Is-Sejħa tas-Saċerdot li Jirrifletti l-Glorja ta’ Alla
Dakinhar li Ġesù tela’ fuq l-muntanja tat-trasfigurazzjoni, id-dixxipli kellhom qalbhom imnikkta bħalna llum, li tlifna wieħed mill-“missirijiet” spiritwali tagħna, Monsinjur Alwiġ Vella, li għal 31 sena kien arċipriet ta’ din il-parroċċa.
Infatti, sitt ijiem qabel din l-esperjenza tat-Tabor, Ġesù kien ħabbar lid-dixxipli tiegħu li kien meħtieġ għalih li jmur Ġerusalemm, isofri ħafna mix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh u fit-tielet jum iqum. Quddiem din l-aħbar, id-dixxipli tnikktu, moħħhom iddallam u qalbhom tqalet. Nistħajjel li ħafna minna qed iħossuhom hekk illum, meta l-minġel tal-mewt ħasad ħesrem lil Dun Alwiġ.
Biex jgħin lid-dixxipli jtaffu din id-dieqa, Ġesù dewwaqhom ftit mill-ġmiel tas-sema. Id-dija ta’ wiċċu u l-bjuda ta’ ħwejġu jirriflettu l-glorja ta’ Kristu rebbieħ fuq il-mewt. Il-fidi tagħna fi Kristu toffrilna ċ-ċertezza li lilna Ġesù seħibna f’din ir-rebħa li seħħet fil-grajja tal-Għid.
Fuq il-muntanja, mhux biss Ġesù nbidel, imma nbidlu wkoll id-dixxipli! Infatti jekk xħin telgħu fuq l-għolja huma kienu mbeżżgħa u falluti, wara din l-esperjenza tat-trasfigurazzjoni huma nbidlu għax kisbu viżjoni ġdida tat-tbatija u l-mewt. Infatti, biex ma jħallix dik l-esperjenza taħrablu minn idejh, Pietru tant kien kuntent li xtaq jibni tliet tined. Id-dija u l-glorja li l-appostli raw b’għajnejhom kienet ikkonfermata b’widnejhom meta semgħu dik l-istqarrija qawwija minn ġos-sħaba: “Dan hu Ibni l-għażiż li fih sibt l-għaxqa tiegħi. Isimgħu lilu”.
Dan kollu napplikah għall-ministeru tagħna s-saċerdoti. Is-saċerdot huwa dak li quddiem il-misteru ta’ Alla jinbidel u jsib il-qawwa biex jibdel madwaru. Infatti s-sejħa ewlenija tas-saċerdoti hija biex joqogħdu fil-preżenza tat-Trinità Qaddisa biex, imsaħħrin bil-qdusija u l-ġmiel ta’ Alla, huma jsibu l-qawwa li jinbidlu u bil-mod il-mod jilbsu l-istess qdusija. Dan il-proċess jaf jieħu s-snin u f’xi każijiet jista’ jieħu l-ħajja kollha tas-saċerdot. Bħal kull bniedem ieħor, is-saċerdot jagħmel mixja ta’ konverżjoni u kuljum jikber fix-xebh mal-Imgħallem tiegħu, Ġesù Kristu.
Il-ħidma tagħna s-saċerdoti tisfa tiben jekk ma nippridkawx lil Ġesù Kristu. Huwa l-ġmiel ta’ Ġesù Kristu li kapaċi jaħtaf il-qlub tal-bnedmin u hekk jitħajru jkunu dixxipli tiegħu u jisimgħuh. Għalhekk, ħidmiet ta’ evangelizazzjoni u katekeżi li jgħinu biex il-bniedem iniżżel għeruqu fil-misteru ta’ Ġesù Kristu għandhom prijorita fl-appostolat tas-saċerdot. Għax kif jgħid San Pietru, “f’ħadd ħliefu (Ġesù) ma hemm salvazzjoni, għax imkien taħt is-sema ma hemm isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvi” (Atti 4,11).
Dan kollu nista’ napplikah għal Dun Alwiġ. Huwa kien saċerdot li mhux biss tela’ l-għolja taż-Żebbug, imma wkoll l-għolja fejn tgħammar id-divinità! Għax kien jitgħaxxaq fil-preżenza ta’ Alla, huwa kien bniedem li jgħożż it-talb; propju għaliex kien imħarreġ fit-talb, huwa seta’ jmexxi l-ġemgħa fit-talb. Dan id-djalogu ma’ Alla sawru biex seta’ jitkellem magħkom dwar Ġesù Kristu u hekk għinkom tinbidlu. Jekk nistaqsikom għaliex tħossukom grati lejn Dun Alwiġ, jien konvint li anke jekk tagħtuni risposti varji, il-qalba tat-tweġibiet tagħkom hija waħda: intom tibqgħu tiftakruh bħala dak li “nissilkom fi Kristu”, bħala dak li fetħilkom beraħ il-ktieb ta’ Ġesù Kristu! Fuq kollox, l-Arċipriet Vella takom lil Ġesù nnifsu permezz tal-amministrazzjoni tas-sagramenti li huma l-kanali ordinarji biex taslilna l-grazzja. Iż-żmien tal-parrokat tiegħu kien twil biżżejjed biex nistgħu ngħidu li hawn aktar minn ġenerazzjoni waħda li fi żmien Dun Alwiġ irċeviet it-tliet sagramenti tal-bidu tal-ħajja Nisranija! Lill-oħrajn huwa dewwaqhom l-imħabba ta’ Ġesù bil-ħidma karittativa tiegħu.
Bħalma frott il-ħeġġa tiegħu Pietru offra li jibni tliet tined biex il-glorja ta’ Alla ma tgħibx, hekk ukoll matul il-ministeru tiegħu bħala ragħaj spiritwali tagħkom, Dun Alwiġ waqqaf diversi tined biex il-glorja ta’ Alla tibqa’ tistrieħ fuq din il-parroċċa. Insemmi tlieta minnhom.
Huwa ħadem mhux biss biex iżomm wieqfa din il-knisja parrokkjali li hija t-tinda li taħtha jgħammar Alla fost din il-komunità, imma ħa ħsieb ukoll biex iżejjinha b’materjal uniku l-ġmiel tiegħu. Kull min jidħol f’dan is-santwarju jilmaħ dan il-ġmiel li huwa rifless tal-sbuħija ta’ Alla. Fuq kollox, Dun Alwiġ ħadem u stinka qatigħ biex bit-tħabrik pastorali tiegħu jibni lil dan il-poplu fi Knisja ħajja.
Tinda oħra li waqqaf fostna Dun Alwiġ kien iċ-Ċentru Parrokkjali. Ilkoll niftakru meta ċ-Ċentru kien sar ħerba waħda, imma Dun Alwiġ, bl-għajnuna u l-ġenerożità ta’ dan il-poplu reġa’ bnieh. Hekk din il-komunità għandha lokal fejn il-kategoriji kollha fi ħdanha (tfal, adolexxenti, żgħażagħ u adulti) jiltaqgħu kemm għall-formazzjoni umana u Nisranija kif ukoll għar-rikreazzjoni.
Imbagħad nista’ ngħid li għal dan is-saċerdot kull familja kienet “tinda” speċjali fejn kontinwament tiftaħ il-ħajja tal-membri tagħha. Dun Alwiġ kien qrib ta’ kull familja, partikularment ta’ dawk midruba bil-mard jew il-faqar. Meta ftit xhur ilu kont fostkom għall-Viżta Pastorali, kienu diversi dawk il-familji li rrakkontawli kif fin-nisġa tal-istorja ta’ ħajjithom sabu l-għajuna ta’ Dun Alwiġ jew ta’ xi saċerdot ieħor.
Il-parir tiegħi llum huwa li jekk tridu li tibqgħu tfakkru lil Mons. Alwiġ Vella, allura ħudu ħsieb li dawn it-tliet tined li huwa tħabat biex iżommu weqfin, jibqgħu wieqfa!
Nagħlaq billi nitlob lil Marija Assunta, li lejha Dun Alwiġ mhux biss kellu devozzjoni imma ħeġġeġ oħrajn, biex tinterċedi għalih ħalli l-Missier Etern jilqgħu b’dirgħajh miftuħa. Jekk inħalli ftit l-immaġinazzjoni tiegħi timraħ, nara lill-Assunta tneħħi dik il-kuruna dehbiena li Dun Alwiġ b’ħafna mħabba u devozzjoni kien poġġielha fuq rasha snin ilu, u tqegħedha fuq ras dan is-saċerdot waqt li tgħidlu: qaddej tajjeb u fidil ... idħol fil-hena ta’ sidek (ara Mt 25,23). Int tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi: għalhekk hawn merfugħa għalik il-kuruna tal-ġustizzja li biha jrid iħallsek il-Mulej (ara 2 Tim 4,8). Dan kollu nawgurah mhux biss lil Dun Alwiġ imma lil kull wieħed mis-saċerdoti tiegħi u lilkom ilkoll, għaliex fl-aħħar mill-aħħar huwa dan li jimla bit-tama u s-sens l-ħajja tagħna