Knisja Mġedda biex Tiġġedded is-Soċjetà (Santa Marija)
Qegħdin ngħixu f’epoka ta’ tibdil mhux żgħir; anzi nistgħu ngħidu li mhux biss qegħdin ngħixu f’epoka ta’ tibdil imma f’tibdil ta’ epoka! F’dan l-aħħar nofs seklu għamilna passaġġi importanti ħafna li b’mod jew ieħor influwenzaw l-għażliet fundamentali tagħna u għalhekk wassluna biex inbiddlu l-epoka tagħna.
Illum, meta mal-Knisja Universali aħna qed niċċelebraw is-solennità tat-tlugħ fis-sema ta’ Marija bir-ruħ u l-ġisem – ġrajja epokali oħra –, aħna irridu nirriflettu dwar kif l-Assunta tista’ tagħtina dawl biex dan it-tibdil ikun tibdil għas-sewwa. Qegħdin niċċelebraw il-festa ta’ meta l-Assunta għamlet passaġġ importanti ħafna: il-passaġġ minn din id-dinja għal għand il-Missier. Qegħdin niċċelebraw l-Għid tal-Assunta, li huwa r-rifless u l-konsegwenza tal-Għid ta’ Kristu li wkoll għamel il-mogħdija u l-passaġġ minn din id-dinja għal għand il-Missier. Għalhekk dalgħodu nitlob lill-Assunta tieqaf magħna biex nanalizzaw ftit mill-passaġġi li qegħdin nagħmlu llum u naraw jekk humiex passaġġi li huma ta’ benefiċċju għall-bniedem, jekk humiex tassew rebħa bħalma kienu rebħa fuq il-mewt kemm il-qawmien ta’ Kristu kif ukoll it-tlugħ fis-sema ta’ Marija bir-ruħ u l-ġisem fuq il-mewt.
Insemmilkom ftit eżempji ta’ passaġġi li pparteċipajna fihom jew b’mod attiv jew b’mod passiv.
Passaġġi fil-mixja politika ta’ pajjiżna
Jekk inħarsu lejn l-istorja politika riċenti ta’ pajjiżna, nosserwaw li wettaqna passaġġi kbar ħafna. Naħseb li ħadd mhu ser ilumna għax bħala Knisja nirriflettu fuq il-ħajja politika tagħna nfusna! Wara li ksibna l-Indipendenza tagħna, komplejna nsaħħu l-kisba tal-Ħelsien, saħħaħna l-identità repubblikana tagħna u dħalna fl-Unjoni Ewropeja. Ksibna l-ħelsien. Suppost ġejna rajna f’idejna u bil-ħila li nagħtu determinazzjoni lilna nfusna. Imma llum ġie li jkun hemm ċirkustanzi fejn nistaqsu jekk huwiex minnu li dawk il-passaġġi issarrfu f’dik l-awtodeterminazzjoni li kull nazzjon u kull poplu għandhom dritt li jkollhom, jew inkella huwiex il-każ li qed insibu rwieħna fejn oħrajn, istituzzjonijiet jew gruppi oħra, qed jiddeċiedu għalina u aħna jkollna noqogħdu għalihom!
Nagħtikom eżempju riċenti ħafna. Dan l-aħħar fil-Kunsill tal-Ewropa tressqet riżoluzzjoni li tqis bħala offensiva l-oġġezzjoni tal-kuxjenza li jistgħu jqajmu dawk it-tobba u l-infermiera li jintalbu jassistu biex isir abort. Skont din ir-riżoluzzjoni l-pajjizi membri għandhom jirrestrinġu l-użu ta’ dan id-dritt naturali ta’ dawk li skont il-kuxjenza tagħhom ma jħossux li għandhom jieħdu sehem fil-qtil tat-tarbija. Dan huwa tentattiv biex dan id-dritt fundamentali jsir eċċezzjoni! S’issa f’pajjiżna għad m’għandniex l-abort legalizzat, imma tajjeb li nkunu nafu x’inhi l-arja li hemm madwarna. Riżoluzzjoni bħal din ma tirrispettax il-prinċipjju tal-kompetenza nazzjonali f’suġġetti daqshekk delikati! Għalhekk nistaqsi: x’sar minnha l-Indipendenza?
Passaġġi fil-mixja industrijali ta’ pajjiżna
Passaġġ ieħor seħħ meta minn soċjetà agrikola l-ewwel dħalna f’soċjetà industrijali, imbagħad dħalna fil-fażi tekonoloġika. U llum qed nagħmlu passaġġ ieħor għal soċjetà mibnija fuq l-informatika. Huma passaġġi li kollox ma kollox issarrfu f’ġid. Imma dawn il-kisbiet kienu dejjem ta’ benefiċċju għall-bniedem? Per eżempju, dan il-passaġġ li għamilna żgur illi kkondizzjona l-mod kif aħna nħarsu lejn ix-xogħol. Huwa x-xogħol għall-bniedem jew il-bniedem għax-xogħol? Tassew li s-soċjetà postindustrijali kattret ix-xogħol; imma mhux dejjem kienet irrispettata d-dinjità tal-bniedem. Ħafna drabi l-bniedem kien ridott għal sempliċi sinna fl-ingranaġġ tal-industrija.
Biex nagħtikom eżempju prattiku nħarsu ftit kif illum qed nitkellmu dwar il-Jum tal-Ħadd, li barra li għandu d-dimensjoni sagra – għax għalina l-Insara l-Ħadd huwa l-Jum tal-Mulej – għandu wkoll dimensjoni soċjali. Il-Jum tal-Ħadd huwa l-jum tal-mistrieħ. Huwa l-jum fejn il-ħaddiem jista’ jgawdi mhux biss il-ħin liberu, imma l-familja tiegħu. Però llum, bl-iskuża tal-produzzjoni u ta’ ekonomija iktar sħiħa, qed nissagrifikaw lill-bniedem.
Huwa minnu li dan il-passaġġ sewa wkoll biex tkattar il-ġid. Imma nistaqsi jekk dan il-ġid tqassamx b’mod ekwu, jekk tkattarx il-ġid komuni jew jekk ingħatax spazju biex min jiflaħ iħawwel, u min ma jiflaħx ikollu joqgħod għal min hu qawwi aktar minnu! Barra minn hekk, ix-xjenza u t-teknologija huma waħda mill-kawzi prinċipali li wittew it-triq għas-sekularizzazzjoni u l-materjaliżmu.
Passaġġi fil-kuntest reliġjuż ta’ pajjiżna
Għaddejna minn soċjetà bi tradizzjoni reliġjuża qawwija – biex ngħid hekk, għaddejna minn soċjetà li kienet imdakkra b’superstizzjoni u fanatiżmu reliġjuż. U llum dħalna f’dik il-fażi li tissejjaħ il-modernità, anzi llum hemm min qed jitkellem mill-postmodernità b’rifjut tal-patrimonju kulturali reliġjuż li għadda minn ġenerazzjoni għal oħra. Jekk qabel kellna reliġjon waħda – prattikament f’dik li hija reliġjon kienet soċjetà monolitika –, illum għandna soċjetà multireliġjuża fejn is-sinkretiżmu reliġjuż huwa riskju fattwali. Nazzarda ngħid li għandna indikazzjonijiet ċari illi din is-soċjetà minn waħda reliġjuża qed issir soċjetà ateista. Il-filosfu Augusto del Noce jagħmel osservazzjoni u jgħid li d-destin tal-modernità huwa l-ateiżmu. Għalhekk nistaqsi jekk dan il-passaġġ kienx kollu tajjeb!
Passaġġi fl-istituzzjoni tal-familja
Il-familja Maltija wkoll qed tagħmel passaġġ. Għaddejna minn fażi fejn kellna familja estiża u llum għandna dik li tissejjaħ il-familja nukleari. Kull ma jmur, il-familja qed dejjem tiċkien. Għaddejna minn passaġġ fejn kellna l-familja stabbli u kellna rasna mistrieħa li ż-żwiġijiet tagħna huma sħaħ; u issa dħalna f’fażi fejn l-istabilità taż-żwiġijiet u l-familji tagħna qed tiddgħajjef. Għaddejna minn passaġġ minn fazi meta kellna kunċett ċar ta’ x’inhi familja u llum qed nassistu għal ridefinazzjoni ta’ x’inhuma żwieġ u l- familja. Fil-passaġġ li għamilna qegħdin niddiskutu jekk iż-żwieġ għandux ikun bejn raġel u mara jew jekk għandux ikun bejn tnejn tal-istess orjentament sesswali; qed niddiskutu dwar jekk iż-żwieġ għandux ikun bejn raġel wieħed u mara waħda jew jekk għandniex nittolleraw l-infedeltà; qegħdin nippropagaw illi ż-żwiġijiet tagħna ma jibqgħux iktar indissolubbli, meta l-argument favur żwieġ li ma jinħallx mhux biss għax hekk irid Alla imma wkoll għax hekk titlob l-istess natura tal-imħabba li hija ċċelebrata fiż-żwieġ.
Konsegwenzi tal-passaġġi li għamlet is-soċjetà
Dawn huma ftit mill-passaġġi li qed tagħmel is-soċjetà tagħna, li qegħdin ukoll iwasslu mhux biss għal tibdil imma wkoll għat-tibdil tal-epoka li qegħdin ngħixu fiha. X’kienu l-konsegwenzi ta’ dawn il-passaġġi kollha?
Kiber l-eġoċentriżmu, jiġifieri li kulħadd iħares lejh innifsu, u għax l-interessi tiegħu jigu dejjem l-ewwel, il-bniedem lest li jirfes lil ħaddieħor biex joqgħod sewwa hu. Veru li fiżikament qrobna lejn xulxin u ċkienu d-distanzi ta’ bejnietna; imma b’daqshekk ma jfissirx li għandna soċjetà iktar fraterna. Anzi hemm ċirkustanzi fejn sirna barranin għal xulxin. Splodiet il-kultura tal-pjaċir immedjat – il-kultura tal-pjaċir akkost ta’ kollox! Dan il-bżonn daħħalna wkoll fir-relativiżmu: biex noqgħod sewwa u nieħu pjaċir, naqa’ u nqum minn kull prinċipju ta’ x’inhu sewwa u x’inhu ħażin, x’inhu rispettabbli u x’mhux rispettabbli. Frott ta’ dan kollu ddgħajfet il-legalità, jiġifieri naqgħu u nqumu mill-osservanza tal-liġi – qed nirreferi mhux għal-liġi ta’ Alla imma għal-liġi tal-pajjiż! Hemm min jara x’jista’ jagħmel, u jekk ma jasalx hu waħdu jqabbad lil min jgħinu, biex il-liġi jdawwarha biex toqgħod għalih u mhux hu joqgħod għal-liġi. Dan kollu jwassal għal dak li tissejjaħ eżistenza umana frammentata. Altru li m’aħniex nagħmlu tibdil illi jsaħħaħ u jiggarantixxi d-dinjità umana ta’ kull persuna!
Bżonn ta’ “Kristjanità ġdida”
Quddiem dan kollu, x’inhi tgħidilna l-Assunta llum li għamlet dan il-passaġġ minn din id-dinja għal għand il-Missier? Imma qabel ngħid x’naħseb u x’nixtieq nitgħallmu mill-Assunta, nirreferi għal proposta li ma saritx mill-Papa jew minn xi isqof, imma minn Georg Philipp Friedrich von Hardenberg, filosfu Ġermaniz tas-seklu tmintax, ftit wara li kien hemm ir-Rivoluzzjoni Franċiża! Għaddew is-sekli u aħna għadna nħossu l-effetti ta’ din ir-rivoluzzjoni epokali, partikularment tal-Illuminiżmu. Meta dan l-aħħar kont f’pellegrinaġġ Djoċesan fi Franza u mort nara l-Katidral ta’ Notre Dame ta’ Parigi, qaluli li wara r-Rivoluzzjoni dan il-katidral ma baqax iddedikat lil Alla, imma sar iddedikat lid-“dea ragione” (déesse Raison)! Jien irrid li l-knejjes u l-katidrali tagħna qatt ma jitilfu l-identità tagħhom, u li flok jibqgħu d-djar ta’ Alla jsiru djar ta’ “dea ragione” tal-lum.
Dan il-filosfu, li l-isem artistiku tiegħu kien Novalis, kien kiteb li quddiem id-diżordni li ħolqot ir-Rivoluzzjoni Franċiża, kien hemm bżonn ta’ “Kristjanità ġdida”. Huwa tenna li kien hemm bżonn ukoll ta’ Knisja Kattolika ġdida li ma jkolliex fruntieri biex tkun tista’ tiftaħ djalogu mal-bniedem li qiegħed fid-dinja imma fl-istess ħin għaddej f’mixja li twasslu għand Alla. Din il-Kristjanità ġdida li jiddeskrivi dan il-filosfu ma għandhiex tkun waħda li tipproponi formuli li għamlu żmienhom, imma filli l-bniedem jiġi mgħejjun jiskopri l-viżjoni biblika ta’ Alla personali li nistgħu niddjalogaw miegħu u nidħlu f’relazzjoni personali miegħu.
Jiena ngħid li anke l-Assunta llum qed tagħmlilna din l-istess proposta. Din il-proposta ma’ tagħmililniex bil-fomm imma bil-mod ta’ kif hija wettqet il-passaġġ minn din id-dinja għal għand il-Missier. San Franġisk De Sales għandu trattat dwar l-imħabba t’Alla (Traité de l'Amour de Dieu) fejn jitkellem dwar il-mewt tal-Assunta. Hu jgħid li jekk huwa diskuttibli jekk il-Madonna mietitx b’kawża fiżika kif imut kull bniedem, huwa żġur li l-atteġġjament spiritwali tagħha fuq is-sodda tal-mewt x’ħin giet biex tagħmel dan il-passaġġ kien atteġġjament ta’ mħabba ħerqana lejn Kristu. Marija ta’ Nazaret kellha xewqa kbira li tingħaqad ma’ Kristu. Skont San Franġisk De Sales kienet din l-imħabba li ġabet il-mewt f’Marija biex hija setgħet tagħmel dan il-passaġġ għal għand Alla il-Missier.
Il-Papa Ġwanni Pawlu II jgħid li kien x’kien il-fatt organiku u bioloġiku li kkawża l-mewt fiżika tal-Assunta, wieħed jista’ jgħid li l-passaġġ minn din id-dinja għall-ħajja eterna kien għal Marija maturazzjoni tal-grazzja fil-glorja – il-passaġġ tagħha kien pass wara l-ieħor fil-mixja tal-grazzja li ħejjiet lil Marija biex tidħol fil-glorja eterna u ħalli tidħol quddiem il-preżenza ta’ Alla.
Is-Santi Padri jgħallmu li Kristu, meta ra din l-imħabba ta’ Marija ommu imma fl-istess ħin dixxiplu tiegħu, ma ħamilx illi jaraha tistenna, u allura huwa stess ġie fid-dinja biex jeħodha miegħu ħalli taqsam miegħu fir-rebħa fuq il-mewt u għalhekk ġiet imtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem. Għalhekk il-mewt ta’ Marija kienet ġrajja tal-imhabba li laqgħetha ma’ Binha biex taqsam miegħu l-ħajja eterna.
Din hija l-proposta li hemm bżonn tagħmel il-Knisja llum! Din hija l-Kristjanità l-ġdida li hemm bżonn li aħna nipproponu! Mhux li nibqgħu nipproponu formuli antiki jew sinjali li lbieraħ kienu jagħmlu sens imma llum ma jiftehmux. Għandna d-dmir bħala Knisja li ngħinu lill-bniedem ikollu dak l-atteġġjament spiritwali li kellha Santa Marija meta wettqet il-passaġġ definittiv tagħha. Hemm bżonn nonfħu fuq dik ix-xrara ta’ mħabba għal Alla li hemm f’kull bniedem; ngħinu lil kull bniedem jixxennaq ħalli jidħol fil-glorja tal-eternità. Għaliex jekk is-soċjetà tagħna terġa’ tikseb ir-ruħ tagħha, allura nkunu nistgħu neliminaw minn dawk il-passaġġi li semmejtilkom dak kollu li huwa ta’ deni għal kull bniedem u għas-soċjetà.
Eżami tal-kuxjenza
Hemm bżonn li nagħmlu l-passaġġ b’mod invers: għax jekk minn ħajja msejsa fuq it-twemmin Nisrani għaddejna għas-sekulariżmu u l-edoniżmu, issa hemm bżonn li nwaqqfu daqsxejn dan il-kurrent u kif għamlet Marija niskopru lil dan Alla personali – dak Alla li tant ħabb lill-bniedem li “ta lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem”.
Biex nagħmlu dan jixraq li l-komunità Kattolika f’pajjiżna tagħmel eżami tal-kuxjenza! Meta qed nindirizza l-komunità Kattolika, ifisser li qed nindirizza lilkom, għax ladarba qegħdin hawn preżenti għall-Ewkaristija, intom Kattoliċi. Inħeġġiġkom biex ma nibqgħux nagħmlu passaġġ minn soċjetà Kattolika għal soċjetà ġenerikament Nisranija u li għada tkun soċjetà ateista. B’mod konxju jew le, huwa fatt li aħna qegħdin nipparteċipaw f’dan il-proċess illi għaddejja minnu s-soċjetà tagħna: intenni, l-ewwel minn soċjetà Kattolika għal soċjetà ġenerikament Kristjana biex gradwalment nidħlu fil-fażi li toqtol lil Alla fil-prinċipju.
Għalhekk hemm bżonn li, imnebbħin b’mod pożittiv minn din il-ġrajja epokali tal-Għid ta’ Kristu u tal-Assunta msieħba miegħu, aħna nagħmlu riflessjoni vera li tissafraf f’impenn serju dwar x’passaġġi jeħtiġilha tagħmel il-Knisja f’pajjiżna. Bi Knisja ma nifhimx biss l-isqof jew is-saċerdoti, imma l-imgħammdin kollha, il-poplu ta’ Alla kollu kemm hu. Imbagħad ilkoll naġixxu skont is-sejħat, il-kariżma u l-ministeri li għandna fil-Knisja u fis-soċjetà. Aħna ma nistgħux filli nilbsu l-libsa tal-Kattoliċi u filli ninżgħu din il-libsa u ngħidu li m’aħniex lajċisti!
Reliġjon ta’ konvinzjoni
X’inhuma dawn il-passaġġi li tnebbaħni l-Assunta? L-ewwel nett li aħna ngħaddu minn reliġjon ta’ konvenzjoni għal reliġjon ta’ konvinzjoni. Aħna sfortunatament writna patrimonju reliġjuż imma mhux dejjem fhimnih u fissirnih b’mod awtentiku. Huwa fatt li l-patrimonju reliġjuż tagħna fih ċerti affarijiet x’insaffu minnu. Per eżempju, ma nifhimx kif xi wħud fi ħdan il-komunità Kattolika biex jagħmlu festa jridu bilfors jinfexxu f’tgħajjir u insulti lejn dawk li ma jaqblux magħhom! M’aħniex insara Kattoliċi b’kumbinazzjoni għax twelidna f’Malta jew f’Għawdex! Irridu nkunu knisja u poplu ta’ Alla b’għażla u b’konvinzjoni. Biex nagħmlu dan huwa urġenti li nieħdu l-formazzjoni kontinwata bis-serjetà. Kien għalhekk li fil-Pjan Pastorali tas-sena li għaddiet fil-Knisja f’Għawdex saret kampanja biex tiġi promossa l-katekeżi tal-adulti.
Nipproponi li l-Knisja tagħna tgħaddi minn fażi prekonċiljari għal waħda verament konċiljari! Għax għal ħafna fostna r-riforma konċiljari fissret biss li nagħmlu liturġija bil-Malti u bdilna ċerti affarijiet kożmetiċi. Imma fl-ispirtu għadna ’l bogħod minn dak li qaltilna nagħmlu l-Knisja permezz tal-Konċilju. Nixtieq li nkomplu naħdmu flimkien ħalli jkollna Knisja tal-Konċilju. Nappella, partikularmet lil dawk impenjati fil-ħidma pastorali, biex jaqraw mill-ġdid id- dokumenti tal-Konċilju.
Pastorali propożittiva
Nixtieq li jseħħ passaġġ minn pastorali tal-konservazzjoni għal pastorali propożittiva! Ma nistgħux nibqgħu napplikaw l-enerġiji tagħna biex dak li għandna ma nitilfuħx u biex nagħmlu r-restawr tal-Knisja tal-bieraħ; hija meħtieġa pastorali li tħabbar mill-ġdid il-Bxara t-Tajba ta’ Kristu b’metodi, lingwaġġ u sinjali kontemporanji. Altrimenti nirriskjaw li ma nkunux relevanti għall-bniedem tal-lum. Xi drabi nieħu l-impressjoni li anke meta naqraw il-Kelma t’Alla f’mumenti liturġiċi, aħna ma nkunux konvinti li qed tixxandar il-Kelma ta’ Alla. Huwa l-atteġġjament tagħna li jixhed x’konvinzjoni għandna quddiem il-Kelma mħabbra! Xi drabi sew kif tiġi pproklamata l-Kelma minn min jaqraha fil-knisja kif ukoll mill-mod kif nirċevuha, kollox jindika li għalina l-Ktieb sagru huwa ktieb bħall-ohrajn! Kif jista’ jkun li aħna nxandru l-Kelma ta’ Alla fl-assemblea liturġika u tħallina kif aħna jew ma tgħinniex biex il-passaġġi li nagħmlu fil-ħajja jkunu passaġġi tajbin?
Liturġija pparteċipata
Dan iwassalni għal passaġġ ieħor li nara li hemm bżonn li nagħmlu fiċ-ċelebrazzjoni tal-kult liturġiku tagħna. Ma nistgħux nibqgħu nagħmlu liturġija barokka; ma nistgħux nibqgħu nittolleraw liturġija arkajka, imma rridu li, fid-dawl ta’ dak li qalilna l-Konċilju, ikollna liturġija ħajja fejn ikun hemm il-parteċipazzjoni ta’ kull wieħed u waħda minna, liturġija li tkun talba u mhux teatru. Għinuni ħalli nagħmlu dawn il-pasaġġi. Ilkoll għandna responsabiltà quddiem Alla u quddiem l-istorja. Il-liturġija hija mistagoġika għax iddaħħalna fil-qalba tal-misteru ta’ Kristu ħalli mbagħad aħna nkunu preżenza ta’ Knisja ġdida u nkunu dik il-Kristjanità ġdida li tista’ tagħmel differenza fid-dinja tal-lum. Ikun abbuż mil-liturġija jekk din ma tgħinx biex issir din il-laqgħa ma’ Kristu.
Is-sehem ta’ lajċi ffurmati
Nixtieq nara passaġġ minn Knisja klerikali għal Knisja fejn il-poplu ta’ Alla kollu, partikularment il-lajċi, iħossu parteċipi. Għall-grazzja ta’ Alla għandna Knisja b’numru sabiħ ta’ saċerdoti, imma hemm bżonn inżommu quddiem għajnejna li l-lajċi wkoll huma msejħin biex jieħdu sehem fil-ħajja tal-Knisja fir-rispett tal-kariżma tagħhom u l-ministerjalità proprja tagħhom fil-Knisja. Dan jitlob mhux biss aktar fiduċja fil-lajċi mill-istrutturi ekkleżjali, imma wkoll aktar lajċi ffurmati biex iwettqu l-missjoni proprja tagħhom. Minħabba n-nuqqas ta’ din il-preparazzjoni anke teoloġika, attwalment hemm lajċi li l-imġieba tagħhom fil-Knisja u fis-soċjetà ma tagħmilx ġieħ lil-lajkat Kattoliku. Jekk nibqgħu nibżgħu nagħtu spazju lil-lajċi konvinti mit-twemmin tagħhom, inkunu qed nirriskjaw li nibqgħu biss f’dik li sejjaħnilha l-pastorali tal-konservazzjoni u mhux il-pastorali tal-proposta.
Ilkoll responsabbli
Animati minn dik l-imħabba li l-Assunta kellha għal Alla u għal Kristu biex setgħet tidħol b’mod definittiv fil-preżenza tal-Missier fl-eternità, kull wieħed u waħda minna kif ukoll l-istess komunitjiet Insara li jiffurmaw il-Knisja djoċesana, għandna nikkollaboraw ma’ xulxin biex naraw iseħħu dawn il-passaġġi fl-istorja tagħna. B’dan il-mod ir-rabta li seħħet permezz tal-Assunta bejn Alla u l-istorja ma tiġix mitmuma, imma pernezz ta’ kull wieħed u waħda minna, għax konvinti mit-twemmin Kristjan u l-valuri tal-Vanġelu, nagħtu s-sehem tagħna ħalli din ir-rabta bejn Alla u l-istorja umana, bejn id-divin u l-uman, ma titħabbilx imma tibda tintiseġ b’hajt tad-deheb. Hekk ikollna garanzija li dawn il-passaġġi li qegħdin nagħmlu jgħinuna ħalli x’ħin jasal il-mument bħal Santa Marija u magħha aħna nagħmlu l-passaġġ definittiv li jdaħħalna fl-eternità. Amen.