Is-Sejħa ta’ Alla lil Din is-Soċjetà
Kulma jmur is-soċjetà tagħna qiegħda bil-mod il-mod tagħraf u twieġeb għad-diversi sejħat tagħha, bħalma hija s-sejħa ekoloġika, dik Mediterranja u dik Ewropea. Fid-dawl ta’ dawn is-sejħat, isiru ċerti għażliet u jittieħdu ċerti deċiżjonijiet li jsawru u jolqtu l-ħajja ta’ ħafna.
Fl-istess waqt in-nazzjon tagħna bħal donnu qed jaħbat jinsa s-sejħa li għamillu Alla permezz ta’ Ġesù Kristu biex ikun “poplu Kristjan”. Li hawn tendenza li nitfgħu taħt riġlejna din is-sejħa li nkunu ġens Nisrani jidher minn għadd ta’ għażliet li qed isiru u minn xi tibdil li qed nippruvaw indaħħlu, bħal fil-kamp tal-familja. Xi drabi, propju biex inkunu leali lejn is-sejħa “Ewropea”, qed ikollna nintroduċu mudelli ta’ ħajja li huma f’kuntrast qawwi ma’ dak li titlob is-sejħa Kristjana! Biex nirrispettaw is-sejħa ta’ pajjiż modern, qed niċħdu s-sejħa ta’ pajjiż Nisrani.
Billi l-Festa tal-Madonna Ta’ Pinu sserraħ fuq l-esperjenza li kellha Karmni Grima li semgħet lill-Verġni Mbierka ssejħilha biex tidħol fil-kappella fil-preżenza ta’ Kristu, nemmen li llum ukoll il-Madonna Ta’ Pinu qed tistedinna biex niftħu qalbna għas-sejħa li Alla qiegħed jagħmlilna biex aħna nkunu l-poplu tiegħu u hu jkun Alla tagħna. It-tweġiba għal din is-sejħa tissarraf f’li nħaddnu l-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu bħala l-kejl ġust tad-deċiżjonijiet li nieħdu. Ħajja Evanġelika hija ħajja umana tajba!
Kull membru fis-soċjetà jista’ u għandu jagħti s-sehem tiegħu biex l-għażliet kollettivi jkunu jirriflettu din is-sejħa li Alla qiegħed jagħmel permezz ta’ Ommu Marija.