nsolvu ċerti ċirkustanzi iebsin, allura ninsew dan is-sens ta’ dmir u nitfgħu wara spallejna s-sens ta’ sagrifiċċju li wieħed irid jagħmel biex joqgħod għal dan l-ordni morali.

Nagħtikom xi eżempji. Huwa naturali li quddiem xi ħadd li jitkissirlu ż-żwieġ tiġina ħniena. Mhux darba u tnejn tisma’ min jistaqsi: “Kif jista’ jkun li dan ir-raġel jew mara jibqgħu hekk ħajjithom kollha? Għaliex ma nagħtuhomx iċ-ċans li jgħixu ħajja oħra?”. Dan l-istess kliem nisimgħuh għal xi ħadd li għandu orjentament sesswali lejn persuna tal-istess sess. Nisimgħu min jgħid: “Jekk in-natura għamlitu hekk għaliex ma tiġiniex ħniena minnu jew minnha u nirrikonoxxu xi forma ta’ għaqda bejniethom?”. L-istess ngħidu għal koppja li tixtieq tifforma familja u ma tistax: “Għaliex m’għandniex insibu s-soluzzjoni li tagħtina x-xjenza u ntaffulhom dik it-tbatija?”. Qed insemmilkom każijiet li huma preżenti fis-soċjetà tagħna u forsi sa niddiskutuhom iktar ’il quddiem, imma qed ngħidhom biex inkunu ppreparati. Biex ma nbatux u biex ma nħallux lil ħaddieħor ibati aħna kapaċi ma nħarsux dak is-sens ta’ dmir li għandna lejn il-liġi ta’ Alla.

Il-Knisja solidali ma’ min qed ibati

Ara ma jkunx hemm xi ħadd li jaħseb li jien qed ngħid li dawn il-kategoriji li semmejt – jigifieri min huwa separat, ta’ orjentament sesswali ieħor jew jixtieq li jkollu familja – m’humiex qegħdin ibatu. Altru li jien solidali magħhom u li l-Knisja tħoss, iġġarab, tbati u terfa’ s-salib magħhom, imma għax tħobbhom ma tistax tgħidilhom: “Ħallu s-salib vojt”. Tant aħna mimlijin b’dan il-ħsieb li saħansitra fejn hemm salib li m’hux vojt aħna nippruvaw ngħattuh jekk mhux ukoll naħbuh.

Ngħidu aħna, isimgħu lil xi ħadd jitkellem fuq il-foqra u araw xi tkun ir-reazzjoni. Tisma’ min jgħidlek: “Mela llum hawn il-foqra?”. Isimgħu lil xi ħadd jitkellem fuq dawk li jeħtieġu b’mod urġenti l-attenzjoni mhux tan-nazzjon biss imma ta’ pajjiżi oħra flimkien, u araw xi tkun ir-reazzjoni. Anki f’dan il-qasam aħna rridu naħbu s-salib li fuqu hemm mislub il-bniedem, għax din hija parti min-natura umana tagħna.

Kristu jagħti sens u tifsira lit-tbatija tagħna

Aħna llejla nġbarna biex niċċelebraw lil Kristu, li ma ġiex fostna biex jagħmlilna xi lezzjoni tal-filosofija jew teoloġika, ħalli jispjegalna l-problema tal-ħażen. Fl-aħħar mill-aħħar it-tbatija hija l-problema tal-ħażen. X’għamel Kristu? Huwa bata għalina, “propter nos”, mhux biss biex aħna niggwadanjaw mill-mewt u l-Qawmien tiegħu, imma bata minflokna ħalli jagħti tifsira u sens lil kull xorta ta’ tbatija tagħna.

Kif jagħti sens lit-tbatija tagħna Ġesù? Is-salib tagħna m’hux vojt imma hemm Kristu fuqu, u minn fuq din il-kattedra l-Vittma tal-vjolenza, li hija innoċenti, tagħmel stqarrija qawwija li minkejja l-vjolenza, l-inġustizzja u t-tbatija Alla qiegħed hemm.

Lilna lkoll is-sofferenza f’kull forma tagħha tista’ tifxilna, tobromna u twassalna biex nistaqsu x’tip ta’ relazzjoni għandu Alla magħna. F’dawn il-ġranet kienu diversi nies li staqsewni: “Kif tista’ tispjega l-fatt li Alla ħalla sseħħ dik l-istraġi ta’ Aquila? Min huwa dan Alla li jħalli tliet mitt persuna jmutu f’ħakka ta’ għajn?”. M’għandix tweġiba, u nerġa’ ngħid li s-sofferenza għandha l-ħila tkisser ir-rabta li hemm bejnietna u bejn Alla. Imma fil-każ ta’ Ġesù m’hux hekk. Lil dan Ġesù, li llejla ġejna biex naduraw, is-sofferenza, it-tbatija u l-mewt wassluh biex isaħħaħ ir-relazzjoni tiegħu mal-Missier. Veru li fuq is-salib huwa jgħid: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?”. Imma ara ma taħsbux li din hija xi affirmazzjoni ta’ disperazzjoni. Dak huwa l-ewwel vers tas-salm 22. X’ħin tmorru lura d-dar sibu s-salm 22 u aqrawh, u taraw jekk hux salm ta’ persuna ddisprata jew salm li jesprimi b’fiduċja l-abbandun totali f’Alla!

It-tbatija offruta għall-ġid tal-Knisja u tal-bniedem

Għalhekk San Pawl jagħmel affirmazzjoni sabiħa ħafna fl-ittra tiegħu lill-Kolossin: “Jien nifraħ għaliex bit-tbatija tiegħi jiena nkompli dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu għall-ġid tal-Knisja”. Taħsbu intom li din hija kontradizzjoni? Hawn xi ħadd minna li jifraħ għax ibati? Għalina t-tbatija f’kull forma u f’kull sura tagħha, sew jekk tiegħi persunali u sew jekk nitgħabba bit-tbatija tal-oħrajn, jekk qed ngħixuha bl-istess sentimenti li kellu Kristu, għall-ġid tal-Knisja u għall-ġid tal-bnedmin, allura ssir motiv ta’ ferħ.

Is-salib huwa l-għerf u l-qawwa ta’ Alla

Għeżież tiegħi, wara li nagħmlu t-talba universali sa wwasslu fiċ-ċentru tal-ġemgħa s-salib vojt, u dan mhux għax irridu li s-salib jibqa’ vojt imma ħalli kull wieħed u waħda minna nersqu nħaddnuh, inbusuh, nadurawh u nagħmlu stqarrija u professjoni pubblika li dak li huwa s-salib tagħna huwa l-għerf u l-qawwa ta’ Alla għall-bnedmin.

pdf · 88.92 KB Niżżel