Kristu Jingħata Għalina
Iċ-ċelebrazzjoni tal-lejla għandha importanza fundamentali fil-ħajja tal-Knisja għal żewġ raġunijiet. L-ewwelnett għaliex m’hemmx Knisja mingħajr Ewkaristija: il-Knisja tgħix bl-Ewkaristija u aħna l-lejla qegħdin niċċelebraw u nfakkru meta Kristu f’dan il-lejl waqqaf l-Ewkaristija. Ir-raġuni l-oħra hija għaliex fiha aħna għandna r-regola tad-deheb ta’ kif ngħixu l-vokazzjoni Kristjana tagħna.
Nistqarr magħkom li jippreokkupani l-fatt li l-poplu ta’ Alla għadu ma fehemx l-importanza ta’ din il-liturġija. Din hija l-unika Quddiesa li tiġi ċċelebrata llum, bl-eċċezzjoni ta’ dik ta’ dalgħodu li ssir fil-knisja Katidrali. Ninkwieta bħala isqof tagħkom meta nara partiċipazzjoni mhux daqstant kbira għal din il-liturġija. Bħal-lejla l-knejjes tagħna jmisshom imbullati bin-nies u allura ma nistagħġibx jekk din ir-regola tad-deheb li jgħallimna fuqha Kristu l-lejla m’hijiex imħarsa kif suppost, kemm minna li qegħdin hawn u kemm minn dawk li m’humiex hawn.
Il-lejla hija l-lejla ta’ l-għotja u tal-konsenja. Għandna lil Ġuda li b’bewsa jittradixxi lil Bin il-bniedem u jagħtih f’idejn il-Lhud. Il-Lhud min-naħa tagħhom jikkonsenjaw lil Kristu f’idejn Pilatu, u huwa min-naħa tiegħu jikkonsenja lil Kristu lis-suldati u jagħtihulhom biex isallbuh. Din l-għotja hija biss sinjal biex aħna nifhmu għotja wisq iktar profonda li l-Missier jagħti: l-għotja ta’ Ibnu lill-umanità. Il-lejla l-Missier jerġa’ jikkonsenja lill-umanità l-Iben tiegħu li sar bniedem u għammar fostna, biex kulmin jemmen fih ikollhu l-ħajja ta’ dejjem. Din l-għotja tal-Missier tkompli tirrivela għotja oħra: l-għotja li jagħmel Kristu tiegħu nnifsu.
Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann Kristu jgħid ċar: “Ħajti ma jeħodhieli ħadd; nagħtiha jien minn rajja”. Il-lejla Kristu jibda dan il-proċess ta’ l-għotja tiegħu nnifsu li twasslu fuq is-Salib biex jingħata b’mod definittiv lill-Missier għalina. Dak huwa li jseħħ fl-Aħħar Ċena meta Kristu jaqbad il-ħobż u jgħid: “Ħudu u kulu, dan huwa Ġismi li jingħata għalikom”, u jaqbad il-kalċi u jgħid: “Ħudu u ixorbu, dan huwa Demmi li jixxered għalikom”. Huwa wkoll sinjal ta’ għotja li sseħħ meta, kif jirrakkontalna l-Vanġelu ta’ San Ġwann, Kristu jaħsel saqajn l-Appostli. Dan huwa sinjal li jimmarka u jenfasizza din l-għotja ta’ Kristu. M’hijiex ħaġa taċ-ċajt din! Dak li ma kiex permess li jagħmlu l-Lhud kien jagħmlu l-iskjav… u għamlu Kristu. L-Iben ta’ Alla jneħħi minn fuqu l-mantar, jilbes il-fardal u jaħsel riġlejn id-dixxipli tiegħu biex jgħidilhom: “Sa hawn twassal l-imħabba ta’ Alla: billi ningħata għalikom”. Madankollu l-Ewkaristija u l-ħasil tar-riġlejn, li huma żewġ ġesti li sa nirripetuhom aħna l-lejla, huma biss antiċipazzjoni ta’ dik l-għotja li Kristu jagħmel tiegħu nnifsu fuq is-Salib.
Għeżież tiegħi, quddiem din l-esperjenza divina u umana l-attitudni tagħna għandha tkun waħda ta’ adorazzjoni u ta’ stagħgib ta’ dixxipli li nħallu lill-Mulej, bil-kliem u l-azzjoni tiegħu, jgħallimna din ir-regola tad-deheb tal-ħajja Kristjana; tant illi San Pawl jasal biex jgħid: “Kristu jingħata għalija”. Jien nixtieq illi l-Knisja tagħna, kull wieħed u waħda minna l-lejla, inġeddu dan l-att ta’ fidi: Kristu llum jingħata għalina biex dak li għamel huwa nagħmluh aħna, u biex il-ħajja tagħna tkun immarkata b’din l-għotja tagħna għal xulxin u għal Alla. Għalhekk San Pawl jirrabja mal-Knisja ta’ Korintu meta jgħidilhom: “Intom tiċċelebraw l-Ewkaristija u ma tagħrfux il-Ġisem u d-Demm tal-Mulej minn ikel u xorb ieħor”. Huwa jgħidilhom: “Għalfejn ma toqogħdux id-dar jekk intom bil-ġuħ u tieklu hemm u tiskru hemm? Tersqux lejn l-altar ħalli tirċievu lil dak li jingħata għalikom jekk imbagħad fostkom m’hemmx imħabba u jekk fostkom hemm il-firdiet”. Fil-Knisja ta’ Korintu kien hemm il-firdiet, u fil-prattika ta’ l-Agape kien hemm l-għażla bejn min għandu u min m’għandux, bejn is-sinjur u l-fqir. Anki llum fil-komunità Kristjana m’hemmx għaqda u anki llum hemm l-għażla, mhux biss bejn is-sinjur u l-fqir, imma hemm ħwejjeġ oħra li jagħżluna minn xulxin u li jtellfuna li aħna lkoll, li nieklu l-istess ħobż u nixorbu l-istess kalċi, inkunu ġisem wieħed.
Għalhekk il-lejla ejjew inħallu din il-lezzjoni daqstant profonda u li m’hix ħafifa tinżel fil-fond ta’ qalbna. Jien ma nistagħġibx jekk il-lejla jkun hawn min fostna li, bħal Pietru, lil Kristu jgħidlu: “Jien ma naċċettax li inti tingħata għalija u taħsilli riġlejja”. Din m’hix lezzjoni li faċli nniżluha u li nittraduċuha fil-ħajja. Fl-aħħar mill-aħħar l-istess Ewkaristija li aħna nitmantnew biha hija ikel għar-ruħ, biex aħna jirnexxielna talinqas nixtiequ li jkun hemm dik l-għotja tagħna lil Alla. Nistaqsi lilkom, persuni ikkonsagrati, lilkom, miżżewġin Kristjani, lilkom l-imgħammdin, u lili nnifsi flimkien magħkom: “Alla ta lilu nnifsu għalina. Imma aħna wasalna li nitgħallmu din il-lezzjoni npoġġuha fil-prattika, jiġifieri billi aħna ningħataw lil Alla?”. U kif ningħata lil Alla? Billi ma nagħmilx dak li rrid jien, imma nagħmel dak li jrid minni Alla, f’sottomissjoni u ubbidjenza għar-rieda ta’ Alla, kif jgħallimna Kristu permezz tal-Knisja. Dan iseħħ fina meta nagħrfu ngħixu l-kmandament ta’ l-imħabba kif jgħidilna Kristu nnifsu: “M’hemmx imħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu”. Ejjew nagħmlu eżami tal-kuxjenza u naraw x’tip ta’ mħabba qegħdin ngħixu fiż-żwieġ, fis-soċjetà tagħna u fil-komunitajiet tagħna, u fuq jekk aħniex inżommu l-imħabba li ħallielna Kristu bħala l-kejl ta’ ħajjitna.
Għeżież tiegħi, il-lejla qegħdin nagħtu bidu għal dak li nsejħulu t-Tridu Paskwali. Il-liturġija hija ta’ għajnuna kbira għalina lkoll biex nidħlu f’din l-attitudni meditattiva kontemplattiva. Għalhekk, filwaqt li nkomplu din l-Ewkaristija u naduraw lil Kristu preżenti fostna, li jaħslilna mhux biss riġlejna imma jaħsilna kollna kemm aħna bil-qawwa tal-Kelma tiegħu, ejjew nittamaw illi din il-lezzjoni mhux biss ngħixuha aħna imma tqanqal, tattira u tiġbed lill-poplu kollu kemm hu, biex hekk f’dawn il-jiem miġbura flimkien ngħixu l-misteru.