Aqbeż għall-kontenut

Knisja tal-Beatitudni

Il-ferħ huwa ħtieġa naturali tagħna l-bnedmin. Ġesù nnifsu xtaq li l-ferħ tagħna jkun sħiħ (Ġw 15:12). Id-Diskors tal-Muntanja, li fi kliem Pawlu VI, “min qatt ma ħaseb fuqu ma jafx lil Ġesù Kristu”, huwa t-triq interjuri li twassal għall-beatitudni!

Imma huwa fatt li llum il-bniedem ma jafx jifraħ! Qed nitilfu l-ħila li nitbissmu. Dan l-aħħar iltqajt ma’ nannu li qalli li meta staqsa lin-neputija tiegħu ta’ disa’ snin għaliex ma titbissimx, din qaltlu: “Ma hemm xejn xi jferraħni!”. Dan tant baqa’ maħsud li ssokta jistaqsiha jekk sħabha tal-klassi humiex ferrieħa. Għal darba oħra din it-tifla tagħtu risposta li tkexkex: “Le, kollha mdejqin”. Dan mhux każ iżolat. F’dawn il-ġranet saċerdot minn tagħna li jaħdem qatigħ mal-adolexxenti qalli li lil dawk li jattendu għall-Iskola-Sajf tahom t-shirt bil-kelma “smile” miktuba fuqha. Sabu wieħed mill-adolexxenti u għamillu dan il-kumment: “Il-kelma ‘smile’ żommha għalik għax fil-ħajja jien ma għandix raġuni għalfejn nitbissem”.

It-tfal huma r-rifless tagħna l-kbar! Jekk iż-żgħar saru tqal biex jifirħu ġenwinament, dan għaliex id-dinja adulta qiegħda dejjem issir dinja ta’ tgergir, ilmenti, insodisfazzjon, rabja, negattività, aggressività, għira, sfiduċja, u iktar. Fi kliem ieħor, il-bniedem qed tonqoslu t-tama vera. Huwa minnu li l-isfidi soċjali ta’ żminijietna ħraxu, u huwa naturali li dan jirrifletti fuq l-istil ta’ ħajja u l-attitudni ta’ ħafna lejn xulxin u lejn l-ambjent ta’ madwarna. Fattur determinanti f’dan il-kuntest huwa l-lajċiżmu li wassal biex il-bniedem jieħu distanza minn Alla.

F’dan il-kuntest, nemmen li din hija s-siegħa tagħna bħala Knisja li nkunu aktar konvinti li aħna għandna dik it-tama li teħtieġ is-soċjetà tal-lum!

Il-ġimgħa li għaddiet ħadt sehem fl-Assemblea Ġenerali tal-Kunsill tal-Konferenzi Episkopali Ewropej (CCEE) li saret fi Bratislava, u għar-riflessjoni kellna bħala tema: “Alla u l-Istat: Ewropa bejn lajċità u lajċizmu”. Il-Professur Hrabovec, li għamlet sintesi tal-kwestjonarji li waslu minn diversi Konferenzi Episkopali, qalet illi “f’oqsma differenti tal-ħajja soċjali wieħed jinnota l-indħil ta’ ċertu sekulariżmu kif ukoll attentat biex tinbena stampa negattiva tal-Knisja u l-fidi”. Quddiem din ir-relatà l-Knisja ma għandhiex tingħalaq u ssir bħal sur fl-Ewropa. Jiġri x’jiġri, l-Insara għandhom identità ċara mibnija fuq il-fidi ħajja u li toffri tama. L-Isqfijiet Ewropej huma konvinti li t-tama li toffri l-Knisja hija dik li qed tfittex id-dinja. Din l-istess tama għandha tagħti l-qawwa lill-Insara biex jaffrontaw mumenti diffiċli billi ma jibżgħux iwieġbu għall-mistoqsijiet tal-bniedem. Fuq l-eżempju ta’ Kristu, il-missjoni evanġelizzatriċi għandha tindirizza l-mistoqsijiet kollha li jmissu kull aspett tal-ħajja umana.

Dan bl-ebda mod ma jfisser li l-Knisja għandha tkun superfiċjali jew nieqsa minn ġudizzju kritiku fuq id-dinja; lanqas ma għandha tillimita ruħha għal dak li huwa purament spiritwali. Għandna nadottaw approwċ pożittiv u proattiv quddiem ir-realtà u d-dinamiżmu soċjali. Fil-fatt fid-diskussjonijiet bejnietna l-Isqfijiet issemmew ċerti temi soċjali li jeħtieġu riflessjoni ċara min-naħa tal-Knisja, bħalma huma l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ, il-familja, kif ukoll il-qgħad, partikularment il-qgħad fost iż-żgħażagħ.

Bil-ħsieb li nindirizzaw dan kollu u aktar, qed nipproponu żewġ għodod pastorali lill-Knisja lokali: il-Viżta Pastorali, b’impostazzjoni mfissra fl-aħħar Ittra Pastorali, u l-Pjan Pastorali (2013-2016). Inħossni komdu nistqarr li hawnhekk qegħdin nipproponu viżjoni ta’ Knisja li għandha l-qofol tagħha fl-ekkleżjoloġija tal-Papa Franġisku – Knisja b’viżjoni dinamika u missjunarja li hija msejħa biex toħroġ ’il barra mis-sagristija u miz-zuntier u tilħaq il-periferija. Nixtiequ Knisja li tagħraf “issaħħan il-qlub” li, għax huma mirżuħa, tilfu l-ħila li jifirħu! Fuq kollox, għandna nibnu Knisja li turi solidarjetà mal-foqra.

Il-Viżta Pastorali nixtieqha tkun impenn mill-Knisja kollha biex inkunu qrib in-nies u man-nies, u hekk “tkun Knisja li tisma’”. Huma diversi l-motivi għaliex huwa urġenti li niftħu l-bibien tal-Knisja. Dan narah meħtieġ mhux biss biex niltaqgħu mal-bniedem, imma biex niffaċilitaw il-laqgħa ta’ Kristu mal-bniedem. Aktar ma jikber il-baħħ interjuri fis-soċjetà Ewropea, aktar jiddgħajjef il-qafas soċjali, u riżultat ta’ hekk joktru l-kriżijiet umani u għalhekk aktar isir diffiċli li l-bniedem jifraħ. Kif kelli l-okkażjoni nosserva fl-Assemblea Ġenerali tal-CCEE, “għalkemm mhuwiex Nisrani, il-filosfu Jürgen Habermas isostni li d-demokraziji Ewropej ma jistax ikollhom fundament etiku jekk ma jkollhomx l-esperjenza reliġjuża! Sentenza oħra li timbuttana biex nirriflettu hija dik li jgħid wieħed espert fil-liġi kostituzzjonali, Ernst-Wolfgang Böckenförde, li l-Istat liberali sekularizzat ma jistax jiżgura li l-istess prinċipji li jmexxuh ser jiġu rispettati! L-istess jista’ jingħad dwar il-kunċett ta’ lajċità pożittiva: ir-realtajiet temporali, għalkemm ma jaqgħux taħt l-umbrella tal-Knisja, xorta mhumiex miftuma mill-prinċipji etiċi”. Għalhekk nittama li l-Viżta Pastorali tkun mument ta’ grazzja kemm għalina bħala Knisja u kemm għas-soċjetà. Ix-xewqa tagħna hija li nsaħħu l-esperjenza reliġjuza ta’ ġensna. Nappellalkom biex tgħixu miegħi l-esperjenza ta’ din il-Viżta Pastorali u b’ħafna tama nilqgħu l-isfidi li tista’ toffrilna.

Bl-għajnuna tas-Segretarju Pastorali, Dun Giovanni Curmi, dalgħodu bi pjaċir qed nippreżentawlkom il-Pjan Pastorali għat-tliet snin li ġejjin. Il-mira ta’ dan il-Pjan Pastorali huwa li Knisja f’Għawdex tindirizza “il-bżonn reliġjuż moħbi fil-bniedem, li fil-fond ta’ qalbu jitqanqlu mistoqsijiet li jfittxu tifsira biex jagħtu sens u direzzjoni lill-ħajja personali u tal-komunità tal-bnedmin” (par. 3). B’umiltà kbira u b’fedeltà għas-sejħa tagħha, il-Knisja ma tiqafx tipproponi t-tjubija u l-ħniena ta’ Alla. Din “it-tjubija ta’ Alla hi hekk kbira li tista’ toħloq skandlu! Hu jifrex tjubitu fuq kulħadd, anki fuq min jagħmel il-ħażen, għax ‘Alla l-Għoli hu tajjeb mal-ingrati u l-ħżiena’ (ara Lq 6:35)… Il-ħajja ta’ Ġesù hi mmarkata minn din it-tjubija tal-Missier lejn il-bnedmin. Hi mħabba li tħaddan lil kulħadd… Paradossalment, it-tjubija ta’ Alla dehret fl-aqwa tagħna fejn intwera l-ikbar ħażen tal-bniedem, jiġifieri fil-mewt vjolenti ta’ Ġesù” (ara par. 5).

Għalhekk “ħadd ma għandu jiġi eskluż mit-tjubija ta’ Alla; ħadd m’għandu jiġi mwarrab mill-imħabba tal-Knisja Omm. Mhux messaġġi ta’ ġudizzji, saħtiet u kundanni, imma jdejn miftuħa lesti dejjem biex jilqgħu lil min iħossu mbiegħed mid-dar (ara Lq 15:20)… Għad li l-ħażen jeħtieġ jiġi kkundannat, kif għamel Kristu nnifsu, il-messaġġ tal-Knisja jeħtieġ iwassal tama u fiduċja fit-tjubija ta’ Alla, biex kull min iħossu mbiegħed minnu, iħoss li Alla mhuwiex imbiegħed minnu. Alla ma jsalvax bil-vjolenza u bil-biża’, imma bl-imħabba. ‘Il-kelma tal-Vanġelu ma tawtorizzax l-użu tal-forza biex tixtered il-fidi. Anzi hu bil-maqlub: il-qawwa vera tan-Nisrani hi l-qawwa tal-verità u l-qawwa tal-imħabba, li timplika ċaħda ta’ kull forma ta’ vjolenza. Il-fidi u l-vjolenza ma jmorrux flimkien! Għall-kuntrarju, il-fidi u s-saħħa jmorru flimkien. L-Insara mhumiex vjolenti; huma b’saħħithom. U b’liema forma ta’ saħħa? Dik tal-ħlewwa, is-saħħa tal-ħlewwa, is-saħħa tal-imħabba’” (il-Papa Franġisku, Angelus, 18 ta’ Awwissu 2013).

Dawn il-ftit siltiet misluta mill-Introduzzjoni tal-Pjan Pastorali huma biżżejjed biex nuru x’għandu jkun l-atteġġjament tagħna bħala presbiteri kemm fil-katekeżi u waqt li niċċelebraw il-kult qaddis, partikularment fl-omeliji u fil-konfessjonarju, u kemm meta niġu avviċinati biex nakkumpanjaw lill-bniedem ħosbien u mgħobbi bil-problemi ta’ żminijietna. Ladarba semmejt il-kult, nixtieq ngħid kelma dwar il-Quddiesa, li dwarha wkoll hemm indikazzjonijiet preċiżi fil-Pjan Pastorali. F’waħda mill-aħħar laqgħat tal-Kunsill Presbiterali ntqal li wasal iż-żmien li jkollna numru inqas ta’ Quddies, imma iktar Quddies iċċelebrat bil-galbu u l-qdusija. Għal-lum ngħid biss li ċerta għaġla fiċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa mhux biss tista’ tkun skandlu gravi, imma żgur ma tgħinx lill-ġemgħa liturġika tikseb il-frott mixtieq mill-Quddiesa. Quddiesa tal-Ħadd li tintemm fi tletin minuta għalija mhix tollerabbli! Imbagħad xieraq li waqt il-Quddiesa kkonċelebrata nżommu l-ġabra u nipparteċipaw fit-talb, speċjalment fit-Talba Ewkaristika. Barra minn hekk infakkar biex ma jkunx hemm binazzjonijiet bla ħtieġa u li hemm bżonn ta’ permess għat-trinazzjoni.

Din il-missjoni titwettaq skont kemm tkun sħiħa l-komunjoni fil-Knisja, partikularment bejnietna l-presbiteri. Nieħu din l-okkażjoni biex infisser l-apprezzament sinċier tiegħi għall-kollaborazzjoni li nsib minn ħafna minnkom is-saċerdoti. Konxju li wħud minnkom, minkejja t-toqol tal-ħajja u tal-ministeru, intom ħafna ġenerużi mal-Knisja u mal-poplu ta’ Alla. Naf li hemm minnkom li tibqgħu taqdu minkejja l-ingratitudni sfaċċata li tiltaqgħu magħha. Grazzi mill-qalb! Nifhem li n-nuqqas ta’ gratifikazzjoni fil-pastorali jaf jiggrava l-għeja fil-ministeru. F’dan ir-rigward nixtieq intenni dak li ftit ilu l-Papa Franġisku qal lis-saċerdoti ta’ Ruma meta kellimhom dwar l-għeja saċerdotali. Hemm l-għeja frott tal-ħidma: “Filgħaxija nħossuna għajjenin u nieqfu quddiem it-tabernaklu biex insellmu lill-Mulej. Dejjem huwa meħtieġ li ngħaddu quddiem it-tabernaklu. Meta saċerdot ikun man-nies, filgħaxija taħkmu l-għeja. Meta saċerdot ma jkunx man-nies, jegħja wkoll, imma b’mod ħażin, u biex jorqod ikollu jieħu l-pillola tal-irqad. Imma dak li jkun qrib in-nies, li għandhom ħafna ħtiġijiet – li huma l-ħtiġijiet ta’ Alla – dan jitbażwar tassew… imma dan ma jkollux bżonn tal-mediċina biex jorqod.

Imbagħad hemm l-‘għeja tal-qalb’, li wieħed iħossha lejn tmiem il-ġurnata fejn hemm ‘dawl mudlam’ u ‘dlam xi ftit imdawwal’. Hija l-għeja li taħkem lis-saċerdot fil-ħin li suppost jifraħ bis-suċċess li jkun għamel, imma minflok tista’ taħkmu din l-għeja tal-qalb. Is-saċerdot jibda jistaqsi lilu nnifsu dwar x’sens fiha ħajtu, iħares lura lejn ix-xogħol li jkun wettaq, jiftakar fiċ-ċaħdiet li jkun għamel, jaħseb għaliex ma nissilx ulied u jistaqsi jekk għamilx żball li sar saċerdot u hekk ħajtu saret falliment! X’jista’ jagħmel is-saċerdot li jgħix din l-esperjenza? Jitlob sakemm jorqod quddiem it-tabernaklu, imma jibqa’ hemm! Imbagħad ifittex li jkun qrib ta’ sħabu s-saċerdoti u fuq kollox tal-Isqof”.

Għandna quddiemna sena pastorali ġdida li matulha ser infakkru mija u ħamsin sena mit-twaqqif tad-Djoċesi tagħna. Filwaqt li nħeġġiġkom biex tagħtu xhieda ta’ saċerdoti ferrieħa, flimkien nitolbu lil Alla biex bl-impenn saċerdotali tagħna matul din is-sena nkomplu npoġġu l-fundament li fuqu jserraħ il-futur ta’ din il-Knisja partikulari, biex tkun Knisja tal-Beatitudni.

pdf · 99.19 KB Niżżel