It-Teżori tal-Komunità
Kulma jmur ir-rabta affettiva ta’ bejn in-nies li joqogħdu fl-istess lokalità qiegħda dejjem tiddgħajjef. Qegħdin insiru numri. Ftit ilu smajt li f’parroċċa żgħira kien hemm anzjana li kien ilha erbat ijiem mejta d-dar u ħadd ma ntebaħ biha! Il-ħajja tant saret mgħaġġla li bilkemm għandna ħin għalina nfusna, aħseb u ara għall-oħrajn.
Qed ngħixu fi żmien fejn il-komunità ftaqret. Donnu ħadd ma għandu sabar għal xulxin. Ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna ħadu daqqa kerha. Ir-relazzjonijiet tbażwru. Anki l-aktar relazzjonijiet intimi ħadu skoss. Bħal donnu tlifna l-kapaċità li nirrelataw ma’ xulxin u nisimgħu lil xulxin.
F’dan il-kuntest joħroġ aktar biċ-ċar kemm għandha valur il-komunità parrokkjali. Dun Primo Mazzolari, saċerdot ta’ fama li kien jgħix l-Italja fis-seklu l-ieħor, jgħid li “l-vojt tal-bniedem jimtela bl-imħabba. Aktar ma l-vojt ikun kbir, aktar hija meħtieġa doża kbira ta’ mħabba”. Fil-ħajja hemm vojt li jrid jiblagħna. Il-baħħ eżistenzjali ma jimteliex la bid-duttrini u lanqas bil-lezzjonijiet; imma bl-imħabba, jiġifieri bil-maħfra, is-sabar, il-mogħdrija, il-karità, il-ħniena…
Meta Valerjanu talab lil San Lawrenz biex jippreżentalu l-ġid tal-Knisja, hu ħaseb li ser ipoġġi jdejh fuq il-fided, dehbijiet, opri tal-art… Imma l-Levita Lawrenz ressaqlu ġemgħa ta’ persuni foqra. Kieku llum, meta din il-parroċċa qed tfakkar il-mija u ħamsa u għoxrin sena mit-twaqqif tagħha, jien nitlob lill-Kappillan jurini t-teżori prezzjużi tal-Parroċċa ta’ San Lawrenz, niżgurakom li hu ma jistax jurini realtà egħżeż minn din il-ġemgħa li qed timla din il-knisja daqs bajda. Intom it-teżor ta’ din il-parroċċa, u ma stajtux tagħtuni pjaċir ikbar minn dan. Napprezza li minkejja li qegħdin fost il-ġimgħa, ħallejtu kollox u ġejtu hawn, ġemgħa waħda. Intom il-frott tal-antenati tagħkom.
Illum hemm min jgħid li l-istruttura tal-parroċċa għadda żmienha u ma għadx fadlilha valur pastorali. Għalhekk hemm min huwa tal-fehma li “għandna narmu l-parroċċa ’l barra mit-tieqa”. Altru li dan mhux minnu. Kif jgħidilna l-Papa Franġisku, “il-parroċċa mhix xi struttura b’jiemha magħduda”. Hija “tissokta tkun il-Knisja li tgħammar f’nofs id-djar ta’ wliedha” (Il-ferħ tal-Vanġelu, 28). Illum, aktar minn qatt qabel, il-parroċċa hija meħtieġa meta wieħed iqis li s-solitudni qiegħda dejjem tinfirex qisha dabra żejt li qed tgħarraq il-libsa sabiħa tal-bniedem. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, qed jikber l-anonimat u wieħed lanqas biss jibqa’ jkun jaf min huma l-ġirien tiegħu.
Il-komunità parrokkjali hija dik il-ġemgħa li tisma’ lil Kristu jgħidilha: “Ħobbu li xulxin kif ħabbejtkom jien”. Il-komunità parrokkjali hija ġemgħa fejn l-imħabba ta’ Alla timla l-baħħ… fejn l-imħabba tal-proxxmu tkun il-mediċina li tagħlaq il-ġerħat – jiġuni f’moħħi persuni bħalma huma l-morda, l-anzjani, iż-żgħażagħ bla xogħol, il-familji miksurin, dawk li għaddejjin minn mumenti iebsa, il-foqra… Meta lil dawn il-persuni nħobbuhom bi mħabba preferenzjali, ma nkunu nonqsu lil ħadd – ma nkunu ħatja ta’ ebda diskriminazzjoni. Meta nagħżlu li nħobbu lil dawn aktar milli lill-oħrajn, meta għax indaħħlu lil dawn ikollna nħallu barra lill-oħrajn, ma nkunu nagħmlu ebda inġustizzja; anzi, dawn il-persuni huma opportunità biex min hu għani fl-imħabba jkun jista’ jgħin.
Jien konvint li l-Parroċċa ta’ San Lawrenz hija tassew komunità, għax għall-grazzja ta’ Alla għadkom komunità magħquda, tgħinu lil xulxin, taqbżu għal xulxin u tħossu għal xulxin. Dan il-wirt li waslilkom matul dawn il-mija u ħamsa u għoxrin sena ħudu ħsiebu u għożżuh biex tgħadduh lil ta’ warajkom.
Nawguralkom li tkomplu tistagħnew b’dan l-għana li hemm f’qalbkom. Dan ma jfissirx li fostkom ma jkunx hemm tgergir jew li ma tinbarxux. Mhux dejjem ser taqblu f’kollox. Imma l-imħabba tgħatti u tissaporti kollox. L-imħabba timla l-vojt. Komplu kunu oasi ta’ ħbiberija. Iferraħna kliem Ġesù li jsejħilna ħbieb; fl-istess waqt nitnikket meta nara li l-ħbiberija saret tant irħisa li faċli titpartat ma’ ħwejjeġ oħra. Għalhekk, għożżu l-ħbiberija ġenwina ta’ bejnietkom.
Xi ħadd jiddeskrivi l-parroċċa bħala “lukanda fejn nirrakkontaw l-istorja tagħna”. L-anzjani jifhmu x’qed ngħid. Fl-imgħoddi l-antenati tagħna kellhom il-ħin biex jirrakkontaw u jisimgħu lil xulxin. Jien konvint li anki bħala komunità għandkom memorji sbieħ x’tirrakkontaw lil xulxin. Dan jgħin biex tiġi mħarsa l-memorja kollettiva, għax jekk din tintilef, il-komunità tispiċċa mingħajr għeruq!
Għalhekk nawguralkom li bħala komunità parrokkjali tkunu skola ta’ fraternità, biex bħal aħwa tinbnew f’familja waħda. Kif il-ġisem huwa midmum minn diversi partijiet u kull parti hija meħtieġa, hekk kull individwu fil-komunità jagħti s-sehem tiegħu għall-ġisem kollu u l-ġisem kollu jħoss għal kull membru.
Ħa tkunu komunità li toffri widna li tisma’ lil kull membru tagħha. Sar diffiċli llum issib widna li tisimgħek b’interess ġenwin u mingħajr biża’ li dak li tafda fil-widnejn se jixxandar minn fuq il-bjut.
Ħa tkunu komunità disposta li takkumpanja sew lil min hu b’saħħtu imma iktar u iktar lil min hu dgħajjef. Komunità li twieżen lil min hu kapaċi jaqdef waħdu biex ma jaqtax qalbu, kif ukoll lil min jinsab bid-dgħajsa mingħajr imqadef jitħabat mal-mewġ għoli. Spiss jiġrilna fil-ħajja li nfittxu spalla biex inserrħu fuqha u jdejna tmur fil-baħħ. Iċċaħħdux lil xulxin minn din l-għajnuna.
Ħa tkunu komunità li tgħix il-karità kif kien jagħmel id-Djaknu San Lawrenz. Naf li f’qalbkom iħeġġeġ in-nar Lawrenzjan. Għożżu din l-imħabba u komplu sarrfuha bil-ġenerożità u l-karità kemm ma’ ta’ ġewwa u kemm mal-barranin.
Din l-għaqda ta’ bejnietkom tiġi mis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla. Għalhekk nawgura li kull familja tkun santwarju ċkejken tal-Kelma – fejn il-Kelma ta’ Alla jkollha post ċentrali, u kif ma jgħaddix jum wieħed li l-familja ma tintefax madwar il-mejda tal-ikel, hekk ukoll tfittex li b’mod regolari tinġabar mal-mejda biex taqsam il-Kelma! Jekk tixtiequ tibqgħu komunità parrokkjali li tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies u tal-Knisja, komplu għożżu l-Kelma ta’ Alla. Ħa jiklukom widnejkom għall-Kelma biex tkun hi li tibnikom ilkoll aħwa fi Kristu.
L-aqwa espressjoni ta’ din il-komunjoni parrokkjali hija l-Ewkaristija, speċjalment l-Ewkaristija tal-Ħadd. Meta tibda titnaqqar l-Ewkaristija tal-Ħadd, il-komunità parrokkjali titlef ir-ruħ tagħha u r-rabtiet ta’ bejnietkom jitfarrku.
Nista’ napplika għalikom, komunità ta’ San Lawrenz, dak li Sant’Injazju ta’ Antjokja jikteb dwar l-Insara tal-belt ta’ Efesu: “Fl-għaqda ta’ bejnietkom u fl-imħabba sinfonika ta’ bejnietkom, Ġesù jkun l-għanja tagħkom. Għalhekk il-komunità ssir kor biex fis-sinfonija tal-għaqda, wara li tiksbu t-ton ta’ Alla fl-unità, tkantaw b’vuċi waħda” (4,1-2).