Aqbeż għall-kontenut

Knisja li Tisma'

Bi mħabba singulari Alla ħabb din il-gżira meta mija u ħamsin (150) sena ilu, permezz tal-Papa Piju IX, waqqaf din id-Djoċesi. Dakinhar Alla waqqaf (uffiċjalment) it-tinda tiegħu fuq din il-gżira fejn il-bniedem seta’ jiltaqa’ miegħu, kemm mal-Kelma midmuma fil-Kotba Mqaddsa u kemm mal-Kelma li fil-milja taż-żmien saret bniedem – Ġesù Kristu.

Matul dawn il-mija u ħamsin sena, id-Djoċesi tat kontribut kbir lil Għawdex – fil-kamp edukattiv, soċjali, sanitarju, kulturali u filantropiku. Imma dan kollu huwa sekondarju meta mqabbel mas-sejħa u l-missjoni prinċipali tal-Knisja: li xxandar il-Vanġelu, li tlaqqa’ lill-bniedem ma’ Kristu, li twieġeb għall-aspirazzjonijiet spiritwali u umani tal-bniedem. Dak li sar fl-oqsma soċjali u kulturali seta’ sar minn ħaddieħor u forsi aħjar ukoll; imma l-missjoni tal-Knisja hija waħda: li tgħinna niċċelebraw il-preżenza ta’ Kristu Feddej. Kif jgħid San Pawl, ħażin għalina jekk ma nxandrux il-Vanġelu! U ħażin għalina Knisja partikulari jekk fl-imgħoddi ma xandarniex il-Kelma u jekk fil-futur ma nibqgħux nistinkaw biex inwasslu din il-Kelma fejjieda. Hawn mhux qed ngħid l-ovvju, għax b’umiltà rridu nammettu li mhux dejjem ħadna ħsieb niffukaw fuq dak li huwa l-qalba tal-missjoni tal-Knisja!

Matul dawn il-mija u ħamsin sena kienet il-Kelma ta’ Alla li serviet ta’ bastun biex ħafna setgħu jimxu t-triq tal-ħajja li fiha nżul u tlugħ, anki meta dawn emigraw lejn artijiet imbiegħda. Matul dawn is-snin il-Kelma ta’ Alla ssawbet bħal balzmu fuq il-ġerħat ta’ ħafna. Kienet il-Kelma ta’ Alla li tat il-qawwa lil għadd kbir ta’ familji biex ma jaqtgħux qalbhom mill-ħajja u jibqgħu magħqudin. Kienet din il-Kelma li saħħret mijiet ta’ żgħażagħ għas-saċerdozju u l-ħajja reliġjuża – biżżejjed insemmi li kienu żewġ Għawdxin ulied din il-Knisja li waqqfu żewġ istituti ta’ ħajja reliġjuża: is-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù u s-Sorijiet Dumnikani, li llum huma żewġ siġriet bi friegħi mifruxa mad-dinja. Kien il-Vanġelu li qanqal f’diversi ċittadini ispirazzjonijiet ta’ tant proġetti soċjali u kulturali. Misjuqa minn din il-Kelma, xi wħud waqqfu monumenti kbar tal-karità bħalma kienu d-djar tat-tfal u l-Arka. Dawn kienu r-rikkezzi u l-glorja tal-Knisja f’Għawdex tul dawn il-mija u ħamsin sena! Quddiem dan kollu, inħoss li għandi nesprimi l-gratitudni tiegħi lejn il-predeċessuri tiegħi u lejn dawk kollha li kienu membri ta’ din il-Knisja, li għaddewlna dan il-patrimonju spiritwali hekk kbir.

Imma jekk irridu l-passat ikun garanzija għall-futur, jekk irridu nibnu l-ħitan imġarrfa tal-belt u ta’ “Ġerusalemm” tal-lum, jekk irridu nagħtu togħma lil dak li tilef it-togħma, irridu naħdmu biex ikollna Knisja li tisma’. Illejla rridu nġeddu l-impenn tagħna li rridu nżommu wieqfa din il-Knisja li għandha l-Kelma ta’ Alla bħala ċ-ċentru tagħha. Dan huwa l-mandat li tatna l-Knisja Universali mija u ħamsin sena ilu. Dan huwa d-don li rċivejna. Din hija r-responsabbiltà li għandna lejn il-ġenerazzjonijiet futuri. Għandna bżonn li nagħmlu mill-Knisja santwarju tal-Kelma fejn ilkoll nistgħu niltaqgħu biex nisimgħuha. Forsi fl-imgħoddi, anki fil-passat riċenti, konna aktar attivisti (doers) milli kontemplattivi. Ma neskludix li ġieli tant sirna familjari mal-Kelma ta’ Alla li faċli nieħdu kunfidenza magħha.

Hemm il-probabbiltà li bħala Knisja widnejna ngħalqu u sirna torox għall-Kelma ta’ Alla. Xi drabi ċ-ċertezza li aħna nafu kollox ma tqanqalniex biex niftħu widnejna biex nisimgħu. Fil-Knisja nara diversi sinjali li jistgħu jindikaw li aħna torox: meta ma nibqgħux nikkomunikaw ma’ ta’ madwarna; meta nirtiraw mill-pjazza u ninqatgħu mill-oħrajn; meta nibżgħu niddjalogaw jew inkunu selettivi ma’ min niddjalogaw; meta ma nsibu xejn pożittiv x’ngħidu fuq sitwazzjonijiet ġodda; meta nibdew nikkundannaw u nagħmlu l-ġudizzji fuq l-oħrajn. Fuq kollox aħna Knisja truxa meta ma nibqgħux Knisja profetika.

Ix-xewqa tiegħi hija li jkollna Knisja li tagħti aktar prijorità lill-Kelma salvifika ta’ Alla, biex il-Knisja tibqa’ tkun tinda tal-Kelma. Għaliex biex inkunu Ecclesia docens, irridu qabelxejn inkunu Ecclesia audiens. Għalhekk nara li rridu ninvestu aktar fil-katekeżi, partikularment tal-kbar. Jiddispjaċini li hemm diversi li jistgħu jmiddu għonqhom għal din il-ħidma imma jippreferu jibqgħu b’idejhom marbuta. Irridu naħdmu biex l-Ewkaristija, speċjalment dik tal-Ħadd, tkun verament ċelebrazzjoni li tirrakkonta l-istorja tal-imħabba ta’ Alla għalina. Ma nistgħux nippermettu li l-liturġija tal-Ħadd ma tkunx iċċelebrata b’mod li ddewwaqna l-ġmiel u t-tjubija ta’ Alla. F’ċerti każi għad għandna ritwali li jnaffru lill-bniedem! Fuq kollox, ilkoll għandna bżonn nitolbu aktar u aħjar. Dan kollu jgħodd għal kulħadd: għalija Isqof, għas-saċerdoti, għar-reliġjużi u għal-lajċi.

Imma din ix-xorta ta’ ħidma pastorali tfisser li rridu nagħmlu konverżjoni pastorali – nara l-ħtieġa urġenti li bħala Knisja nadottaw il-pastorali tagħna biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Jekk nittraskuraw it-talb u l-Ewkaristija, il-ħajja spiritwali tagħna tnin. Ċerti żbalji fil-ħajja tagħna jixhdu li għandna ħajja spiritwali fqira. Jekk ma nistinkawx biex inkunu Knisja spiritwali, inkunu nagħtu raġun lil min jgħid li l-Knisja hija istituzzjoni ta’ poter jew li għandha xi aġenda politika! L-aġenda tal-Knisja hija waħda: dik diġà mfassla mill-Vanġelu!

Il-Knisja trid tkun ukoll Knisja li tisma’ l-karba tal-bniedem. X’jiswa li nafu l-Iskrittura Mqaddsa, imbagħad ma nafux min hu l-bniedem? Suppost it-tama u l-hena, in-niket u t-tħassib tal-bniedem, partikularment tal-fqir, huma t-tama u l-hena, in-niket u t-tħassib tad-dixxipli ta’ Kristu (ara Gaudium et Spes, 1). Dan ifisser li l-Knisja trid tkun qrib il-bniedem bil-problema, li huwa fi kriżi, li hu fid-dnub. Jekk inżommu ’l bogħod mill-bniedem, nirriskjaw li l-predikazzjoni tagħna ma tkunx relevanti. Ma hemm ebda realtà umana, mgħarrqa kemm tkun mgħarrqa, li ma tistax tiddawwal mill-Kelma tal-Vanġelu. Li aħna nkunu diffidenti minn dak kollu li huwa tad-dinja, mhux atteġġjament Nisrani. Ma nistgħux inħarsu b’għajn suspettuża lejn id-dinja; anzi, hemm ħafna x’nitgħallmu mid-dinja.

Il-Knisja wkoll jeħtiġilha tisma’ lil Kristu jgħid fuqha l-ordni li ta lir-raġel trux: “Effeta!”. Fi kliem Sant’Ambroġ hawnhekk għandna l-misteru tal-ftuħ. Il-Knisja li tisma’ l-Kelma u lill-bniedem ma tistax tibqa’ bil-bibien tagħha magħluqa, imma tħossha mbuttata biex toħroġ fit-toroq u tfittex lil dawk li jinsabu fil-periferija eżistenzjali, soċjali u spiritwali. Knisja “miftuħa” hija Knisja missjunarja, u kemm nixtieq li din id-dimensjoni ma tiġix nieqsa mill-Knisja tagħna! Fuq kollox, mheżża mill-Kelma, il-Knisja trid tagħmel il-karità – anzi, il-karità hija t-triq ipprivileġġjata biex it-tħabbira tal-Kelma tkun kredibbli. Għax jekk inħabbru l-Vanġelu mingħajr ma nagħtu xhieda tal-imħabba ta’ Alla li tħaddan lil kulħadd, ikollna problema.

Għalhekk, it-talba li nagħmel għal din il-Knisja f’din l-okkażjoni hija t-talba li Salamun jagħmel lil Alla: “Agħtina qalb li tisma’”, għax jekk inkunu Knisja li tisma’ lil Alla u lill-bnedmin, naslu biex ngħinu lil ħafna biex iduqu l-imħabba singulari ta’ Alla.

pdf · 66.68 KB Niżżel