Kollu Kemm Hu għall-Oħrajn
Il-vanġelu li għadna kif smajna jirrakkontalna esperjenza li seħħet tant u tant snin ilu, imma li hi attwali wkoll. Fil-vanġelu San Mark jgħidilna li f’Kafarnahum, il-belt ta’ dak iż-żmien, kien hemm persuna li kienet maħkuma minn spirtu mniġġes; u għax kienet maħkuma allura la kienet ħielsa – jiġifieri ma kellhiex libertà –, la kienet bniedem sħiħ u lanqas ma kellha dik l-awtonomija li gwaj jekk tinsteraq lill-bniedem.
Għeżież tiegħi, taħsbu intom li fil-ġurnata tal-lum is-soċjetà tagħna – u meta ngħid is-soċjetà tagħna nifhem kull wieħed u waħda minna – hi ħielsa minn kull forma ta’ possessjoni? Taħsbu li l-bniedem illum m’huwiex ukoll suxxettibbli li jkun maħkum, imrażżan u kkundizzjonat b’tali mod li ma jkunx aktar hu? Qegħdin f’epoka fejn niftaħru bid-drittijiet fundamentali tagħna l-bnedmin u kuljum ifaqqsu konvenzjonijiet ġodda; imma, emmnuni, jien inħoss li qed ngħixu f’epoka fejn ħafna huma l-kundizzjonamenti tagħna, il-forzi li jippruvaw jippossiedu l-qalb u l-moħħ tal-bniedem; forzi li kieku huma tajbin ma jimpurtax, imma bħalma jgħid il-Vanġelu dawn huma forzi bi spirtu mniġġes. Għaldaqstant il-bniedem tal-lum, partikularment dawk l-iktar vulnerabbli – l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ –, hu misruq mill-umanità, l-awtonomija u l-libertà tiegħu.
Kważi kważi tiġini tentazzjoni biex nagħmel lista ta’ x’inhuma dawn il-forom u l-forzi li jaħkmu l-moħħ. Inħalli għalikom, mhux biss biex tosservaw hemm barra x’hemm, imma biex jiena flimkien magħkom nagħmlu eżami ta’ kuxjenza, jiġifieri nirriflettu fuqna nfusna, nagħmlu awto-introspezzjoni u naraw jekk aħniex maħkumin minn xi spirtu mniġġes, ngħidu aħna kull forma ta’ infatwazzjoni li tista’ tkun teknoloġika, politika u reliġjuża; u mhux lakemm inkunu aħna li nirraġunaw jekk it-tnalja taħkimna!
Il-kultura ta’ sfiduċja qed taħkimna: sfiduċja f’dawk li huma suppost mudelli, fl-istituzzjonijiet ċivili u anki reliġjużi. Xi darba din l-isfiduċja ġejja mill-imġiba ta’ min huwa fl-uffiċċju, imma xi drabi ġejja minn ħaddieħor li jrid inissel l-isfiduċja, li jrid u għandu interess li jtellef il-kredibbiltà. U tista’ tfieri persuna jew istituzzjoni jekk min huwa ġew jew min huwa barra jikkontribwixxi biex din il-fiduċja tiġi mnaqqra. Ħarsu ftit u araw intom jekk hemmx nies li qed ibatu minn din l-isfiduċja.
Imbagħad inħoss li hemm kultura, mhux ateista, jiġifieri li ma temminx f’Alla, imma anti-teista; jiġifieri mhux biss hemm vacuum fejn Alla qed jiġi emarġinat, imma hemm kurrenti li huma anti-teisti, anti-Kristjani, kontra dawk li jemmnu f’Alla u fi Kristu. Maħbubin tiegħi, tisma’ llum u tisma’ għada b’xi mod taħkimna, b’xi mod tikkundizzjonana, b’xi mod tippossedina, u aħna nafu l-gravità x’inhi. Ara taħsbu li qed nitkellem b’xi interess propju, jiġifieri bħala responsabbli fil-Knisja. M’ilux jiena għidt li rridu nkunu ppreparati ħalli jonqsu n-numri. Jien m’inix wara n-numri u naħseb lanqas intom, imma aħna wara l-kwalità, u jkun gwaj għall-bniedem u għas-soċjetà jekk tasal biex iċċedi għal din il-forza preżenti fostna li hija anti-Kristjana, anti-Alla u li qed tipprova tfassal programm ta’ soċjetà maqtugħ minn Alla, għaliex tkun qed tiddikkjara suwiċidju u l-kundanna tagħha nfisha. Din hija r-realtà, u għax qegħdin nitbiegħdu minn Alla għandna konfużjoni. Din hija ħakma oħra fuq il-moħħ.
X’inhi l-verità? Din m’hix biss mistoqsija li għamel Pilatu lil Kristu, imma hija mistoqsija li nagħmel jien, u anki intom skond il-kuxjenza tagħkom tridu tagħmlu, għaliex il-verità qatt ma kienet ċara u rridu nagħmlu sforz biex niskopruha meta hija iktar konfessjonarja llum. Tkellem fuq il-familja: x’kunċett għandna ta’ familja? Tkellem fuq iż-żwieġ: x’kunċett ta’ żwieġ għandna? Tkellem fuq il-ġustizzja: x’kunċett ta’ ġustizzja għandna llum? U f’dan kollu l-konfużjoni taħkem ukoll fuq il-bniedem. U dan kollu, bħal fil-każ taċ-ċittadin ta’ Kafarnahum, iniggeż mhux biss liċ-ċittadini tal-belt ta’ Alla, imma jniġġeż ukoll liċ-ċittadini tal-belt tal-bnedmin.
Imma qed ngħid dan għaliex il-Vanġelu ma jħalliniex fil-konfużjoni, imma jimlina bit-tama, għaliex Kristu għandu kelma li hija qawwija u awtorevoli, kelma li kapaċi tegħleb kull spirtu mniġġes li jista’ jaħkem u jgħammar fil-qalb tal-bniedem. U allura toħroġ waħidha l-ħtieġa li aħna llum irridu nagħrfu aktar lil Kristu u nagħtu iktar spazju u ħin biex nisimgħu lil Kristu. Jiena nibża’ li m’aħniex nagħmluh dan. Veru li kulħadd huwa mgħobbi u l-ġurnata nixtiquha tmienja u erbgħin siegħa, imma “first things first”. Inkella, jekk ma nħallux dik il-kelma ta’ Kristu taffronta u tikkonfronta lill-ispirtu mniġġes, allura ħa nibqgħu nitneżżgħu mill-umanità tagħna.
U għalhekk nara kemm, illum iktar minn qatt qabel, neħtieġu li jkollna oratorji ispirati minn dak li għamel San Ġwann Bosco; aħna wkoll neħtieġu llum li nkunu animati minn dik il-Kelma li animat lil dan is-saċerdot u lill-kollaboraturi tiegħu, u noffru dan is-servizz lill-bniedem u lis-soċjetà, biex bil-kelma ta’ Kristu nippruvaw ngħinu lil dawk li niltaqgħu magħhom fl-oratorji tagħna, partikularment lill-adoloxxenti u ż-żgħażagħ tagħna, ħalli jilqgħu kontra dan it-tinġis u jekk huma maħkuma minn dan l-ispirtu mniġġes jeħilsu minnu. Don Bosco huwa magħruf għal dik li tissejjaħ is-sistema preventiva, li hija magħrufa għal tliet kwalitajiet. F’din is-sistema San Ġwann Bosco jagħti valur lir-raġuni, u għalhekk jgħin lill-bniedem jirraġuna; lill-Kelma ta’ Alla, u għalhekk il-katekeżi; u lill-imħabba.
Għeżież tiegħi, jiena napprezza dak kollu li jsir f’dan l-oratorju, imma nħeġġiġkom biex tagħmlu iktar ħalli l-attività u l-ħidma tagħna jkunu mifruxa fuq kulħadd u ma jeskludu lil ħadd, l-iktar lil dawk li huma pposseduti minn spirtu mniġġes. Ma tiħux pjaċir li jkollok lil xi ħadd bi spirtu mniġġes, anzi tieħu pjaċir li kulħadd ikun nadif. La kienet l-attitudni ta’ Don Bosco u lanqas hija l-attitudni tagħna li neskludu lil xi ħadd, speċjalment dawk li huma foqra; ibda mill-faqar materjali u ibqa’ sejjer għall-faqar intellettwali, morali u spiritwali. Lil dawn kollha trid tingħata dik l-imħabba preferenzjali, biex ma nfallux fil-missjoni tagħna. L-attivitajiet tagħna, sportivi u akkademiċi, huma kollha tajbin, imma jrid ikun hemm spazju għal dik li hija katekeżi. Dak huwa li jiddistingwi dan l-oratorju jew ċentru ta’ formazzjoni minn ċentri oħra. Irridu li min jiġi hawn ma jgħidilniex: “Isma’, jiena ġejt għandek biex nitgħallem il-ballun”, għaliex nurseries f’Għawdex hawn ħafna; imma jgħidina: “Jien niġi hawn jew nibgħat lit-tifel tiegħi hawn għaliex sa jirċievi formazzjoni sħiħa: għaliex ibni sa jirċievi katekeżi u sa jiġi f’kuntatt mal-Vanġelu”.
Dan m’hux xogħol ħafif. L-ewwel nett min huwa mniġġes, bħaċ-ċittadin ta’ Kafarnahum, huwa stess irid jikkumbatti biex ladarba nħakem jikseb il-libertà, imma anki min huwa impenjat f’din il-ħidma delikata u diffiċli sa jsib min jgħidlu: “Int x’ġejt tagħmel hawn? Ġejt biex teqridna?”. Mhux hekk qallu dak l-imniġġes lil Ġesù? U allura jiena ma nistagħġibx li dawk li joffru dan is-servizz b’mod iktar determinat sa jsibu wkoll min ifixkilhom.
Għeżież tiegħi, din is-sena l-familja Salesjana qed tiċċelebra l-mija u ħamsin sena minn meta San Ġwann Bosco waqqaf il-kongregazzjoni. Tafu għaliex waqqafha? Għaliex ħass li waħdu ma setax jikkumbatti u jirbaħ l-ispirtu mniġġes, u allura ġabar madwaru grupp ta’ operaturi pastorali li, l-ewwel ħeġġiġhom biex ikunu kollhom kemm huma ta’ Alla bil-konsagrazzjoni tagħhom, u mbagħad ħalli jkunu kollha kemm huma tal-oħrajn.
Jien dan nawguralkom, għażiż Dun Effie u s-saċerdoti kollaboraturi miegħek, u intom l-operaturi li taħdmu b’mod ġeneruż u diżinteressat. Jalla l-ispirtu ta’ Don Bosco jkompli jissaħħaħ aħna u nagħtu kontribut biex is-soċjetà tagħna tinħeles minn kull spirtu mniġġes.