Iż-Żwieġ u l-Familja
Ħarsa ħafifa madwarna, jiġifieri ħarsa fuq is-soċjetà tagħna, tgħinna nindunaw illi hemm distanza bejn il-kultura ta’ żmienna u l-Vanġelu, u t-twemmin Kristjan. Nosservaw ftit x’inhi l-mentalità ta’ żmienna fuq ċerti aspetti li huma importanti ħafna fil-ħajja tagħna l-bnedmin, ngħidu aħna d-diskors li jsir fuq l-affettività, fuq l-imħabba; id-diskors li nisimgħu fuq il-valur tal-ħajja; id-diskors li nisimgħu fuq iż-Żwieġ u l-familja. Dan biex nagħtikom ftit eżempji. Dawn huma, nerġa’ ngħid, punti kardinali fil-qafas tas-soċjetà tagħna, imma b’dispjaċir wieħed jinnota illi hemm dikotomija, hemm din il-qasma bejn il-kultura u t-twemmin Kristjan tagħna.
Issa forsi tistaqsuni: Għaliex qed iseħħ dan? Emmnuni, it-tweġibiet jistgħu jkunu varji. Jista’ jkun illi s-sekulariżmu tant qiegħed kulma jmur jaħkem il-moħħ u l-qalb tagħna, illi b’xi mod qiegħed jinnewtralizza l-preżenza tal-Vanġelu. Jista’ jkun illi aħna għandna preżenza ta’ Knisja li temmen, li tgħix bil-Vanġelu, imma ma ppreparatx biżżejjed lill-Kristjani ħalli jkunu ħmira fil-kultura ta’ żmienna. Imma jista’ jkun ukoll illi l-Kristjani huma għażżenin; aħna irresponsabbli u nagħżlu, għal motivi egoistiċi, illi nibqgħu fil-muta, illi aħna stess nieħdu d-distanza “Kristjana” minn din il-kultura.
Jekk teżisti din id-dikotomija, dan m’iniex ngħidu biex naqtgħalkom qalbkom. Din m’għandniex ninterpretawha bħala falliment, bħala disfatta, qisu waslet is-siegħa ta’ l-aħħar. Altru li m’hux hekk! Jien u inti, li għandna viżjoni Kristjana, għandna nikkunsidraw is-sitwazzjoni attwali tagħna bħala sfida, bħala karba li lilna tissolleċitana biex inqumu fuq riġlejna, narmaw lilna nfusna tajjeb fis-sens li nkunu nafu l-għaliex tat-twemmin tagħna – u ma jkunx twemmin jew tagħlim bħal pappagall – u nagħmlu l-proposta, u nippreżentaw il-viżjoni pożittiva ta’ Kristu u tal-Vanġelu lill-bniedem tal-lum.
Il-papa Benedittu, f’diskors li għamel lill-isqfijiet ta’ l-Isvizzera, qalilhom: “Hawn min irid jippreżenta lill-Knisja bħala qawwa mudlama. Hawn min qed jippreżenta l-Knisja bħala dik illi tgħid dejjem ‘Le’, bħala dik li dejjem tikkundanna. Hemm min qed jippreżenta l-Knisja bħala għalliema ta’ morali illi jaqtgħu qalb in-nies”. Imma l-Papa jgħid: “Din m’hix il-Knisja vera”. Il-Knisja vera hi dik li għandha l-Bxara t-Tajba, hi dik illi rċiviet dan id-dawl tas-sewwa mingħand Kristu, dawl illi jdawwal lill-bniedem, il-ħajja, iż-Żwieġ u l-familja, biex nerġa’ ntenni t-tliet eżempji li semmejt fil-bidu; u l-Knisja, jiġifieri aħna, għeżież tiegħi, għandu jkollna l-kuraġġ illi quddiem din il-konfużjoni, quddiem dak li jista’ jidher bħala falliment, bħala irtirar mill-ħajja soċjali, aħna nagħmlu l-offerta tagħna, aħna nagħtu t-tweġiba tagħna.
Issa l-lum qegħdin niċċelebraw il-festa tal-Verġni Mqaddsa ta’ Loreto, illi skond it-tradizzjoni l-anġli ttrasportaw id-dar ta’ Nazareth u minn Nazareth ġabuha f’Loreto. Dan fih messaġġ sabiħ u attwali, għeżież tiegħi, għaliex lilna jgħinna nagħrfu r-responsabbiltajiet tagħna biex nikkontribwixxu ħalli d-dar tagħna – u meta ngħid “id-dar tagħna” nifhem mhux biss id-dar ta’ kull familja, ta’ kull wieħed u waħda minna, imma anki d-dar komuni tagħna, li hi allura pajjiżna – inkomplu nibnuha u mhux inħottuha.
U b’liema mod din il-ġrajja tal-Verġni ta’ Loreto tista’ lilna tistimulana u toffrilna orjentament f’dan l-impenn tant meħtieġ? Jiena nista’ nitfa’ l-ħarsa tiegħi fuq Marija, li hi stess, il-persuna tagħha stess, diġà hija d-dar ta’ Alla. Marija hija l-għamara illi fiha għammar Kristu. U allura l-Verġni Mbierka minnha nfisha diġà għandha messaġġ x’tibgħat lilna u lis-soċjetà: illi jekk aħna niddisponu rwieħna Alla jgħammar magħna, Alla jibni d-dar tiegħu fostna. U meta qed ngħid “Alla jibni d-dar tiegħu fostna” x’qegħdin nifhmu? Darba David ried jibni Tempju lil Alla, imma Alla qallu: “Mhux int tibnili d-dar, imma jien nibni d-dar tiegħi għalik biex inti tgħammar fiha”. U meta ngħidu illi Alla jibni d-dar tiegħu jiena nifhem illi Alla jipprovdilna sitwazzjoni, ambjent, realtà, dak li nistgħu nsejħulu ordni ta’ ħajja illi jekk aħna nirrispettawh, jekk aħna nagħżlu illi ngħixu fih, dik tkun id-dar ta’ Alla fostna li Alla jibni għal kull wieħed u waħda minna kif għamel permezz ta’ Marija.
Imma jekk ikolli nitkellem fuq id-dar tal-ġebel ta’ Marija – “Domus Mariæ” – jiena dalgħodu nixtieq nistedinkom biex naraw flimkien tliet ritratti tad-dar ta’ Marija. Qatt rajtuhom? Fil-Vanġelu għandna “ritratti” tad-dar ta’ Marija.
L-ewwel ritratt, l-ewwel ikona jippreżentahielna l-Vanġelu li għadu kif tħabbrilna: proprju d-dar ta’ Nazareth fejn naraw lil Marija attenta, tfittex x’inhu l-pjan ta’ Alla għaliha u għall-oħrajn. San Luqa jgħidilna illi jidher l-anġlu illi jipproponilha x’inhu dan il-pjan ta’ Alla. Alla, għeżież tiegħi, lilna ma ħalaqniex u tefagħna bl-addoċċ fid-dinja. Imma Alla li tant iħobbna ried kieku jipproponilna ordni ta’ ħajja. Imma l-bniedem ħawwadulu dan l-ordni. U Marija f’Nazareth nixtieq nikkontemplaha bħala dik illi qed tfittex li tiskopri x’inhu dan il-pjan, pjan illi nistgħu ngħidu li Alla jikkomunikah lill-bniedem fuq żewġ livelli. Fuq livell naturali, jiġifieri li m’hemmx għalfejn ikollok il-fidi fi Kristu, m’hemmx għalfejn tkun Kattoliku biex inti tasal ħalli tinduna b’dan il-proġett ta’ Alla; biżżejjed illi tħaddem ftit il-fakultà tar-raġuni. Ir-raġuni tagħna l-bnedmin jekk inħaddmuha sewwa tgħinna biex niskopru dan l-ordni primordjali li Alla waqqaf sa mill-bidu tal-ħolqien. Imma mbagħad hemm ukoll, għalina li nemmnu, u dan mhux għax aħna bravi imma għaliex irċivejna d-don tal-fidi, dik li tissejjaħ ir-Rivelazzjoni: jiġifieri Alla jkellimna. “Fl-imgħoddi Alla kellimna b’diversi modi, imma meta waslet il-milja taż-żminijiet hu kellimna permezz ta’ Ibnu”. U f’din ir-Rivelazzjoni, dak li aħna nsibu fl-Iskrittura – imma issa jrid ikollok il-fidi –, aħna hemmhekk insibu konferma ta’ dak il-pjan primordjali li nistgħu naslu għalih bir-raġuni, u aktar minn hekk ukoll.
U l-Verġni Mbierka fid-dar tagħha f’Nazareth hija dik illi tixtarr, hija dik illi tikkontempla x’inhu dan il-proġett ta’ Alla. U meta tiskoprih hija tgħidlu: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej; ħa jkun minni skond il-pjan tiegħek, skond il-Kelma tiegħek”. Mhux hekk biss, imma Marija tagħti kelma, u dik l-għażla li hija tagħmel tibqa’ magħha, anki jekk xi drabi tiswielha sagrifiċċju, anki jekk dik switilha l-martirju. Imma, b’persuna ta’ mara responsabbli li tieħu pożizzjoni quddiem Alla, hija tibqa’ żżomm il-kelma li tat sa l-aħħar.
Għeżież tiegħi, jien dan il-kwadru nixtieq napplikah għall-ħajja taż-Żwieġ u tal-familja. Anki ż-Żwieġ… il-Konċilju Vatikan II jgħid illi ż-Żwieġ tant hu ta’ ġid għall-bniedem, għall-familja u għas-soċjetà illi Alla tah l-istruttura tiegħu, ma ħalliehx f’idejn il-bnedmin għax kienu jħarbtuhulu, kif qegħdin iħarbtuhulu! U aħna, għeżież tiegħi, f’din il-verità fuq iż-Żwieġ u l-familja, bħal Marija f’Nazareth, fid-dar tagħha ta’ Loreto, aħna nistgħu, jekk għandna rieda tajba, niskopru x’inhu l-proġett, il-pjan primordjali ta’ Alla għaż-Żwieġ u l-familja. U hemmhekk ikollna assigurazzjoni li m’aħniex nagħmlu għażliet żbaljati. U għalina li nemmnu, li għandna d-dawl tal-fidi ta’ Kristu u l-Kelma tiegħu, aħna nkomplu mhux biss nikkonfermaw fuq iż-Żwieġ u l-familja dak li tgħidilna r-raġuni, imma niskopru aktar minn hekk, għaliex għalina l-imgħammdin iż-Żwieġ huwa sagrament.
Anki aħna, bħalma għamlet Marija fid-dar tagħha, jekk naslu biex nagħtu kelma, biex nagħmlu deċiżjoni, biex nagħmlu għażla, għaliex m’għandniex dik il-kelma, dik id-deċiżjoni, dik l-għażla ma nżommuhiex sa l-aħħar? Għaliex aħna tant sensittivi għall-irġulija li għandu jkun hemm fostna, imma mbagħad f’materja daqshekk delikata aħna nittraskuraw, jekk mhux ukoll nerġgħu lura minn dik l-“Iva” li nkunu tajna mhux biss lis-sieħeb jew lis-sieħba fiż-Żwieġ imma anki lil Alla u quddiem is-soċjetà? Għaliex iż-Żwieġ m’hux xi ħaġa privata, imma ż-Żwieġ huwa ta’ natura pubblika; għalhekk l-Istat jagħmel il-liġijiet fuq iż-Żwieġ, għaliex l-Istat bħala responsabbli mill-ħajja tas-soċjetà jrid ukoll jipprovdi dawk il-liġijiet illi jġibu ’l quddiem, illi jiggarantixxu ż-Żwieġ u l-familja.
Hemm ritratt ieħor tad-dar ta’ Marija, id-dar ta’ Loreto. Imma din id-darba nitlobkom nagħmlu mixja żgħira minn Nazareth għal Għajn Karem, fejn Marija tagħmel dik iż-żjara lil qaribtha Santa Eliżabetta u ’l Żakkarija. F’dik ukoll nistgħu ngħidu li għandna ritratt ta’ Marija; Marija hemmhekk waqfet tgħix għal tliet xhur. U x’indikazzjonijiet, x’messaġġ tagħtina din id-dar ta’ Marija f’Għajn Karem? Illi Marija u Eliżabetta jiċċelebraw il-ħajja, tant illi l-Vanġelu jgħidilna illi kif ikkomunikaw flimkien Marija u Eliżabetta t-tarbija li kien hemm fi ħdanhom qabżet bil-ferħ. Iva, għeżież tiegħi, anki dan jitfgħalna dawl importanti fuq il-ħajja taż-Żwieġ u l-familja. Wieħed mill-għanijiet tal-ħajja miżżewġa hu proprju li jkun hemm l-ulied, il-prokreazzjoni. Il-familja hija dak l-ambjent naturali illi fih jitwieldu l-ulied, u dan jiggarantixxi futur għall-istess individwi u futur għall-istess soċjetà. Għandna problema fuq dik li hija r-rata tat-twelid, imma issa niġbdu l-konsegwenzi ta’ dak li żrajna.
Għeżież tiegħi, is-sesswalità, li hija dimensjoni sabiħa immens fil-ħajja ta’ l-individwu, imma iktar u iktar fil-ħajja tal-koppja miżżewġa, għandha l-milja tagħha meta l-ko-operazzjoni bejn ir-raġel u l-mara twassal ħalli jkun hemm ħajja ġdida. Imma ma jidhrilkomx li anki fid-djar tagħna dan l-aspett tal-ħajja miżżewġa, tal-ħajja tal-familja, kulma jmur qed jiġi mdellel? Ma tħossux bħali illi anki fostna meta nitkellmu fuq is-sesswalità nitkellmu b’mod illi rridu qisu noftmuha mill-ħajja? U allura, kif jgħid l-istess Konċilju Vatikan II, il-ġmiel tal-ħajja miżżewġa mhux dejjem jiddi bl-istess qawwa ta’ dawl, għaliex l-imħabba tal-miżżewġin li twassal biex ikun hemm l-ulied ħafna drabi qed tiġi mirfusa proprju mill-propaganda ta’ mezzi illeċiti illi jħassru l-ġmiel tal-ħajja intima bejn il-miżżewġin. Imma din hi r-realtà. Allura f’dan ir-ritratt tad-dar ta’ Marija, id-dar ta’ Loreto f’sens wiesa’, jiena nilmaħ iċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja illi xieraq li jkun hemm f’kull familja.
Hemm ritratt ieħor tad-dar ta’ Marija, tad-dar ta’ Loreto. U dan huwa r-ritratt li jagħtina San Ġwann meta jirrakkontalna fuq iż-żwieġ ta’ Kana, illi għalih kienet preżenti Marija. Għeżież tiegħi, ir-rakkont tal-Vanġelu jgħidilna illi f’dik id-dar, li fiha kienet preżenti Marija waqt li kien qed jiġi ċċelebrat żwieġ, naqas element importanti ħafna, li huwa l-inbid. U Marija tintervieni biex Kristu jirrimedja ħalli jgħinhom jirkupraw dak l-element li kien nieqes. Għeżież tiegħi, ma tħossux bħali illi fid-djar tagħna, fejn niċċelebraw iż-żwiġijiet tagħna, xi drabi hemm nieqes element importanti? M’iniex ngħid għall-inbid u x-xorb alkoħoliku; dak kieku hemm bżonn nikkontrollawh! Imma qed ngħid għal dawk li huma l-elementi essenzjali tal-ħajja taż-Żwieġ, li huma l-fedeltà u l-unità. Kieku dawk l-għarajjes ta’ Kana ma sabux lil Kristu li fakkarhom li hemm “inbid tajjeb”, kieku ż-Żwieġ kien jisfrattalhom. U, għeżież tiegħi, ċerti żwiġijiet tagħna qegħdin jisfrattaw u ħa jkomplu jisfrattaw aktar jekk aħna ma ngħożżux dawn l-elementi essenzjali li jappartienu lin-natura taż-Żwieġ, jiġifieri l-fedeltà: mara waħda u raġel wieħed; u l-unità, l-indossulibbiltà: jiġifieri li ż-Żwieġ huwa commitment għal dejjem.
Kull manuvra u kull inizjattiva illi b’xi mod tista’ therri fil-prinċipju, iktar u iktar fil-kultura u l-mentalità, dawn iż-żewġ elementi, jiġifieri l-fedeltà u l-indossulibbiltà, għeżież tiegħi, ikunu qed jikkontribwixxu ħalli ż-żwiġijiet tagħna jkomplu jiġġarfu. Dan l-aħħar kont qed naqra statistika fuq x’ġara l-Irlanda minn meta ddaħħlet il-liġi tad-divorzju. It-tkissir taż-Żwieġ mhux immultiplika ruħu imma żdied b’mod allarmanti ħafna. Għax jekk tidħol il-mentalità… Għax wieħed jista’ jgħid: “Dan ma japplikax għalija”. Veru… imma aħseb fis-soċjetà; għax hemm min huwa dgħajjef u jista’ juża dan il-mezz, u indirettament aħna nkunu qegħdin nagħtuh arma f’idejh jew f’idejha ħalli din l-esperjenza tant sabiħa u tant qaddisa – iż-Żwieġ u l-familja – ikunu d-fid-diskrezzjoni ta’ l-individwu jekk ikomplix jew le.
Imma f’Kana sseħħ ħaġa oħra. Marija tinduna illi l-miżżewġin għandhom problema, u tirrikorri għand Kristu u tgħidlu: “M’għandhomx inbid… Agħmel xi ħaġa… Antiċipa s-siegħa tiegħek”. U Marija titfa’ ż-żejt fuq il-ġerħa ta’ dik il-koppja. U aħna, għeżież tiegħi, lanqas qegħdin ngħidu illi rridu nagħlqu għajnejna, illi b’xi mod nikkundannaw, illi b’xi mod niddisprezzaw jew naqtgħu minn magħna ’l dawk il-koppji, dawk il-familji illi naqashom wieħed minn dawn l-elementi li semmejtilkom.
Ftit tax-xhur ilu f’Ruma sar kungress internazzjonali proprju b’din it-tema: “Nitfgħu ż-żejt fuq il-feriti taż-żwiġijiet u l-familji midruba”. Imma l-ewwel irridu naraw x’inhuma dawn il-feriti, imbagħad naraw xħin nitfgħu u kemm għandna nitfgħu minn din il-mediċina. Imma mediċina li tfejjaq, mhux mediċina għall-mewt, kif hemm min jista’ jipproponi. U din għandha tkun ukoll l-attitudni talinqas tal-komunità Kristjana, jekk is-soċjetà in genere tagħmel għażla oħra: illi aħna, għeżież tiegħi, quddiem dawn ir-realtajiet, bħalma għamlet Marija fid-dar tagħha ta’ Kana, nitfgħu, insawbu ż-żejt biex il-ġerħa li hemm tagħlaq.
Tinsewx x’qalu l-qaddejja, jew aħjar il-kap tal-qaddejja, lill-għarajjes: “Dan l-inbid għax ħallejtuh għall-aħħar? Dan l-inbid għax ma ġibtuhx mill-ewwel? Jaħasra, xrobna ħafna nbid ħażin, ħawwadna, marradna… u issa ġejjin bl-inbid tajjeb!”. Jiena dak li nawgura: illi ma jgħaddix iż-żmien u aħna nimlew il-ġarar tagħha b’inbid qares, jekk mhux ukoll inbid ħażin, u mbagħad wara nindunaw u ngħidu: “Ara, kien hemm element insejnieh, li huwa l-inbid li jipprovdilna Alla permezz ta’ Kristu”.
Dawn huma t-tliet ritratti tad-dar ta’ Loreto, għeżież tiegħi. Intom tifhmuni illi aħna ritratti materjali m’għandniex; aħna x’ġara fid-dar ta’ Nazareth nafu ftit li xejn, għaliex il-Vanġeli huma sajmin fuq iż-żmien tat-tfulija ta’ Ġesù. Imma bid-dawl li jagħtina l-Vanġelu fuq il-preżenza ta’ Omm Alla u Omm tagħna f’dawn id-diversi għamajjar, diversi djar, il-lum stajt naqsam magħkom dawn ir-riflessjonijiet fuq tema li hija ħafna ħafna għal qalbna: iż-Żwieġ u l-familja.
San Pietru, f’waħda mill-ittri tiegħu, jgħidilna: “Inbnew bħal ġebel ħaj, biex issebbħu l-binja ta’ Alla”. U f’din iċ-ċirkustanza ta’ dalgħodu jiena dan l-appell li nagħmel lilkom, devoti tal-Verġni Marija ta’ Loreto: meta tilmħu fl-istatwa tagħkom dak l-anġlu bid-dar f’idejh, ftakru f’kull dar, mhux li hawn f’Għajnsielem imma li hawn f’pajjiżna, u itolbu lil Marija ħalli hi tkompli tispirana bl-atteġġjamenti tagħha; dawk li semmejtilkom, nerġa’ nfakkarhomlkom: id-dar fejn għarfet il-proġett ta’ Alla u qalet “Iva” u l-“Iva” tagħha żammitha sa l-aħħar, id-dar fejn iċċelebrat il-ħajja, id-dar fejn ipprovdiet elementi essenzjali biex iż-Żwieġ [ta’ Kana] jirnexxi. Il-familji tagħna kollha, għeżież tiegħi, għandhom bżonn din l-għajnuna, għandhom bżonn jinbnew bħala ġebel ħaj, biex l-għamara ta’ Alla fostna l-bnedmin ma tiġix nieqsa, biex din id-dar komuni tagħna, jiġifieri d-dar tan-nazzjon tagħna, ma jkunx fiha konsenturi.
Ġejja l-Missjoni Djoċesana bl-għajnuna ta’ Alla. Minn hawn u ftit ġimgħat oħra nibdew bil-Missjoni Djoċesana. Jien nixtieq, anzi nitlob lil Alla, bl-interċessjoni ta’ Marija, ħalli l-Missjoni mhux biss tgħinna nibnu, u nsewwu jekk hemm bżonn, id-djar tagħna biex nagħmluhom jixbhu d-dar ta’ Marija, imma ħalli dak li għidtilkom fil-bidu, dik id-distanza li hemm bejn il-kultura ta’ pajjiżna u l-Vanġelu, jirnexxielna nċekknuha, ħalli Kristu jkun tassew il-Bxara t-Tajba mhux biss għalina imma għall-poplu tagħna kollu.