Kollox Hu Rigal b’Xejn
Kemm hi qawwija u vera dik il-frażi ta’ Ġesù meta jgħid illi l-Missier jibgħat ix-xita tiegħu sew fuq it-tajbin u sew fuq il-ħżiena! Il-Missier iħobb mingħajr ma jħares lejn l-uċuħ, iħobb mingħajr ma jistaqsi jekk nimmeritawx din l-imħabba. Naħseb illi aktar ma nkunu konxji minn din il-verità, aktar nistgħu ngawdu l-imħabba ta’ Alla.
Ħafna drabi aħna ngħixu bil-perċezzjoni li aħna tajbin, u nippruvaw nagħmlu dak kollu li hu mitlub minna. Nippruvaw ngħixu kif jixtieq minna Alla. Kważi kważi allura naħsbu li Alla jrid iħobbna bi dritt, u nidħlu f’dik l-illużjoni. Ħafna drabi l-ħajja tagħna hija mibnija fuq inganni kbar u, mingħajr ma nindunaw, ngħixu f’gidba. Spiss ngħixu fil-gideb u ma nindunawx li qed ngħixu fih. U din hija waħda minnhom: meta nimmaġinaw li aħna tajbin u jistħoqqilna l-imħabba ta’ Alla. Fl-istess waqt, meta nagħrfu li ma jistħoqqilniex din l-imħabba, li aħna dgħajfin, inkunu nistgħu ngawdu aktar il-gratwità tal-imħabba li Alla għandu għalina. Jien ma jistħoqqlix u Alla lili jħobbni xorta. Jiena naħseb li dan huwa l-qofol tal-messaġġ li aħna msejħin biex inwasslu: il-messaġġ Kristjan tal-gratwità tal-imħabba ta’ Alla għalina, din l-imħabba ta’ Alla l-Missier u li jħobb lil uliedu b’xejn.
Dan hu l-iskop, din hija l-ħidma pastorali li Matthew, li issa ordna saċerdot, u li Franklin u Matthew ser iwettqu dalwaqt bħala djakni, u li l-bqija ta’ warajhom u dawk li għad jiġu huma msejħa biex iwasslu. Imma hija esperjenza li rridu nagħmluha aħna l-ewwel. Jekk ma nagħmluhiex l-ewwel aħna din l-esperjenza, tiġi furzatura. Nispiċċaw nippritkawha bit-tqanżiħ jekk aħna ma nagħmlux esperjenza fuq il-ġilda tagħna, fuq il-persuna tagħna tal-imħabba b’xejn ta’ Alla għalija. Din hija neċessarja. U hawn hija l-bażi li fuqha mibni l-Vanġelu tal-lum (Mt 5:43-48), vanġelu li jitlobna li aħna naħfru, li aħna nitolbu għall-għedewwa tagħna, inħobbu lill-għedewwa tagħna. Hawn mibni kollox. Ħa nipprova nispjega fil-qosor u biex nifhmu, għax jekk ma nifhmux, il-Vanġelu jispiċċa mċappas ma’ moħħna bħal laqta żebgħa fuq is-sadid jew inkella fuq ġir jew ġebla mħassra, u dak jaqa’ dritt. Dak il-ħin mingħalik li għamilt xi ħaġa sabiħa; iddawwar wiċċek u jgħaddu ftit sigħat u ssib kollox fl-art. U hekk jiġri jekk aħna lill-Kelma ma nħalluhiex tidħol mhux biss f’widnejna imma f’moħħna u f’qalbna u ngħarbluha u nikkonvinċu ruħna minnha.
Ma nafx jekk tiftakrux meta kien hemm dik il-mara li nqabdet f’adulterju fil-fatt, fil-Vanġelu ta’ San Ġwann 8:1-11. U x’ġara? Dawn il-Fariżej ħaduha quddiem Ġesù li kien bilqiegħda jikteb fit-trab u qalulu: “Mgħallem, din qbadnieha fil-fatt. X’nagħmlulha? Għax skont il-liġi ta’ Mosè din irridu nħaġġruha”. Jiġifieri hemmhekk żgur li ma kienx hemm maħfra. Żgur li ma kien hemm l-ebda ħjiel ta’ aċċettazzjoni ta’ din il-mara li tiżbalja, ta’ ħniena lejha. U x’jagħmel Ġesù? Ġesù jagħmel eżerċizzju li ħafna drabi għandna bżonn nagħmluh aħna. Jgħidilhom: ‘Sew, għandkom raġun. Issa, min m’għandux ħtija jitfa’ l-ewwel ġebla. Min m’għandux dnub jitfa’ l-ewwel ġebla’. U dawk bdew sejrin, ibda mill-aktar anzjani – u bir-raġun, għaliex l-anzjani forsi wara tant żmien daħħluha f’moħħhom li anki aħna għandna d-dnubiet. Iż-żgħażagħ le… dawk ħaduha naqra aktar bil-mod sa xħin telqu l-ġebla u marru bil-mod. Għax iż-żagħżugħ aktar diffiċli għalih li jgħaqqad flimkien ħajtu bl-iżbalji mat-tajjeb. Iż-żagħżugħ jifred ħafna l-affarijiet: jew kollox tajjeb jew kollox ħażin. Ikun għadu ma għaqqadx flimkien il-ħajja kollha kemm hi fil-persuna tiegħu. Il-Vanġelu hawn jgħallimna li l-ewwel ħaġa li aħna rridu nagħmlu biex naħfru hi li nindunaw li m’aħniex bla ħtija, li m’aħniex perfetti. U l-maħfra ma tiġix furzatura, imma tiġi naqra aktar naturali, tiġi naqra aktar ħierġa mill-qalb. Ġesù jirreaġixxi b’mod tal-għaġeb. Hi xi ħaġa li tħallik b’ħalqek miftuħ kif Ġesù lill-bniedem iġibu f’tiegħu.
U dawn x’għamlu? Ħallew il-ġebla hemm u telqu. U beda l-proċess ta’ maħfra, il-proċess tal-aċċettazzjoni tal-ieħor li jiżbalja. Interessanti li din hi l-istess attitudni ta’ Alla. Alla jibgħat ix-xemx u x-xita tiegħu fuq it-tajbin u fuq il-ħżiena. L-imħabba tiegħu hija mingħajr kundizzjoni. U aħna, għeżież seminaristi, għeżież saċerdoti, imsejħin mhux biex nippritkaw imma biex ngħixu din ir-realtà, nagħmlu din l-esperjenza. Kontinwament inħossu fuqna l-maħfra ta’ Alla li jħobbna b’xejn, li ħalaqna b’xejn. Ma ħallasna xejn biex qegħdin hawn. Alla li jżommna fil-ħajja b’xejn, lanqas tal-kera – kera tal-ispazju, kera tal-ingombru, kera ta’ kemm indumu hawn fil-ħajja – ma nagħtuh xejn! Kollox b’xejn. Meta ngħixu din l-esperjenza fil-verità u nħossuna tassew milqugħin u maħbubin minnu, jiena naħseb li l-ħajja tagħna tkun b’konsegwenzi fl-għemil tagħna, fis-sensazzjonijiet li ngħixu, dak li ngħidulu dwejjaq jew mhux dwejjaq, inkwiet jew ferħ, sens ta’ radd il-ħajr… ikunu differenti. Min jaf li rċieva ħafna, jirringrazzja. Min ma jafx li rċieva ħafna, igerger, jeqred. U aħna qegħdin hawn biex ngħinu lilna nfusna u lill-oħrajn nindunaw li Alla tant iħobbna, aħna tant aħna importanti għalih, li tana kulma aħna u kulma għandna u jixtieq li din l-esperjenza ma ngħixuhiex biss aħna imma jgħixuha ħafna oħrajn.
Jien nixtieq flimkien magħkom nirringrazzja lill-Alla tas-Seminarju. Ma neħduhiex bħala ħaġa ovvja li bħalma 160 sena ilu ma kienx hawn seminarju hawn, ser ikun hawn seminarju ’l quddiem. Huwa rigal is-Seminarju, hija grazzja li għandna seminarju. Grazzi għad-Djoċesi u għall-Knisja, imma grazzi anki għas-seminaristi u għall-familji tagħhom. Kollox hu don, kollox rigal! Meta nippruvaw nieħdu l-ħajja b’dan il-mod, nagħmluha aktar sempliċi u sabiħa, aktar inroddu ħajr lil Alla u aktar noqogħdu attenti biex ma nweġġgħux lil xulxin.
Minn qalbi nixtieq nawgura lilkom ilkoll, għażież seminaristi, issa li ġej is-sajf, biex dak li bnejtu matul ix-xhur tas-Seminarju tgħixuh fix-xhur tas-sajf. Ix-xhur tas-sajf jgħidulkom kemm interjorizzajtu l-ħajja tat-talb. U dan waħdek tinduna bih. Ħadd mhu ser jiġi jgħidlek jekk sejjer żmerċ. Waħdek ser tinduna kemm it-talb, il-qari, il-formazzjoni, kemm l-imħabba lejn il-qadi u lejn is-servizz tal-aħwa huma importanti għalik. Is-sajf huwa kampjun ta’ kif ser tkun wara li ssir saċerdot, meta int ikollok ir-responsabbiltà tal-ħajja tiegħek u tal-ħajja tal-oħrajn. Allura, awguri mill-qalb u jalla l-formazzjoni li ħadtu matul dawn l-aħħar xhur tkun niżlet tassew fikom u f’qalbkom biex tkomplu tgħixuha matul dawn il-ġranet meta tkunu aktar intom responsabbli ta’ ħajjitkom.