Aqbeż għall-kontenut

Iż-Żmien Messaġġier ta’ Alla

Iż-żmien huwa deheb, u għalhekk ilkoll aħna attenti biex ma nitilfux sekonda waħda. Kulħadd huwa koxju li ż-żmien jiswa l-flus. Ħadd ma jieħu pjaċir jekk ħaddieħor jaħlilu l-ħin.

Imma ż-żmien huwa grazzja minn Alla. Għal min ma jemminx, iż-żmien huwa kronos – suċċessjoni ta’ ġranet, xhur u snin; imma għalina li nemmnu f’Alla, iż-żmien huwa kairos – iż-żmien huwa grazzja li Alla jsawwab fuq il-bniedem skont il-kejl u l-kariżma ta’ kull wieħed u waħda minna. Għalhekk iż-żmien huwa prezzjuż, għax huwa opportunità biex aħna niltaqgħu ma’ Kristu, dak li, kif jikteb San Pawl fl-Ittra tiegħu lill-Galatin, wasal fid-dinja fil-milja taż-żmien: “Meta waslet il-milja taż-żmien, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi, biex jifdi li dawk li kienu taħt il-Liġi, biex ikollna l-adozzjoni ta’ wlied” (4:4). Il-fidi tgħinna naqraw fl-istorja tal-umanità dik l-istorja li jrid jikteb Alla – dik li tissejjaħ storja tas-salvazzjoni. Din l-istorja, li għandha bħala ċentru lil Ġesù Kristu, għadha tissawwar illum fil-ħajja ta’ kull wieħed, għax Alla għadu jikkomunika lilu nnifsu. Il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna hija kapitlu f’din ir-rivelazzjoni ta’ Alla miktub mhux biss għalina personalment imma wkoll għall-oħrajn. Kif jgħid San Pawl, kull wieħed minna huwa “ittra ta’ Kristu miktuba mhux bil-linka, imma bl-Ispirtu ta’ Alla l-ħaj; mhux fuq twavel tal- ġebel iżda fuq it-twavel tal-laħam ta’ qalbkom” (2 Kor 3:3). Daqshekk huwa importanti ż-żmien li matulu tiżvolġi ħajjitna!

Għalkemm qegħdin ngħixu f’epoka li għandha d-dellijiet tagħha, iż-żmien huwa mimli bil-preżenza ta’ Alla. Qaddis Ġiżwita li kien sieħeb ta’ Sant’Injazju ta’ Loyola, San Pierre Favre (1506-1546), kien jgħid li “ż-żmien huwa messaġġier ta’ Alla” (ara Il-ferħ tal-Vanġelu, 171). M’hemm għalfejn tmur imkien biex tiskopri xi jrid Alla minnek, għax il-ħajja ordinarja ta’ kuljum hija dak il-kuntest fejn Alla jsemma’ l-leħen tiegħu. Jekk jirnexxielna nisimgħu dan il-leħen, aħna nkunu għorrief. Kif jispjega l-Papa Franġisku, il-mument ta’ issa huwa tagħna, imma ż-żmien huwa ta’ Alla. Aħna sidien tal-mument ta’ issa, għax huwa fir-rieda ħielsa tagħna x’nagħmlu “issa”. Għalhekk huwa importanti li nkunu nafu nagħmlu dixxerniment biex fil-mument jirnexxielna nagħmlu għażliet tajba (ara Omelija f’Santa Marta, 25 ta’ Novembru 2013).

Meta qegħdin nikkonkludu din is-sena 2018, skadenza oħra biex inkejlu ż-żmien, nistedinkom biex nagħmlu riflessjoni (jew eżami tal-kuxjenza) u naraw kemm stajna tlifna opportunitajiet matul din is-sena li żgur kienet messaġġiera ta’ Alla. Huwa fatt li wieħed jiddispjaċih jekk matul is-sena kellu ċans jieħu promozzjoni fuq ix-xogħol, imma baqa’ ma applikax għaliha; wieħed jitnikket jekk din is-sena ġietu okkażjoni li jinvesti u jaqla’ kemxa, imma ttratiena u ma għamel xejn! Għal raġunijiet oħra li jixbhu lil dawn, is-sena li ntemmet setgħet kienet sena aħjar. Imma meta nħarsu lejn iż-żmien li għadda minn fuqna bin-nuċċali tal-fidi, naraw x’mumenti kien hemm f’ħajjitna fejn iż-żmien kien messaġġier ta’ Alla.

Ma nistagħġibx li seta’ kien hemm waqtiet li stajna apprezzajna, imma ħallejniehom għaddejja għax ma ntbaħniex bihom jew għaliex il-mod kif Alla ġie jżurna ma kienx skont l-aspettattivi tagħna! Huwa fatt li ħafna drabi l-kategoriji tagħna dwar Alla u l-grazzja tiegħu huma ftit strambi u elitisti. Alla ma jibbastax jissorprendina billi jidħol fl-istorja tagħna b’modi xejn konvenzjonali. Elfejn sena ilu, Ġesù daħal fl-istorja tal-umanità, imma dakinhar “ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx”, għax in-nies qatt ma basru li Alla ser jiltaqa’ mal-bniedem f’dik is-sura ċkejkna u skandaluża (tarbija). Għalhekk ma niskantax li anki matul iż-żmien tagħna jkun hemm waqtiet ta’ grazzja fejn Alla jasal fuq l-għatba ta’ qalbna, tal-familja tagħna u saħansitra wara l-antiporta tal-Knisja, u aħna ma nintebħux bih.

Niftakar fl-istorja ta’ meta Abraham kellu ż-żjara minn tliet anġli (ara Ġen 18). Dakinhar Abraham ma ndunax li kienu l-messaġġiera ta’ Alla. Kien tard wisq meta ntebaħ b’dan. Min jaf kemm fl-istorja tiegħi u tiegħek, fl-istorja tal-Knisja tagħna, jiġi jżurna l-messaġġier ta’ Alla u aħna ma nagħtux kas tiegħu! Nawgura li dan ikun frott ta’ nuqqas ta’ attenzjoni jew preparazzjoni tagħna, imma ma jkunx frott ta’ rifjut. Għax huwa fatt li matul il-medda taż-żmien, fit-tlugħ u l-inżul tal-istorja tagħna, il-Mulej jipprova jkellemna u aħna nagħlqu widnejna, jipprova jħaddanna miegħu u aħna niżgiċċawlu.

Fil-lingwaġġ ekkleżjastiku għandna dik li tissejjaħ il-Liturġija tas-Sigħat (l-Uffizzju). Il-ġurnata hija skandita bit-talb għal filgħodu, f’nofs il-jum u filgħaxija. Anki l-qaddis tagħna San Ġorġ Preca lis-soċji tiegħu jipproponilhom dak li jissejjaħ l-“Arloġġ Museumin”. Dawn huma għajnuniet għalina biex nippruvaw ngħixu ż-żmien bħala mument ta’ grazzja. Billi f’ħajjitna għandna ħafna distrazzjonijiet li jtellfuna dawn il-mumenti li fihom Alla jiġi jżurna, huwa importanti li nkunu ftit miġbura fit-talb. Il-Liturġija tas-Sigħat u l-Arloġġ jiddisponuna biex ngħixu ż-żmien b’din l-attitudni ta’ ftuħ għall-misteru ta’ Alla.

Is-sena 2018 nistgħu nitfgħuha wara spallejna – għaddiet u xejn ma jiswa li noqogħdu nnewħu; imma bl-għajnuna ta’ Alla llejla mat-tokki ta’ nofsillejl nibdew is-sena 2019. L-awguri tiegħi huma li s-sena l-ġdida tkun messaġġiera ta’ Alla għal kull wieħed u waħda minna – tkun sena ta’ grazzja li matulha niltaqgħu mal-Mulej. Għalhekk inħeġġiġkom biex nieħdu b’aktar impenn il-ħajja tat-talb. B’xorti ħażina, il-ħin tant sar skars li lanqas għandna ħin għal Alla! Naslu biex nagħmlu ħin għal kollox barra għal Alla. U meta ma għandniex ħin għal Alla jfisser li ma għandniex ħin għalina nfusna, għax min għandu lil Alla f’ħajtu għandu barka! Dan ifisser li nkunu qegħdin nitilfu opportunitajiet tad-deheb. Nawgura li fil-Knisja ma jkun hemm ħadd li jtellifna l-ħin – għax kull mument li ngħaddu flimkien waqt il-liturġija din trid tkun iċċelebrata b’mod li ddewwaqna l-benna ta’ Alla.

Inqiegħed dan kollu taħt il-ħarsien ta’ Marija, il-mara li dejjem kellha ħin għal Alla. Marija hija l-mudell ta’ kif nistgħu ninqdew biż-żmien bħala messaġġier ta’ Alla.

pdf · 62.11 KB Niżżel