Aqbeż għall-kontenut

Knisja li Tfarraġ

Għal darb’oħra reġa’ kelli l-okkażjoni li nitpaxxa nisma’ t-taħbita tal-qalb paterna tal-Papa Franġisku meta tkellem magħna l-Isqfijiet. Huwa telaq billi qara diskors imħejji u miktub, imbagħad beda jwieġeb għall-mistoqsijiet li għamilnielu. Matul dik is-siegħa u nofs ta’ djalogu, litteralment sammarna u saħħarna. Għandu kelma xolta u kollha ħlewwa u tenerezza. Ngħid is-sewwa kont qed nistennih dan il-mument, għax niftakar li s-sena l-oħra l-Papa Franġisku għamel l-istess. Qed ngħid hekk għax ta’ kull sena, meta l-Konferenza Episkopali Taljana torganizza l-Assemblea Ġenerali annwali f’Ruma, tistedinna bħala Konferenza Episkopali Maltija biex nieħdu sehem. Dejjem ikollhom temi sbieħ li jinteressawna bħala Provinċja Ekkleżjastika Maltija. It-tema ċentrali ta’ din is-sena kienet dwar kif il-Knisja fl-Italja laqgħet l-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku Il-Ferħ tal-Vanġelu – riflessjoni li huwa urġenti li tagħmel il-Knisja lokali f’pajjiżna.

Konna madwar 230 Isqof flimkien ma’ għadd ta’ saċerdoti, reliġjużi u lajċi li jkunu mistiedna jieħdu sehem. Il-laqgħa ta’ din is-sena saret anki bi tħejjija għall-Konvenju Ekkleżjali Nazzjonali li l-Knisja fl-Italja ser tiċċelebra f’Novembru li ġej f’Firenze biex id-djoċesijiet ifasslu u jadottaw viżjoni pastorali komuni għall-għaxar snin li ġejjin (ħaġa li noħlom li xi darba naslu biex nagħmlu f’pajjiżna!).

Il-Papa beda d-diskors tiegħu b’battuta ħelwa. Billi kien għadu kif tħabbar il-Vanġelu ta’ San Mark fejn jgħid li minn Marija ta’ Magdala kien keċċa seba’ xjaten, il-Papa qal: “Naħseb li San Mark kien imqabbad ma’ Marija ta’ Magdala biex jinnota li kellha ‘seba’ xjaten’! Min jaf kemm hemm minnhom fija u nibqa’ sieket!”. Għalkemm dħakna xħin qal hekk, ilkoll nirrikonoxxu li qal verità li tgħodd għal kull bniedem.

Il-Papa Franġisku beda r-riflessjoni tiegħu billi fakkarna li s-sejħa tagħna bħala Knisja hija li nisimgħu lill-Mulej jgħidilna biex infarrġu lill-poplu tiegħu. F’dinja fejn hawn ħafna tbatija, qtigħ il-qalb u dwejjaq, aħna l-Isqfijiet imsejħin biex inkunu xhieda tal-ferħ li kisbilna Kristu rebbieħ fuq il-mewt. F’sitwazzjoni tqila fejn ħafna jinsabu taħt it-toqol tas-salib, aħna fid-dmir li ndewquhom il-ferħ u nixegħlu fihom it-tama. Fi kliem il-Papa, bniedem li huwa kkonsagrat lil Alla imma mbagħad huwa qalbu maqtugħa, bla ħeġġa u mitfi, qisu “bir niexef” li n-nies tmur tipprova tixrob minnu imma ma ssibx ilma u tibqa’ bil-għatx. Dan huwa kliem li lkoll tajjeb nirriflettu dwaru, speċjalment aħna s-saċerdoti; imma nistgħu napplikawh ukoll għall-komunitajiet parrokkjali tagħna – għax jekk il-parroċċa ma tkunx komunità li tkattar il-ferħ u tqawwi t-tama f’dawk kollha li jfittxu s-servizzi tagħha, tkun għajn niexfa. Kif is-soltu ngħidu, ikun ħafna aħjar jekk noffru kuċċarina għasel milli niftħu bettija ħall! Naturalment, huwa aktar impenjattiv li taħdem ftit għasel milli tħalli l-inbid isir ħall!

Biex kemm individwalment u kemm bħala komunità Nisranija naslu biex inkunu preżenza li toffri faraġ, il-Papa jisħaq li għandna naħdmu aktar biex inrawmu fina dik li huwa jsejjaħ “is-sensibbiltà ekkleżjali”. Fi kliem ieħor, in-Nisrani għandu jfittex jagħmel tiegħu s-sentimenti ta’ Ġesù Kristu billi jkun umli, mimli kompassjoni, juri miżerikordja, iħobb fil-prattika u jkun għaqli.

Skont il-ħsieb tal-Papa, wieħed ikollu din “is-sensibbiltà ekkleżjali” meta jikxef il-qerq tal-mentalità mifruxa ta’ korruzzjoni pubblika u privata li mingħajr ebda mistħija faqqret familji, pensjonanti, ħaddiema onesti. Kultura li tiffavorixxi l-korruzzjoni tkidd liż-żgħażagħ għax tisirqilhom kull tama fil-futur, u tkompli tiskarta lil min hu dgħajjef u fqir. Ħafna drabi meta nitkellmu dwar korruzzjoni wieħed jaħbat jaħseb biss f’dak li jsir fis-settur pubbliku; imma ġustament il-Papa jirreferi wkoll għall-korruzzjoni li ssir mill-privat f’oqsma “tal-privat”. Huwa minnu li l-korruzzjoni pubblika hija marda antika; imma daqstant ieħor hemm prattiċi korrotti fil-privat, partikularment minn min għandu l-poter tal-professjoni!

Il-Papa kompla jisħaq li min għandu din is-“sensibbiltà ekkleżjali” ma jistax ma jħarisx lill-poplu ta’ Alla minn dik li huwa sejjaħ “kolonizzazzjoni ideoloġika” li qiegħda tmermer l-identità u d-dinjità umana. Nifhem li l-Papa kien qed jirreferi għat-taħwid li bħalissa qed jaħkem l-Ewropa dwar il-kwistjoni tal-gender. Ftit ġimgħat ilu, f’waħda mill-Katekeżi li jagħmel nhar ta’ Erbgħa, il-Papa staqsa jekk din it-teorija tal-gender “hix ukoll espressjoni tal-frustrazzjoni u rassenjazzjoni li qed tipprova tħassar id-differenza sesswali għaliex ma għadniex kapaċi nikkonfrontaw ruħna magħha”. Fil-fehma tiegħi l-fatt li l-bniedem jingħata l-fakultà li jilgħab bil-gender jista’ jkollu konsegwenzi koroh ħafna. Li wieħed ikun raġel jew mara mhix xi ħaġa fakultattiva; imma huwa fatt naturali, u jekk wieħed ma jaċċettahx, ikollu problema. L-Isqfijiet Taljani huma ħafna mħassba dwar il-fatt li din it-teorija tal-gender qed tiġi mfellsa fit-tagħlim fl-iskejjel, anki fl-ewwel snin tal-formazzjoni tat-tfal. Il-Kardinal Vallini wera l-apprezzament tiegħu għall-fatt li xi għaqdiet tal-ġenituri, meta ġew konxji mill-qerq ta’ din il-“kolonizzazzjoni”, ħadu azzjoni biex ma tibqax issir ħsara lil uliedhom.

Nerġa’ lura għad-diskors stimulanti li għamlilna l-Papa. Huwa kompla jfiehem li s-sensibbiltà ekkleżjali jew pastorali trid tidher ukoll fil-wisa’ li għandhom isibu l-lajċi fil-Knisja. Il-lajċi Nsara għandhom responsabbiltajiet tagħhom propja, u jekk jibqgħu lura milli jwettquhom, ebda kjeriku ma jista’ jeħdilhom posthom. Lajċi li għandhom formazzjoni Nisranija soda jeħtieġu isqof jew kappillan ragħaj imma mhux isqof jew kappillan “pilota” (fis-sens li jkun isqof li jmexxihom minn imneħirhom… li l-lajċi jkunu biss dawk li jwettqu dak li jgħidilhom ħaddieħor). Dwar dan aħna għandna bżonn naħdmu aktar, għax għalkemm għandna ħafna lajċi li jgħinuna fil-ħidmiet pastorali, xorta nemmen li l-lajċi Nsara tagħna għadhom ma jafux iqumu fuq saqajhom u ħafna drabi jkunu jridu l-forċina tal-Isqof jew tal-Kappillan! Billi l-lajkat Nisrani huwa xi ftit dgħajjef, speċjalment fejn għandu x’jaqsam mal-formazzjoni Nisranija, il-preżenza tal-lajċi Nsara fl-ekonomija, fis-soċjal, fix-xjenza, fl-edukazzjoni, fil-kultura, u l-bqija, ma tinħassx jew ma tagħmel ebda differenza. Nemmen li bħala Knisja hemm bżonn ninvestu sewwa fil-qasam tal-formazzjoni tal-lajċi – kemm f’dik li hija katekeżi tal-adulti u kemm f’korsijiet speċjalizzati.

Diskors ieħor importanti matul din l-Assemblea Ġenerali sar mill-Kardinal Bagnasco, President tal-Konferenza Episkopali Taljana, li b’“sensibbiltà ekkleżjali” tkellem dwar diffikultajiet li qed itaqqlu l-qalb tas-soċjetà Taljana. Huwa sejjaħ il-problema ta’ nuqqas ta’ xogħol bħala “il-pjaga ta’ żminijietna” li qiegħda tifleġ lil għadd ta’ familji. Huwa rrefera wkoll għall-fenomenu tal-immigranti u sejjaħ bħala “kriminali tal-umanità” lis-sidien tad-dgħajjes li jġorru lill-immigranti mil-Libja lejn l-Ewropa. Il-Knisja hija wkoll imħassba dwar żewġ problemi soċjali serji: it-tfal li għadhom taħt is-sbatax-il sena, li qed ikollhom aċċess għax-xorb u l-logħob tal-azzard. Bagnasco fisser ukoll it-tħassib tal-episkopat Taljan dwar l-edukazzjoni fl-iskejjel u dwar il-familja. Dawn kollha huma temi li jixraq li nirriflettu dwarhom aktar fil-fond, aktar u aktar meta wieħed iqis li huma argumenti li jinteressawna mill-qrib.

Għalkemm l-Assemblea tal-Isqfijiet Taljani ddiskutiet dwar id-dwal u d-dellijiet li hemm fis-soċjetà Taljana, f’diversi waqtiet matul dawn il-jiem ħassejt li dak li kien qed jingħad fl-awla kien eku tal-istess sfidi pastorali li għandna fil-Knisja lokali f’pajjiżna. Wieħed jawgura li l-esperjenza tal-Knisja fl-Italja tixprunana fil-missjoni tagħna.

pdf · 58.65 KB Niżżel