Is-Skiet tal-Ġimgħa l-Kbira
Riesqa l-ġurnata tal-Ġimgħa l-Kbira. Huwa jum ta’ silenzju. Niftakar li meta kont żgħir, f’dan il-jum ir-Rediffusion kien jissospendi l-iskeda tal-programmi u jxandar biss marċi funebri. Għaliex is-skiet matul din il-ġurnata?
Forsi nippreferu li nisktu għax ma nsibux kliem biex nesprimu l-ammirazzjoni tagħna għal dan il-monument tal-imħabba ta’ Alla għalina! Forsi wkoll nistgħu ninterpretaw dan is-silenzju bħala espressjoni tal-kontemplazzjoni u l-adorazzjoni tagħna quddiem Kristu msallab għax fih naraw il-Feddej tagħna.
Imma jista’ jkun ukoll li dan is-silenzju tagħna jikxef il-mistħija tagħna quddiem din il-ġrajja. Nistqarr li nixtieq ħafna li lkoll kemm aħna quddiem is-salib ta’ Ġesù nġarrbu ftit mistħija. Għax meta nħares lejn il-Kurċifiss, jien nilmaħ mhux biss l-imħabba infinita tal-Missier u tal-Iben, imma nilmaħ ukoll l-essenza tal-misteru tal-ħażen! Kristu jinsab fuq is-salib għax kien il-bniedem li għażel li jsallbu. Il-mewt ta’ Kristu hija mewt vjolenta. Kristu qiegħed fuq is-salib għax il-bniedem huwa vjolenti. Kristu qiegħed fuq is-salib għax il-bniedem, flok ma ddefendih, ipprefera li jagħlaq fommu u jiskot! San Pietru, fl-ewwel Għid il-Ħamsin, mimli bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, ma staħax u anqas beża’ jgħid lil-Lhud: “Intom neħħejtu lil Ġesù ta’ Nazaret billi sallabtuh permezz ta’ nies ħżiena” (Atti 2:23), u “intom ċħadtu lill-Qaddis u l-Ġust… u qtiltu lill-Awtur tal-Ħajja” (Atti 3:14).
Meta nitfgħu l-ħarsa tagħna fuq il-Kurċifiss huwa normali li nsibu ċertu faraġ, għax naraw fi Kristu lil xi ħadd li bata bħalna u allura jista’ jifhem it-tbatija tagħna u jaqsam magħna. Fi Kristu msallab aħna nsibu persuna bħalna ġġorr is-salib u għalhekk tgħinna nerfgħu salibna.
Imma llum nixtieq nagħmlilkom stedina: flok ma nħarsu lejn il-Kurċifiss biex nifhmu t-tbatija tagħna, għaliex ma nħarsux lejn il-bniedem li qiegħed ibati fi żmienna biex nifhmu r-raġuni għaliex Kristu ssallab? Minflok ma nikkontemplaw lil Kristu msallab bħala xi ħadd li jtaffilna t-tbatija tagħna, nagħmlu biċċa xogħol aktar tqila u impenjattiva: inħarsu lejn il-bniedem li qiegħed fid-dulur tal-lum biex nifhmu għaliex Kristu jinsab fuq is-salib. Ħa naraw flimkien liema huwa d-dnub tad-dinja kontemporanja, dnub li fih jien u inti għandna sehem, biex naraw x’wassal biex Kristu jirċievi mewt daqshekk attroċi.
Kristu sab ruħu fuq is-salib frott tal-injoranza reliġjuża jew aħjar minħabba d-dnub tal-apostasija. Fil-fatt, fuq is-salib Ġesù jitlob lil Missieru: “Aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”. Kieku l-Lhud kienu jafu x’qegħdin jagħmlu, ma kinux iwassluh fuq is-salib! Kieku l-poplu ta’ Iżrael ma ħalliex l-injoranza reliġjuża taqa’ bħal għamad fuq għajnejh u ddallamlu l-intelliġenza u l-kuxjenza tiegħu; kieku l-Lhud ħallew il-Kelma tiggwidahom u tħejjijhom; kieku lil Kristu kienu jittrattawh b’mod differenti!
Jien nibża’ li aħna llum insallbu mhux biss lil Kristu imma lil xulxin frott tal-injoranza Kristjana tagħna jew agħar u agħar riżultat tal-apostasija, fis-sens li konna nafu l-verità u ttraskurajniha, konna nafu x’inhu t-tajjeb li għandna nagħmlu u l-ħażin li hemm bżonn nevitaw, imma għall-konvenjenza tagħna aċċettajna li t-tajjeb insejħulu ħażin u li l-ħażin insejħulu tajjeb!
Jekk ma rridux li l-Kruċifissjoni titkompla fil-preżent, jekk aħna kontra li d-dnub ikompli jinfirex fostna, jeħtieġ niftħu qalbna għall-Kelma ta’ Alla. Għandna bżonn nitħeġġu biex nieħdu darba għal dejjem impenn serju f’dak li jirrigwarda l-formazzjoni umana u Kattolika tagħna. Fil-Ġimgħa Mqaddsa tkun sorprendenti l-parteċipazzjoni ta’ eluf ta’ nies f’attivitajiet liturġiċi jew paraliturġiċi li għandhom x’jaqsmu mal-Misteru tal-Għid! Imma bis-sinċerità kollha nistgħu ngħidu li dawn il-persuni huma serjament impenjati biex jimmaturaw fil-vokazzjoni Nisranija tagħhom? Għalhekk inħeġġeġ biex naħdmu flimkien ħalli negħlbu din il-pjaga tal-injoranza reliġjuża; għax jekk intaffu l-injoranza tal-Kelma ta’ Alla, inkunu nistgħu mhux biss ma nkattrux is-slaleb biex insallbu n-nies fuqhom, imma bħall-Qaddej Sofferenti nkunu nistgħu nerfgħu l-piż tal-bniedem li qed ibati.
Għidna li Kristu miet mewta vjolenti. Għalhekk nistgħu ngħidu li kull fejn hemm xi għamla ta’ vjolenza, aħna nkunu qegħdin nipperpetwaw il-mewt ta’ Kristu. Kull meta minħabba xi inġustizzja aħna nweġġgħu persuna oħra, aħna nkunu qegħdin inkattru t-tbatija tal-Kurċifiss, partikularment jekk din tkun vjolenza strutturata fis-sens li tkun vjolenza maħsuba u mwettqa mhux minn persuna waħidha imma minn kollettività!
Hemm il-vjolenza kontra l-ħajja umana. Dak kollu li jnaqqas jew ixellef id-dinjità tal-ħajja umana huwa dnub. Nibdew mill-ħarsien tal-ħajja, mill-bidu nett tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha. Il-vjolenza fuq it-tarbija fil-ġuf hija reat kriminali gravi ħafna, għax barra li hija offiża fuq il-ħajja umana, inkunu qegħdin nolqtu lil min ma jistax jiddefendi lilu nnifsu. Imbagħad f’dan l-ispazju mit-tnissil sal-mewt jista’ jkun hemm diversi azzjonijiet vjolenti kontra l-ħajja umana. Ngħidu aħna, sikwit nisimgħu bil-vittmi tad-droga. Nistgħu nibqgħu daqshekk passivi u indifferenti quddiem din it-theddida għall-ħajja u sakemm dan il-flaġell ma jolqotx lill-familja tagħna nibqgħu b’fommna mitbuq? Għaliex ma għandniex noħolqu opinjoni pubblika aktar qawwija biex kull min, b’mod jew ieħor, direttament jew indirettament, qed jinnegozja d-droga jew qed jiffaċilita t-tixrid ta’ din l-arma qerrieda tal-ħajja, ikun ikkontrollat?
Imbagħad hemm il-vjolenza kontra t-tfal. Naf b’każ ta’ tifel li jmur l-iskola u jgħid lill- għalliema tiegħu li ma jixtieqx imur id-dar, għax fid-dar hemm xi ħadd li jaħqru. Hemm ġenituri li jabbużaw mill-awtorità paterna tagħhom u jużaw vjolenza morali u xi drabi anki fiżika ma’ wliedhom, anki meta dawn ikunu kibru.
Barra mill-vjolenza fil-familja bejn l-istess miżżewġin, partikularment nisa maħqura, hemm il-vjolenza lill-familja, bħal meta xi ħadd mill-miżżewġin jabbanduna l-familja, jew xi ħadd “jisraq” il-mara jew ir-raġel ta’ ħaddieħor. Nassistu wkoll għal vjolenza ma’ persuni anzjani, u ħafna drabi jkunu nies ta’ ġewwa li jużaw din ix-xorta ta’ vjolenza.
Hemm vjolenza fuq il-postijiet tax-xogħol fejn id-drittijiet tal-ħaddiema, speċjalment ta’ dawk li ma għandhomx dejjem il-protezzjoni tal-liġi, ma humiex imħarsa, fejn il-ħaddiem qed jiġi abbużat. Id-diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema, it-theddid u n-nuqqas ta’ garanziji fuq ix-xogħol huma forom oħra ta’ vjolenza. Dawn huwa d-dnubiet kontra l-bniedem li llum qed isallbu lil Kristu mas-salib!
Il-faqar materjali wkoll huwa għamla ta’ vjolenza kontra l-bniedem! It-tqassim inġust tal-ġid isallab in-nies! Meta l-bniedem jiġi mġiegħel jgħix f’kundizzjonijiet xejn dinjitużi, meta l-bniedem ma jkollux f’idejh il-mezzi biex jikseb dak li hu meħtieġ biex jgħix, meta l-bniedem fqir ma jingħatax l-istess opportunità bħal ħaddieħor, kull darba dan ikun qed jiġi arbulat fuq is-salib. Soċjetà li taħbi l-faqar tkun qed twaqqaf kurċifissi ġodda.
Dawn huma ftit eżempji mill-ħajja ta’ kuljum li meta nirrifletti dwarhom, nasal biex nifhem ftit aktar għaliex Kristu huwa msallab! Ħwejjeġ bħal dawn huma tal-mistħija u forsi għalhekk quddiem is-salib ta’ Kristu nagħżlu li nibqgħu siekta!