Iż-Żwieġ Naturali fil-Liġi Kanonika
F’epoka bħal tagħna, fejn ħafna ħwejjeġ saru fluwidi, lanqas iż-żwieġ ma ħelisha. Fil-fatt illum il-kelma żwieġ qed tingħata tifsiriet differenti, u dan mhux biss fuq livell teoretiku imma wkoll fil-prattika. Ir-relattiviżmu laqat ukoll din l-istituzzjoni naturali, għaliex bdejna nagħtu kontenut liż-żwieġ skond kif jaqbel lilna u mhux skond kif titlob in-natura, bil-konsegwenza li ħafna drabi naslu biex nagħmlu parodija miż-żwieġ innifsu!
Wieħed mill-għanijiet tal-liġi huwa li teduka liċ-ċittadin. Suppost li permezz tal-liġijiet tiegħu l-Istat jeduka liċ-ċittadini dwar x’inhuma r-regoli ta’ mġiba korretta, tant li l-karatteristika tal-liġijiet mhix biss il-valur ġuridiku imma wkoll dak etiku. Fil-fatt, qabel il-liġijiet ċivili hemm normi oħra li huma mnaqqxa fin-natura tagħna l-bnedmin. Dawn in-normi jeżistu qabel l-istess Stat u min għandu l-awtorità li jagħmel il-liġi pożittiva huwa etikament marbut li joqgħod għalihom. Ħasra li mhux fi ftit każi l-liġijiet li jagħmlu l-Istati huma nieqsa minn dan il-fundament u għalhekk tilfu l-aspett pedagoġiku tagħhom. Dan japplika wkoll fir-rigward taż-żwieġ!
Liġi li hi pedagoġika
Illum ġejt mistieden nagħmel ftit ħsibijiet dwar kif il-Liġi Kanonika tħares lejn ir-realtà taż-żwieġ. Għalkemm il-kuntest huwa wieħed “konfessjonali”, fis-sens li ser nittrattaw liġi tal-Knisja prinċipalment maħsuba għal dawk li jistqarru l-fidi tagħhom f’Ġesù Kristu li għolla ż-żwieġ għad-dinjità ta’ sagrament, huwa fatt li ħafna minn dak li hemm fil-leġislazzjoni kanonika japplika għal kull żwieġ, anki għal dawk iż-żwiġijiet li mhumiex sagrament.
Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda ż-żwieġ kanoniku, hemm liġijiet li huma rifless ta’ verità teoloġika, bħal fil-każ tal-Kan. 1055§2 li jistabbilixxi li mhemmx żwieġ validu bejn tnejn li huma mgħammdin li mhux sagrament; hemm ukoll kanoni li jistabbilixxu liġijiet purament ekkleżjastiċi bħal fil-każ tal-“forma kanonika” (Kan. 1108-1123). Imma mbagħad il-prinċipji ġuridiċi li jservu ta’ bażi għal-liġijiet matrimonjali fid-Dritt Kanoniku huma misluta mil-Liġi Naturali, liġi li hija mnaqqxa minn Alla fil-qalb ta’ kull bniedem! Biex wieħed jippenetra l-misteru taż-żwieġ sagrament, wieħed għandu bżonn id-dawl tal-fidi; imma biex wieħed japprezza l-ġmiel ta’ din l-esperjenza umana li nsejħulha żwieġ, biżżejjed li juża r-raġuni umana biex jifhem l-istruttura naturali mhux biss taż-żwieġ imma wkoll tal-att uman li bih il-bniedem jagħti l-kunsens tiegħu għaż-żwieġ.
Fil-paragrafi li ġejjin ser nipprova niffoka fuq kif il-Liġi Kanonika tittratta ċerti aspetti ontoloġiċi taż-żwieġ, u għalhekk dawn huma aspetti li għalkemm ser nisiltuhom minn leġislazzjoni ekkleżjastika, mhumiex ta’ natura reliġjuża imma naturali.
Definizzjoni taż-żwieġ
Eżami etimoloġiku ħafif tat-termini użati sa minn żminijiet antiki mix-xjenza ġuridika dwar iż-żwieġ jurina x’fehem sal-lum il-bniedem imżejjen bir-raġuni dwar din l-istituzzjoni. Il-kelma matrimonium għandha bħala għerq il-kelma mater u s-suffiss monium. Għalhekk dan il-kunċett jirrifletti l-ġibda naturali li jħossu r-raġel u l-mara biex jingħaqdu fiżikament ma’ xulxin, u b’hekk jiġġeneraw il-ħajja u l-mara ssir “mater”. Terminu ieħor użat għaż-żwieġ huwa coniugium, li ġej miż-żewġ kelmiet Latini cum u iungere – fis-sens li ż-żewġ partijiet jintrabtu ma’ xulxin bl-istess giogo. Diġà fis-sena 3000 QK f’Camuno xi ħadd kien naqqax fuq blata xbieha ta’ raġel u mara flimkien mal-ulied; imnaqqxa fuq riġlejn ir-raġel u l-mara hemm “linja” li hija interpetata bħala giogo (madmad) [con-iuigi = con – giogo] – “legati stabbilmente”. Hemm ukoll it-terminu connubium imnissel minn żewġ kelmiet oħra, cum u nubere, li jirreferi għal dak il-ġest meta fuq ras l-għarajjes jitqiegħed velu li jagħmilhom ħaġa waħda. Imbagħad hemm id-definizzjonijiet klassiċi li nsibu fid-Dritt Ruman. Fi kliem Ulpjanu, “nuptiæ autem, sive matrimonium, est viri et mulieris coniunctio individuam vitæ consuetudinem continens” (Istitutiones I,9,I); u fid-Digestum tiegħu, Modestinu jiddeskrivi ż-żwieġ bħala “coniunctio maris et feminæ, et consortium omnis vitæ, divini et humani iuris communicatio”. Dawn id-definizzjonijiet li jinkludu elementi identifikanti għaż-żwieġ, joffru sintesi tal-kontenut uman, etiku, soċjali u reliġjuż ta’ din l-istituzzjoni.
Id-definizzjoni li tagħti l-Liġi Kanonika tinkludi dan kollu: “The marriage covenant, by which a man and a woman establish between themselves a partnership of their whole life and which of its very nature is ordered to the well being of the spouses and to the procreation and upbringing of children, has, between the baptised, been raised by Christ the Lord to the dignity of a sacrament” (Kan. 1055§1).
Fl-Iskrittura Mqaddsa għandna żewġ rakkonti li jitfgħu dawl fuq in-natura taż-żwieġ. Ma’ xulxin dawn iż-żewġ siltiet mill-Ktieb tal-Ġenesi joffru sintesi ta’ x’inhu l-proġett ta’ Alla għall-għaqda frott l-imħabba bejn ir-raġel u l-mara. Minn dawn it-testi nisiltu x’inhuma l-finalitajiet taż-żwieġ: f’Ġen 1:28 lil Adam u lil Eva, Alla qalilhom: “Nisslu u oktru u mlew l-art…”, waqt li f’Ġen 2:18-24 il-Mulej Alla qal: “‘Mhux sewwa li l-bniedem jibqa’ waħdu. Ħa nagħmillu għajnuna tgħodd għalih…’. Alla [lil Adam] ħadlu waħda minn kustiljih u flokha mlieh bil-laħam. U l-Mulej Alla sawwar il-kustilja li kien ħa mill-bniedem f’mara u ġiebha lill-bniedem. Imbagħad il-bniedem qal: ‘Din id-darba din hi għadma minn għadmi u laħam minn laħmi u għalhekk tissejjaħ mara, għax mir-raġel ittieħdet hi’… Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u jsiru ġisem wieħed”. Il-fatt li l-awtur sagru jgħid li Alla ħalaq lill-mara mill-kustilja ta’ Adam mhux biss juri li t-tnejn huma kumplimentari għal xulxin, imma wkoll l-identità u d-dinjità ugwali li hemm bejn ir-raġel u l-mara. Din is-silta tikkonferma wkoll li fil-mara biss ir-raġel isib dak li huwa nieqes fih u viċi-versa! L-għaqda eterosesswali hija miktuba fin-natura tal-bniedem! Skond il-kriterji tal-eseġesi Biblika, it-tieni rakkont huwa antik aktar mill-ewwel wieħed u għalhekk żgur li mhux il-każ li minn dawn it-testi wieħed jiddeduċi li hemm xi ġerarkija bejn dawn iż-żewġ għanijiet! Huwa fatt li l-letteratura profetika turi preferenza lill-aspett affettiv tal-ħajja miżżewġa (ara Hos 1-3; Ġer 3:1-14, 19-24).
Santu Wistin kien wieħed mill-ewwel Missirijiet tal-Knisja li tana tagħlim sistematiku dwar id-duttrina tal-għanijiet taż-żwieġ. F’kuntest meta kien hemm diversi żbalji ta’ natura reliġjuża u morali, kontra l-pessimiżmu tal-Manikej kif ukoll biex jilqa’ għad-duttrina ta’ Pelaġju dwar iż-żwieġ bħala rimedju għall-inkontinenza, Wistin joffri tagħlim sabiħ dwar il-ġmiel, it-tjubija u l-qdusija taż-żwieġ, b’mod partikulari dwar l-għan prokreattiv tiegħu. Peress li kien Santu Wistin li tkellem dwar it-tria bona taż-żwieġ (“bonum prolis, fidei et sacramenti”), b’mod żbaljat ħafna xi wħud jattribwixxu lilu d-duttrina dwar il-fini primarju (il-prokreazzjoni) u l-fini sekondarju (ir-rimedju għall-konkupixxenza) fiż-żwieġ. Imma rridu nagħmluha ċara li Santu Wistin qatt ma juża l-espressjoni finis matrimonii. Għalkemm għal Santu Wistin, magħruf ukoll bħala Doctor Matrimoii Christiani, fil-valutazzjoni tat-tjubija naturali u intrinsika taż-żwieġ, it-tnissil tal-ulied jibqa’ jgawdi l-primat, huwa jgħallem ukoll li dik li tissejjaħ societas coniugalis hija wkoll għan istituzzjonali taż-żwieġ. F’dan is-sens, Santu Wistin kien diġà qed jikkontempla l-indirizz personalista taż-żwieġ f’kuntrast ma’ dak finalistiku! Huwa l-Konċilju Vatikan II li jagħtina duttrina mġedda dwar iż-żwieġ b’dan l-indirizz personalistiku (ara Gaudium et Spes, 47-52). Bħala konferma ta’ dan, biżżejjed nikkwota silta waħda: “Proprio perché atto eminentemente umano, essendo diretto da persona a persona con un sentimento che nasce dalla volontà, quell’amore abbraccia il bene di tutta la persona; perciò ha la possibilità di arricchire di particolare dignità le espressioni del corpo e della vita psichica e di nobilitarle come elementi e segni speciali dell’amicizia coniugale… L’unità del matrimonio, confermata dal Signore, appare in maniera lampante anche dalla uguale dignità personale che bisogna riconoscere sia all’uomo che alla donna nel mutuo e pieno amore” (par. 49).
Impediment għaż-żwieġ
Fid-dawl ta’ din il-premessa, wieħed jifhem għaliex il-liġi tistabbilixxi dawk li jissejħu “impedimenti”, jiġifieri dawk ir-raġunijiet li minħabba fihom persuna ma tistax tidħol għal żwieġ. Huwa minnu li kull persuna għandha d-dritt naturali li tiżżewweġ; imma biex persuna tkun tista’ teżerċita dan id-dritt, din trid tkun ġuridikament abbli. Il-ġudizzju dwar jekk persuna hijiex abbli jew le mhux xi ħaġa arbitrarja, imma huwa msejjes fuq fatti, ċirkustanzi jew relazzjonijiet oġġettivi. Dan għaliex min-naħa l-waħda l-individwu li jkollu l-impediment ma jkunx jista’ jidħol għaż-żwieġ kif imfassal min-natura; min-naħa l-oħra, il-parti li tkun ser tieħu b’żewġha jew b’martha lil persuna infettata b’impediment ma tkunx tista’ teżerċita d-dritt fundamentali tagħha għaż-żwieġ. Uħud minn dawn l-impedimenti huma espliċitazzjoni tad-dritt naturali (ngħidu aħna impediment tal-konsangwinità f’linja dritta; l-impediment ligaminis – meta persuna tkun marbuta bi żwieġ ieħor; l-impediment tal-impotenza; eċċ.).
Flimkien ma’ din ix-xorta ta’ impedimenti, il-Liġi Kanonika għandha wkoll impedimenti ta’ natura ekkleżjastika (ngħidu aħna impediment ġej mill-Ordni Sagri; impediment tal-vot perpetwu tal-kastità; impediment tad-disparità tal-kult; eċċ.). Filwaqt li dawn l-impedimenti ta’ natura ekkleżjastika jirregolaw il-validità taż-żwieġ sagrament, l-impedimenti li ġejjin mil-Liġi Naturali jirrigwardaw kull żwieġ, inkluż dak ċivili.
Il-kunsens
Għalkemm illum il-Liġi Kanonika tippreferi ssejjaħ iż-żwieġ fœdus (patt), kunċett li għandu tifsira Biblika, ladarba jibqa’ realtà ġuridika, il-liġi tikkunsidra ż-żwieġ ukoll bħala “kuntratt”. Sa minn żmien il-ġuristi Rumani, il-kunsens kien meqjus bħala l-kawża effiċjenti tal-kuntratt taż-żwieġ. “Nuptias non concubitus, sed consensus facit”; jekk il-kunsens ikun nieqes jew vizzjat, tkun nieqsa l-kawża effiċjenti taż-żwieġ. Qed nitkellmu fuq element personalissmu, tant li f’din il-ħaġa ħadd ma jista’ jagħmel tajjeb għal ħadd.
Ir-rabta bejn il-kunsens u ż-żwieġ hija mfissra hekk mid-Dritt Kanoniku: “(1) A marriage is brought into being by the lawfully manifested consent of persons who are legally capable. This consent cannot be supplied by any human power. (2) Matrimonial consent is an act of the will by which a man and a woman by an irrevocable covenant mutually give and accept one another for the purpose of establishing a marriage” (Kan. 1057). Għalkemm din hija definizzjoni meħuda mil-Liġi tal-Knisja, liberament nistgħu ngħidu li tapplika għal kull tip ta’ kuntratt matrimonjali. Mhemm xejn evanġeliku f’dan il-prinċipju!
Il-Professur Viladrich jiddefenixxi l-kunsens taż-żwieġ hekk: “Tale consenso è prima di tutto un atto umano, ossia un atto congiunto e armonico dell’intelletto, chè è la facoltà per mezzo della quale conosciamo, e della volontè, chè è la facoltà per mezzo della quale liberamente vogliamo. Ma il consenso non è un atto umano qualsiasi… Oltre ad essere, comunque, un atto umano, intelligente e libero, il consenso ha anche il compito di fondare il matrimonio. Deve essere, cioè, un atto della ragione e della volontà specificamente proporzionato all’oggetto del consenso”. Dan ifisser li l-kapaċità mitluba biex persuna tagħti kunsens validu hija kapaċità naturali.
Bħal kull att uman, il-kunsens huwa att tal-volontà, imma dan jitlob att tal-intellett, għaliex “nihil volitum nisi præcognitur” – biex wieħed jagħżel xi ħaġa, qabel irid ikun jaf x’inhi. Huwa għalhekk li l-kunsens jista’ jkun imħassar kemm minħabba difett fil-proċess konoxxettiv u kemm minħabba difett fil-proċess voluttiv. Fil-fatt, meta titkellem dwar il-patoloġija tal-kunsens matrimonjali, il-Liġi Kanonika tispeċifika żewġ tipoloġiji ta’ vizzji tal-kunsens: hemm il-vizzji li jattakkaw l-intellett u dawk li jfixklu r-rieda. Il-kanoni li jirrigwardaw il-vizzji ex parte intellectus huma: (a) minħabba nuqqas ta’ użu suffiċjenti tar-raġuni (Kan. 1095§1); (b) minħabba difett serju ta’ diskrezzjoni ta’ ġudizzju (Kan. 1095§2); (ċ) minħabba inkapaċità biex persuna terfa’ d-dmirijiet essenzjali taż-żwieġ minħabba kawża ta’ natura psikika (Kan. 1095§3); (d) minħabba injoranza (Kan. 1096); (e) minħabba żball (error) (Kan. 1097); u (f) minħabba qerq (Kan. 1098). Il-vizzji ex parte voluntatis huma: (a) esklużjoni totali jew parzjali (simulazzjoni) (Kan. 1011); (b) il-kundizzjoni (Kan. 1102); u (ċ) il-biża’ (vis vel metus) (Kan. 1103). Fejn jirriżulta li hemm xi wieħed minn dawn il-vizzji, il-persuna li tikkonsenti ma tkunx tat kunsens ħieles, u għaldaqstant dan l-att uman ikun invalidu.
Konklużjoni
F’din l-introduzzjoni għal dak li l-Liġi Kanonika tistabbilixxi dwar iż-żwieġ, ippruvajt niffoka fuq ftit elementi mhux tant mil-lenti tat-teoloġija daqskemm bl-ottika filosofika. Ir-raġuni wara din l-impostazzjoni hija għax fis-soċjetà tagħna l-parti kbira taż-żwiġijiet huma rregolati b’żewġ ordinamenti ġuridiċi: il-Liġi Kanonika u l-Liġi Ċivili. Huwa fatt li lil-lajċisti ta’ żminijietna ma tinżlilhomx li l-liġi ta’ pajjiżna tirrikonoxxi effetti ċivili f’każ ta’ żwiġijiet iċċelebrati skond liġi konfessjonali, jew li r-Repubblika tagħna tagħti rikonoxximent ċivili lis-sentenzi ta’ tribunali ekkleżjastiċi. Għalhekk f’dan il-kuntest xtaqt nirrifletti fuq fatt li ħafna drabi ninsew: li barra l-ordinament ċivili u dak kanoniku, hemm ordinament ieħor li jiddetta x’inhuma r-rekwiżiti biex żwieġ ikun żwieġ. Qed nirrferi għal-Liġi Naturali – ordinamenrt etiku u ġuridiku li huwa antiċedenti kemm għad-Dritt Kanoniku u kemm għad-Dritt Ċivili, u li dawn it-tnejn ma jistgħux ma jkunux suġġetti għalih.