Is-Seminarju Hu l-Qalb tad-Djoċesi
Is-Seminarju huwa l-qalb tad-Djoċesi. Irrispettivament kemm ikun kbir jew żgħir, il-preżenza tas-Seminarju fid-Djoċesi hija don imprezzabbli. Aħna nħossuna grati li rċevejna dan ir-rigal minn ta’ qabilna, u fl-istess waqt aħna impenjati li għal li ġej id-Djoċesi ta’ Għawdex ma titlifx din id-dar li hija l-għożża ta’ ġensna, għax hija l-fulkru tal-ħajja spiritwali u pastorali tal-poplu ta’ Alla f’din il-gżira.
Bħala binja dan is-Seminarju jserraħ fuq binja antika li kienet teżisti qabel ma twaqqaf is-Seminarju u li kienet isservi ta’ sptar – l-Isptar San Ġiljan. Hemm rabta bejn l-isptar u din l-istituzzjoni tas-Seminarju, għaliex huwa “sptar” fejn lilna li trawwamna fih laqqgħuna mat-“tabib” il-kbir li huwa l-Mulej Ġesù. Il-formazzjoni fis-Seminarju tgħinna biex aħna bħala seminaristi nillimaw id-dgħufija umana tagħna u nfiqu mill-mard spiritwali tagħna; imbagħad l-istess istituzzjoni tiffurmana biex inkunu “infermiera” fid-dinja.
Is-saċerdot huwa wkoll infermier li jieħu sehem mill-missjoni tat-Tabib il-kbir li huwa Ġesù Kristu. Minn din id-dar tal-formazzjoni, aħna s-saċerdoti noħorġu fit-toroq tagħna li huma s-swali tal-isptar soċjali, nidħlu fil-familji u fid-diversi ambjenti fejn hemm il-bniedem, biex permezz ta’ Ġesù ngħinu lill-bniedem ifiq mill-mard tiegħu. Ġesù jinqeda bid-dirgħajn tas-saċerdot biex iqiegħed idejH fuq il-ġerħat umani u spiritwali tal-bniedem u jidlikhom bil-balzmu tal-miżerikordja divina.
Dan l-anniversarju tal-mija u ħamsin sena mit-twaqqif tas-Seminarju djoċesan għandu jservi bħala stimolu biex il-poplu ta’ Alla f’Għawdex ikompli jinvesti f’din id-dar biex jibqa’ jkollna “infermiera” spiritwali ġodda li jgħinuna biex ma naqtgħux qalbna quddiem il-“mard” tad-dinja, għax bl-għajnuna tal-Mulej Ġesù l-bniedem jista’ jikseb is-saħħa.
Is-Seminarju huwa wkoll post ta’ riċerka. Dan it-tiftix prinċipalment ma jsirx fil-librerija jew waqt il-lezzjonijiet tal-filosofija u tat-teoloġija, imma fil-kappella. Iż-żgħażagħ li jkunu f’din id-dar ta’ formazzjoni huma riċerkaturi ta’ Alla u s-Seminarju jgħinhom isibu t-tweġiba għall-mistoqsija l-kbira li għandu kull bniedem biex jiskopri lil Alla f’ħajtu.
Dan huwa l-għan prinċipali tas-Seminarju: li jakkumpanja lis-seminaristi jagħmlu esperjenza ta’ Ġesù Kristu biex imbagħad bħala saċerdoti jkunu jistgħu jakkumpanjaw lill-bniedem li wkoll qiegħed ifittex u jistaqsi (anki indirettament) dwar Alla jew dwar x’jagħti tassew sens lill-ħajja.
Is-sejħa u l-missjoni tagħna s-saċerdoti mhix waħda amministrattiva, kulturali jew politika, imma spiritwali. Is-saċerdot huwa l-pont bejn il-bniedem u Alla, imma biex jaqdi dan l-għan hu stess irid ikun bniedem ta’ Alla.
Filwaqt li rrodd ħajr lil Alla li għal dawn l-aħħar mija u ħamsin sena li fid-Djoċesi tagħna kellna l-preżenza ta’ din l-istituzzjoni li tat kontribut biex ħafna raw ix-xewqat eżistenzjali tagħhom mitmuma, għandi tama qawwija li fis-snin li ġejjin dan is-Seminarju jibqa’ jgħin lis-seminaristi jidħlu fil-qalba tal-misteru ta’ Alla biex bħala saċerdoti futuri li jkunu sabu t-tweġiba, jew almenu parti minnha (għax il-bniedem, inkluż is-saċerdot, jibqa’ jfittex għal ħajtu kollha), joħorġu jiltaqgħu mal-bniedem biex jiffaċilitaw il-laqgħa tiegħu ma’ Ġesù Kristu.