Aqbeż għall-kontenut

It-Tajjeb Dejjeb Jirbaħ fuq il-Ħażin

Illum, 20 ta’ Lulju 2012, fil-Polonja qegħdin isiru ċelebrazzjonijiet biex ifakkru meta bħal-lum sebgħin sena n-Nażi ħadu deċiżjoni illi jiġbru lil-Lhud fil-Ghetto, jifirduhom mill-bqija tal-popolazzjoni u jibdew id-deportazzjoni tagħhom lejn il-kampijiet tal-konċentrament. Il-ġrajja ta’ Auschwitz, wieħed minn dawn il-kampijiet tal-mewt u l-qerda, hija ġrajja kerha wisq. Hija tebgħa fuq l-istorja mhux biss tal-Ġermaniżi imma wkoll tal-Ewropej u tal-umanità. Hemm min jemmen li fl-istorja kontemporanja, l-Olokawst, kif ukoll l-esperjenza tal-Gulag li ġrat fir-Russja, tant huma żewġ ġrajjiet imdemmija li bħal donnu jiġina l-aptit illi nħassru dak li ġara mill-istorja. Anki jekk jirnexxielna nnessuhom, dawn esperjenzi li ġraw.

Il-misteru tal-ħażen f’kull epoka tal-istorja

Il-ġrajja ta’ Auschwitz hija simbolu ta’ fejn jista’ jasal il-ħażen, dak illi fit-teoloġija nsejħulu l-misteru tal-inikwità. L-istorja ta’ Auschwitz turina biċ-ċar x’jiġrilu l-bniedem jekk jagħżel illi ma jirrispettax il-pjan tal-imħabba li Alla għandu għalih.

Issa dak li ġara fl-Aħħar Gwerra Dinjija, b’mod partikulari dak li ġara lil-Lhud fid-diversi kampijiet ta’ konċentrament, għadna niftakruh, għax għadha ħaġa friska. Imma l-istess ġara fi żmien Santa Margerita, li llum qegħdin nagħmlu l-festa tagħha. Il-persekuzzjoni illi Djoklezjanu u l-imperaturi Rumani għamlu kontra l-Insara kienet tixbah ħafna li din il-ġrajja tal-Olokawst. Kif jgħid il-Vanġelu, aħna rridu noħorġu l-qadim u l-ġdid. Jien jiddispjaċini li ħafna drabi fir-riflessjoni tagħna – u din ngħidha wkoll għalikom il-qassisin, għax intom il-predikaturi – aħna noħorġu biss il-qadim. Aħna rridu noħorġu kemm il-qadim u kemm il-ġdid. Irridu nsibu medjazzjoni bejn l-esperjenza tal-fidi u l-istorja li qed ngħixu llum. X’hemm komuni bejn l-esperjenza ta’ Auschwitz, l-esperjenza tal-Gulag u l-persekuzzjoni illi ġarrbet Margerita flimkien ma’ Nsara oħra? Hija l-preżenza tal-misteru tal-ħażen.

Forsi bir-raġun hemm min jgħidilna li aħna nagħmlu l-festi biex naljenaw lil xulxin! Veru li madwarna kollox glorja, imma ma rridux ninsew li għalkemm il-ġrajja tal-festa tiffoka fuq l-istatwa maestuża u sabiħa ta’ Santa Margerita – li hija t-teżor, il-mimmi ta’ għajnejn din il-komunità – din ix-xbieha mlibbsa hekk sabiħ hija ta’ mara Nisranija li ġarrbet fuq ġildha stess xi jfisser il-misteru tal-ħażen. Kif dakinhar laqat lil Santa Margerita, illum għadu jferi lil kull wieħed u waħda minna, min ftit u min aktar. Għax il-misteru tal-ħażen huwa magħna. Anzi xi drabi tibda taqta’ qalbek u tistaqsi min għandu raġun: jekk huwiex il-ħażin jew it-tajjeb! Għaliex donnu l-ħażin huwa dejjem rebbieħ. Imma mhux hekk!

Dan hu l-ħsieb illi nixtieq nimmedita dwaru, għaliex għalkemm il-persekuzzjoni tal-Lhud li ġrat sebgħin sena ilu – ukoll jekk hija tal-mistħija hekk li hawn min irid jgħid li ma seħħitx –hija tebgħa mdemmija fl-istorja tal-umanità, imma donnu l-bniedem għadu ma tgħallimx mill-istorja. Fil-fatt il-persekuzzjoni għadha għaddejja.

Il-persekuzzjoni għadha għaddejja

Hawn nies nafuhom b’isimhom u kunjomhom illi m’għandhomx mistrieħ, għax huma ppersegwitati minħabba motivi patrimonjali, minħabba l-wirt, minħabba tqassim inġust tal-beni tal-familja. Fostna hawn individwi illi ma jgħaddux ġurnata sewwa għax huma ppersegwitati!

Hawn min hu ppersegwitat għaliex għandu ġilda differenti minn tagħna: ir-razziżmu. Veru illi l-fenomenu tal-emigrazzjoni huwa problema li ma nistgħux nerfgħuha waħedna bħala nazzjon, u l-Ewropa trid tgħaddi issa mill-kliem għall-fatti; huwa minnu li ma nistgħux, pajjiż żgħir bħal tagħna bir-riżorsi jkunu dak li huma, nerfgħu dan il-piż waħedna. Imma b’daqshekk ma jfissirx li għandna raġuni biex nippersegwitaw lil dawn l-emigranti.

Hawn persekuzzjoni reliġjuża. Il-martri mhumiex biss tal-ewwel sekli, imma reċentement qed jinkitbu isimjiet ta’ Nsara illi huma ssagrifikati għax huma martri, u martri għax huma ppersegwitati.

Hemm il-persekuzzjoni politika, u din across the board, ħalli ħadd ma jifhimni ħażin. Donnu xi ħadd jibża’ jgħid x’inhu t-twemmin politiku tiegħu għax jibża’ illi jkun hemm min jippersegwitah.

Illum m’għandniex it-tortura li kienu jagħmlu Olibrju u Djoklezjanu fi żmien Margerita, jew li kien jagħmel Hitler mal-Lhud; imma għandna forom ta’ torturi aktar fini. Mhix it-tortura fiżika, imma morali u psikoloġika. Is-sikkina tal-mibegħda ma tħanxarx, imma taqta’ fin fin, u allura tweġġa’ aktar. Kemm għandna minna stess feruti u mweġġgħin minħabba s-saħta tal-mibegħda! Spiss jiġri li wieħed jiġi emarġinat, imwarrab għall-ġenb fil-familja tiegħu stess: aħwa jemarġinaw lill-aħwa, ulied jemarġinaw lill-ġenituri, ġenituri jemarġinaw lil uliedhom, fil-gruppi tagħna, fl-għaqdiet tagħna, fis-soċjetà tagħna, u jista’ jkun fil-Knisja wkoll. Din mhix tbatija? Dan mhux il-misteru tal-ħażen?

Imbagħad x’ngħidu għal dak li jsejħulu l-assassinju tal-karattru. Hawn min hu espert kif jaqla’ gideb ħalli jkisser il-karattru ta’ dak jew l-oħra, u hekk “joqtol” il-karattru ta’ dik il-persuna. Veru li aħna għandna d-dritt li naqsmu l-informazzjoni ma’ xulxin, imma m’għandniex dritt li nxerrdu l-informazzjoni ħażina, żbaljata, dik li bl-Ingliż isejħulha disinformation. Ħafna darbi din ix-xorta ta’ mewt hija aktar kiefra mill-mewt fiżika.

Il-ħażen istituzzjonalizzat

Dawn huma ftit eżempji biex nagħti ħjiel ta’ x’nifhem meta nitkellem dwar il-misteru tal-ħażen. Dan il-misteru tal-ħażen jista’ jkun fil-qalb tal-persuna, imma jista’ jkollu wkoll forma istituzzjonalizzata, jiġifieri tkun l-istituzzjoni illi tikkawża t-tbatija. Meta l-ħażen ikun ġej mill-istituzzjoni jew mis-sistema, dan huwa wisq aktar gravi mill-ħażen illi jikkawża l-individwu. Dan kollu narah fl-immaġni tas-sitt miljun Lhudi li nqerdu fl-Aħħar Gwerra. Narah preżenti fil-persekuzzjoni li għaddiet minnha Santa Margerita, Verġni u Martri.

F’dan il-kwadru nixtieq li naqraw “illum” l-istorja tagħha. Margerita kienet tfajla mlibbsa l-ġmiel. Olibrju tefa’ għajnejh fuqha u riedha anki bħala konkubina tiegħu. Imma billi Margerita rrifjutat, hi kellha tħallas prezz: sabet l-id setgħana illi imponiet fuqha l-ħażen. Billi kienet Nisranija, Margerita ssib ruħha vittma mhux biss ta’ tant qilla u vjolenza ta’ Olibrju, imma tal-Imperatur Djoklezjanu stess.

Għalhekk fil-każ ta’ Margerita nilmaħ il-ħażen fiż-żewġ aspetti li għadni kif fissirt: sew fil-persuna ta’ Olibrju, imma wkoll fl-istituzzjoni illi għaddiet lil Margerita u lill-Insara l-oħra minn dak l-infern. U dan għax l-Insara kellhom fehmiet differenti minn tal-istituzzjoni, għax kellhom fehmiet illi kienu jikkuntrastaw, biex ma ngħidx jakkużaw lill-istituzzjoni. Dak illi ġarrbet il-martri Margerita fil-bidu tas-seklu erbgħa, ngħaddu minnu aħna wkoll.

Fejn hu Alla?

Il-ħażen morali lill-bniedem jgħaffġu, jiżbranah, iżarmah. Il-ħażen morali jmiss lill-bniedem fil-qalba tal-eżistenza tiegħu, għaliex quddiem il-problema tal-ħażen, jekk ma nkunux aljenati, hemm probabbiltà kbira illi l-bniedem jitlef il-fiduċja mhux biss fih innifsu u f’dawk ta’ madwaru, għax jibda jara lil kulħadd bħala theddida, imma saħansitra jitlef il-fiduċja f’Alla. Fil-fatt hemm min jgħid illi wara l-esperjenza tal-Lhud fil-kampijiet tal-konċentrament, illum ma nistgħux nitkellmu fuq Alla. Għaliex kif jgħid filosfu ta’ dixxendenza Lhudija, Hans Jonas, fil-kampijiet tal-konċentrament Alla waqa’ fil-muta – Alla kien assenti. Kif jgħid ħassieb ieħor, Salvatore Natoli, fil-kamp tal-isterminju qatt ma dehret xrara waħda mill-glorja ta’ Alla, mill-glorja ta’ Kristu Rxoxt, imma nstemgħet biss il-karba ta’ Kristu Msallab. Natoli jkompli jgħid illi l-misteru tal-ħażen kif jidher issimbolizzat fl-esperjenza tal-Lhud iddeportati u maqtula fil-kmamar tal-gass huwa l-aqwa argument li jista’ jkollu l-bniedem biex jiċħad l-eżistenza ta’ Alla. Għaliex ladarba ma jintervjenix, Alla jidher li huwa kompliċi ma’ dak li qed jagħmlu l-ħżiena, ma’ dawk li qed jagħmlu l-ħażen.

Aħna ftit nafu fuq l-istorja tal-qaddisa u protettriċi tagħna Santa Margerita; imma nistħajjel illi jekk mhux lilha, imma lill-Insara ta’ madwarha, illi kienu milquta mill-misteru tal-inikwità, għaddew dubji serji bħal dawn minn qalbhom meta ħassewhom mgħaffġa taħt il-piż tal-ħażen morali. Mhemmx għalfejn immur għall-istorja ta’ Margerita ta’ Antjokja, imma nista’ nsemmi b’ismu u b’kunjomu l-bniedem li qed jgħix fis-soċjetà tagħna llum. Meta t-tnalja tal-ħażen inġustament tagħmilna vittmi u tagħfas fuqna, ma jiġuniex f’qalbna u f’moħħna dawn is-sentimenti u nistaqsu: “Jekk inti l-istess tjubija, int fejn int, o Alla?”? Din it-tensjoni għaddiet mill-qalb ta’ kull bniedem – għaddiet minn qalb Kristu, tant li meta kien fuq is-salib għajjat: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?”. Dan il-qtigħ il-qalb ġarrbuh ukoll il-Lhud fil-kampijiet tal-konċentrament, li min jaf kemm staqsew: “Għax abbandunajtna, Alla?”. Kien dubju li ħakem il-qalb ta’ din il-qaddisa li llum qed inpoġġuha bħala mudell għall-ħajja tagħna l-Insara, Santa Margerita. Fuq kollox jien konvint illi jekk din il-mistoqsija għadha ma għaddietx minn qalbek u minn qalbi, jum wieħed għad tgħaddi, għax m’aħna xejn aħjar minn ħaddieħor.

Il-problema tal-ħażen morali

X’inhu l-misteru, il-ħażen morali? Santu Wistin, li barra li huwa Nisrani li jirrifletti, u allura teologu, huwa wkoll filosfu li jibni fuq filosfi li ma kinux Insara, jgħid illi l-ħażen ma jagħmilx parti min-natura tagħna l-bnedmin. In-natura tal-bniedem essenzjalment hija tajba, jgħid Santu Wistin, imma kif fil-materja hemm id-defiċjenza u allura hemm il-ħażin, hekk ukoll il-bniedem jista’ jkun defiċjenti fir-rieda tiegħu. F’dak li huwa ħażen morali, kollox jiddependi mir-rieda tal-bniedem. Suppost li l-bniedem huwa miġbud għal dak li huwa tajjeb (bonum), imma mbagħad jaf jagħmel dak li huwa ħażin. San Pawl jgħid li ħafna drabi l-bniedem isib ruħu qed jagħmel dak li ma jridx li jagħmel, u dak li ma jridx jagħmel huwa l-ħażin.

Santu Wistin jorbot il-problema tal-ħażen morali mal-libertà, don kbir li Alla ta lill-bniedem. Ir-rieda tal-bniedem hija ħielsa; imma propju għax ħielsa, aħna nistgħu nagħżlu l-ħażin flok it-tajjeb. Għalhekk, skont Santu Wistin, il-ħażen morali huwa riżultat tar-rieda defiċjenti, marida u dgħajfa tagħna l-bnedmin.

San Tumas, id-Duttur Anġeliku, jitkellem ukoll dwar in-natura tal-ħażen morali, u jgħid li dan ġej mill-fatt illi l-bniedem jagħżel li ma jkunx suġġett għar-rieda ta’ Alla. X’hemm komuni bejn dawk li kienu responsabbli mill-persekuzzjoni ta’ Santa Margerita u tal-Insara tal-ewwel sekli, dawk li organizzaw il-Gulag, u Hitler li kien il-moħħ wara l-qerda tal-Lhud? It-tlieta kienu mingħajr Alla. Hemm min jgħid illi l-persekuzzjoni tal-Lhud għamluha l-Insara; imma n-Nażi kienu Nsara formalment biss! Jekk naqraw l-istorja ta’ Hitler, malajr nintebħu kemm kien jirredikola t-twemmin Nisrani. Min m’għandux lil Alla kapaċi jasal għal kollox. Norberto Bobbio, ħassieb ta’ żminijietna, jgħid illi l-morali lajka hija tajba, imma ħafna drabi hija bla raġuni, ma torbotx, għax ma għandhiex fuq xiex isserraħ. Għax illum għandna min isostni li għandna nwarrbu l-fidi, għax bil-ħsieb biss (il-morali razzjonali) il-bniedem kapaċi jsib dawk ir-regoli illi jiggwidawh biex jagħmel it-tajjeb u jaħrab il-ħażin. Allura Bobbio ġustament jgħid li din it-tip ta’ regola, li tasal għaliha bir-raġuni biss, hi fjakka u ħafna drabi ma torbotx. Imbagħad hemm it-teologu Hans Küng, illi jgħid li l-umanità ssalva biss jekk għandha bażi li sserraħ fuq Alla. Jekk mhemmx Alla, l-umanità taqa’ żorba.

Fil-fatt dan huwa li ġara, kemm meta kien hemm il-persekuzzjoni ta’ Santa Margerita u kemm b’konsegwenza tal-isterminju tal-Lhud. Inqered ġens għax kienu razza Arjana – għax kellhom razza differenti. U llum x’qed jiġri? L-istess. Jekk il-misteru tal-ħażen jerfa’ rasu u qiegħed jagħmel persekuzzjoni ġdida, dan qiegħed ikiddna bħala bnedmin. Sfortunatament il-bniedem illum jidhirlu li jista’ jgħaddi mingħajr Alla u għalhekk jista’ jibni sistema u jorganizza lilu nnifsu mingħajr riferiment għal Alla!

Il-periklu tar-relattiviżmu kontra l-verità oġġettiva

Jeżisti ordni etiku oġġettiv li jista’ jarah kull bniedem, ikun xi jkun it-twemmin tiegħu. Hemm verità li teżisti qabel il-bniedem, liema verità tgħidilna x’inhu t-tajjeb u l-ħażin. Imbagħad is-soċjetà tagħna qed tinnamra ma’ dak li jsejħulu relattiviżmu, li jinnega l-verità oġġettiva. Meta mhemmx il-verità oġġettiva, bir-raġun wieħed jistaqsi x’inhu t-tajjeb u x’inhu l-ħażin; għax b’ħażen wieħed jista’ jifhem ħaġa u ħaddieħor jifhem ħaġa oħra, u xi drabi jistgħu jkunu kuntrarji għal xulxin. Dan hu l-gwaj. Min ħa jagħtina din il-verità oġġettiva? Huwa Alla. U għalhekk dak li jgħid it-teologu Hans Küng: “L-umanità taqa’ żorba, m’għandhiex futur jekk ma sserraħx fuq Alla”. Din it-twissija tiżen aktar meta wieħed jikkunsidra li hemm min qed jipprova jikkonvinċina li t-tajjeb u l-ħażin mhumiex xi ħaġa fihom infushom, imma huma prodott tal-istorja u l-kultura, bil-possibbiltà li dak li lbieraħ kien tajjeb, illum insejjaħlu ħażin, jew bil-kontra.

Hawnhekk it-teologu Luteran Bonhoeffer, li wkoll kien jaf xi tfisser il-vjolenza tal-kampijiet tal-konċentrament, jgħid: “Meta l-ħażin jilbes din il-maskra, allura jaqgħu r-riferimenti etiċi, jaqgħu r-regoli tal-morali”. Nagħti ftit eżempji. Illum nirrikonoxxu li l-pedofilja hija delitt serju ħafna. Imma l-istorja tgħidilna li fi żmien ir-Rumani kienet xi ħaġa aċċettata soċjalment li wieħed ikollu tifel bhala “ħabib”! Avvanzajna u għarafna l-ħażen intrinsiku tal-pedofilja, jagħmilha min jagħmilha. Imma fl-2006, fl-Olanda twaqqaf partit politiku tal-pedofili! Xi tentattiv simili hemm l-Irlanda llum. Fejn ħa naslu? Mela għedna li l-pedofilja lbieraħ kienet tajba, illum saret ħażina, u issa waqqafna partit politiku tal-pedofili!

Fi żmien ir-Rumani kien ħaġa aċċettata li wieħed ikollu l-iskjavi. San Pawl jikteb lil Filemon biex jeħles lil Oneżimu, wieħed mill-iskjavi tiegħu. Illum fhimna kemm l-iskjavitù hija ħaġa degradanti għall-bniedem. Imma llum qegħdin noħolqu forom ġodda ta’ skjavitù.

U jekk nitkellmu dwar iż-żwieġ u d-divorzju: ilbieraħ konna ngħidu li d-divorzju huwa ħażin, illum qegħdin ngħidu d-divorzju huwa tajjeb! Għax il-ħażin issa sar kwistjoni ta’ storja. Ilbieraħ kellna stil ta’ ħajja, illum niġġustifikaw stil differenti, u l-ħażin naċċettawh bħal ħaġa tajba.

Fejn hu l-bniedem?

Dan hu l-misteru tal-ħażen. Huwa minnu illi quddiem il-ħażen wieħed jista’ jissuspetta li Alla “irtira” u “inħeba”; imma hemm mistoqsija oħra x’nagħmlu: “Int, bniedem, fejn int?”. Meta ftit ilu l-Papa Benedittu XVI mar f’Auschwitz, huwa għamel din il-mistoqsija. Benedittu jibda biex itenni l-karba tal-Lhud: “Alla, int fejn kont quddiem din il-kefrija?”; imma mbagħad il-Papa jżid mistoqsija oħra: “Imma l-bniedem fejn kien?”. U hawn nikkwota lil Dietrich Bonhoeffer li jgħid li l-ħażen huwa ħaġa negattiva, imma li ma nitkellmux dwar il-ħażen, dan ukoll huwa ħażen. Il-ħażin huwa kundannabbli; imma li l-bniedem jibqa’ gallerija u ma jitkellimx meta jara l-ħażen quddiem għajnejh, dak huwa parti mill-ħażen. Għax meta ma titkellimx, tkun qed titkellem – bis-skiet tiegħek tkun qiegħed tapprova l-ħażin li hemm madwarek.

Ma nistgħux ngħidu li Santa Margerita b’xi mod għalqet fommha quddiem il-ħażen, u l-ħażen tal-istituzzjoni. Hija tkellmet fejn kellha titkellem, anki jekk meta kkundannat il-ħażin, hija kellha tħallas il-prezz tal-martirju.

Jien nibża’ li s-soċjetà tagħna m’għandhiex il-kuraġġ illi t-tajjeb tgħidlu tajjeb u tfaħħru, ġej minn fejn hu ġej, imma l-ħażin tgħidlu ħażin, ġej minn fejn hu ġej.

L-Għerf tas-Salib

Quddiem il-misteru tal-ħażen aħna għandna biss il-mysterium pietatis, il-misteru tat-tjubija ta’ Alla. Il-massimu tal-pjetà u t-tjubija ta’ Alla deher fuq il-Kalvarju, fuq is-Salib. Hans Jonas jgħid illi fil-kamp tal-konċentrament, Alla deher bla saħħa u impotenti, ma jista’ jagħmel xejn u ma għamel xejn. Fuq is-Salib, Kristu, l-Iben ta’ Alla li sar bniedem, jidher li huwa impotenti, ma jista’ jagħmel xejn quddiem il-vjolenza, il-mibegħda, il-misteru tal-ħażen. Imma fl-impotenza ta’ Alla fuq is-Salib tidher l-omnipotenza ta’ Alla. Għaliex hemm dehret l-imħabba infinita li Alla għandu għall-bniedem, meta Kristu twaħħal mas-salib tal-bniedem – meta Kristu tela’ fuq is-salib li fuqu kien minxur il-bniedem ta’ kull żmien.

Nagħmel referenza għall-qaddisa ta’ żminijietna Edith Stein, li nara xebh kbir bejnha u bejn Santa Margerita tagħna. Il-qofol tal-ispiritwalità ta’ din il-Lhudija, li mbagħad saret Nisranija u soru Karmelitana bl-isem ta’ Tereża Benedetta tas-Salib, u mietet fil-kamp tal-konċentrament, huwa propju dik li jsejħulha x-Scientia Crucis – l-Għerf tas-Salib. Edith Stein tgħid illi meta hija kienet tara l-Lhud resqin lejn il-kamra tal-gass, kienet tilmaħ fihom il-kontinwità tal-Passjoni ta’ Kristu. Għaliex meta n-Nażi kienu qed jaħqru lill-bniedem, huma kienu qegħdin jaħqru l-umanità ta’ Kristu. Edith Stein temmen illi s-Salib huwa l-qofol tal-misteru tal-ħażen. Il-mewt mhix l-aħħar kelma, is-Salib joffrilna t-tama, għaliex Kristu ma baqax fuq is-salib imma rebaħ il-mewt, it-tbatija, il-ħażen bil-qawmien tiegħu mill-mewt.

Edith Stein setgħet titlaq lejn l-Isvizzera u hekk taħrab il-kundanna; imma riedet tibqa’ fil-kunvent tal-Karmelu, anki jekk kienet taf li d-destinazzjoni tagħha kienet il-kamp tal-isterminju, ħalli tmur fost il-Lhud u fost dan il-poplu magħkus bil-misteru tal-ħażen. Hi setgħet tibqa’ tgħid: “Emmen f’Alla” – emmen f’Ġesù Kristu, dak illi tgħabba bil-misteru tal-ħażen biex itaffih lill-umanità. “Dak li ma kienx jaf x’inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina” (2 Kor 5:21), jgħid San Pawl għal Kristu. Kristu sar saħta! X’termini qawwija juża San Pawl! Kristu sar saħta, għax il-mewt tas-salib hija saħta tal-bnedmin. Imma Kristu sar saħta biex il-bniedem misħut taħt il-qilla tal-mibegħda rrappreżentata fis-Salib, ikun jista’ jgħix għal dejjem. Din hi t-tweġiba ta’ Edith Stein u din hija t-tweġiba ta’ Santa Margerita.

Aħna nafu li meta Olibrju staqsa lil Margerita: “Int dixxiplu ta’ Kristu msallab?”, Margerita ħassitha onorata illi xi ħadd għarafha bħala dik li miexja wara l-Kurċifiss – wara Kristu Msallab. Jien nistħajjel li dak li qalet Edith Stein, qalitu wkoll Margerita. Meta kienet fil-ħabs, hija wkoll riedet tkun maġenb Insara ppersegwitati u kkundannati għall-mewt milqutin mill-misteru tal-ħażen. Biex tagħmlilhom kuraġġ, Margerita kienet tgħidilhom: Emmnu f’Alla, emmnu fi Kristu l-Feddej, li mhux biss itaffilkom il-piż tal-ħażen, imma bil-mewt u l-qawmien tiegħu salva lill-bniedem, neħħa mill-qalb tal-bniedem dik il-kawża li ddgħajjef ir-rieda tiegħu, li jagħmel il-ħażen. Fi kliem ieħor, Kristu rebaħ id-dnub.

Is-seba’ armi kontra l-ħażen

F’dan is-sens, Santa Margerita hija qaddisa kontemporanja. F’diskors li l-Papa għamel dwar Santa Katerina ta’ Bologna hu jsemmi s-seba’ armi kontra l-misteru tal-ħażen. L-ewwel nett Santa Katerina tħeġġiġna biex nagħmlu t-tajjeb u naħarbu l-ħażin. Ma tistax tirbaħ il-ħażen waħdek, imma bl-għajnuna ta’ Alla. Ma nħallux il-ħażen jaqtgħalna qalbna! Niftakru li rridu mmutu, u allura rridu nagħtu kont ta’ għemilna. Santa Katerina ta’ Bologna teżortana biex niftakru fil-Ġenna – ħasra li n-Novissmi m’għadniex insemmuhom, lanqas fil-predikazzjoni! Il-Ġenna hija dik l-għamara dejjiema ma’ Alla, il-milja tat-tjubija. Importanti naħsbu kontinwament fuq il-passjoni u l-mewt ta’ Kristu. Hawn nara referenza għat-Teoloġija tas-Salib, ix-Scientia Crucis li kellha Edith Stein. Santa Katerina fl-aħħar tgħidilna biex inkunu midħla tal-Kelma ta’ Alla, għax minn hemm nieħdu l-enerġija biex niġġieldu lill-ħażin.

Jien m’għandix f’idejja t-testment spiritwali illi għamlet Santa Margerita, Verġni u Martri; imma nistħajjel u nista’ ngħid b’konvinzjoni li din il-qaddisa, li sabet din il-ġawhra li hija s-Salib ta’ Kristu, qabel ma għalqet għajnejha tatna wkoll dawn il-pariri tas-seba’ armi kontra l-ħażen li tatna Santa Katerina ta’ Bologna. Huma għodda tajba ħafna li għandna nużaw f’din il-ġlieda kontra l-ħażen, biex bl-għajnuna ta’ Alla u bl-interċessjoni tal-qaddisin, il-bniedem jirnexxielu jirbaħ il-ħażin, għaliex it-tajjeb jirbaħ dejjem fuq il-ħażin.

pdf · 103.06 KB Niżżel