Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

“Issa aħna nieħdu ħsiebkom”

X’aħbar sabiħa tagħtina llum il-Kelma ta’ Alla li tkellimna dwar l-anġli (Eż 23:20-23a; Salm 90:1-6,10-11; Mt 18:1-5,10)! Ħafna minnkom għandkom anġli fis-Sema, anġli li rajtuhom u oħrajn li lanqas biss rajtuhom! Għalhekk qegħdin hawn, biex infakkru lil dawn l-anġli. Fil-konfront ta’ dawn l-anġli nħossu ħafna emozzjonijiet. Forsi nħossu emozzjonijiet ta’ tbatija, ta’ telfa kbira. Kultant inħossu emozzjoni ta’ sens ta’ ħtija: ‘Forsi stajt għamilt mod ieħor, aġixxejt mod ieħor’. Forsi nħossu wkoll sens ta’ rabja lejn Alla għal dak li ġralna, jew lejn xi ħadd jew xi wħud.

Dawn huma kollha sentimenti marbutin mal-fatt li qisu ħassejna li ma pproteġejniex biżżejjed lill-anġli tagħna. Illum, l-anġli tagħna jridu jfejqulna dawn l-emozzjonijiet. Huma qed jgħidulna: ‘Toqogħdux tinkwetaw biex tieħdu ħsiebna, għax issa aħna nieħdu ħsiebkom’. Aħna lit-trabi tagħna nafuhom żgħar jew forsi lanqas biss nafuhom. Imma żgur li nafuhom fil-bżonn li jiġu protetti, imħarsa, imħaddna u maħbuba. U żgur li nibqgħu b’dik l-idea u attitudni anki llum.

Il-Kelma ta’ Alla llum qed tgħidilna biex nippruvaw inbiddlu ftit il-viżjoni, l-idea. M’għadhomx huma jistennew mingħandna li nieħdu ħsiebhom, imma issa huma qegħdin jieħdu ħsiebna, huma l-anġli. Il-kelma anġlu, li ġejja mill-Grieg angelos, tfisser xi ħadd li huwa mibgħut f’isem Alla. U dawn qegħdin ħdejn Alla, u huma mibgħutin f’isem Alla biex jaqbżu għalina llum. Kemm hi ta’ konsolazzjoni din il-verità li twasslilna l-Kelma ta’ Alla llum fil-Festa tal-Anġli, il-festa tal-anġli tagħkom.

Allura jien nistedinkom biex lill-anġli tagħkom tistħajluhom qed jieħdu ħsiebkom, iħaddnukom, iżiegħlu bikom u jikkunslawkom. Din hi l-verità, mhix fantasija; hi l-verità ta’ wliedkom illum.

Min għadu ma tahomx isem, agħtuhom isem! Min, meta jiġi mistoqsi: ‘Kemm għandek tfal?’, jitkellem biss fuq dawk li għandu jew jgħid li m’għandux, jiftakar fl-anġlu li għandu fis-Sema, idaħħlu lill-anġlu mal-oħrajn u jsemmi li għandu anġlu. Dak huwa ħaj, qiegħed hemm, għandu ismu u kunjomu. Dak huwa tiegħek, jaqbeż għalik quddiem il-Missier.

Ejjew inħallu lil Ġesù fl-Ewkaristija jkompli jdewwina, ifejjaq il-feriti tagħna. Ejjew inħossu li kienu l-anġli tagħkom li sejħulkom illum flimkien u qed jgħidulkom: ‘Isimgħu naqra l-Kelma ta’ Alla u ibdew aħsbuha ftit differenti fuqna, għax aħna qegħdin hemm biex nieħdu ħsiebkom. Aħna m’aħniex fejn qegħdin għax ġara falliment jew għax ma rnexxejniex, imma biex nipproteġukom fil-fallimenti tagħkom, biex ngħinukom tirnexxu fil-ħajja tagħkom’.

Il-Mulej jagħtina li dan il-messaġġ, din il-vuċi ċkejkna tal-anġli tagħna, nisimgħuha u nħalluha tinfed il-qalb.

pdf · 125.92 KB Niżżel