L-Attiviżmu li Jwassal Għal-aljenazzjoni
Maħkumin minn ġirja bla waqfien
Kemm hawn fostna li jistgħu jgħidu li jisimhom Marta, għaliex il-ħajja tagħhom hija maħkuma minn ħafna attivitajiet! Forsi hemm min ikollu jmidd għonqu għal iktar minn attività waħda minħabba l-bżonn, għax hawn min hu fil-bżonn u jixtieq jistrieħ imma m’għandux ħin. Imma mbagħad hemm dawk li jagħżlu li l-ħajja tagħhom tkun mimlija b’attività, tant li ma jibqgħalhomx ħin biex jiggustaw il-ħajja. Xi darba nieħu l-impressjoni li fis-soċjetà tagħna hemm min irid iqabbadna t-triq tal-attiviżmu, jiġifieri li ngħaddu minn biċċa xogħol għall-oħra mingħajr ma noqogħdu nqisu, niżnu jew nikkalkulaw.
Xi ħadd qal li l-ereżija ta’ żminijietna hija propju l-attiviżmu, jiġifieri li nidħlu f’tellieqa ta’ ħidmiet u ta’ attivitajiet, xi wħud minnhom bis-sens u oħrajn minnhom bla sens. Jekk aħna qegħdin ninħakmu minn dan l-attiviżmu, dan ifisser li aħna qed nagħmlu l-affarijiet mhux għax naraw l-utilità tagħhom, għax hemm bżonn nagħmluhom u għax jixraq li nagħmluhom. L-attiviżmu jfisser li aħna qed nagħmlu ċerti għażliet mhux għax huwa meħtieġ li jsiru dawk l-interventi, imma għax mingħalina ħa nagħmlu l-ħajja aħjar milli hi.
Effetti negattivi tal-attiviżmu bla ruħ
Nagħtikom żewġ eżempji. Il-mod kif qegħdin nitkellmu fuq il-familja u d-deċiżjonijiet li qed jiġu prospetatti dwar il-ħajja tal-familja mibnija fuq iż-żwieġ. Jidhrilkom li dawn huma proġetti li jaqblu man-natura taż-żwieġ u l-familja? Huma deċiżjonijiet li teħtieġhom il-ħajja tal-familja, jew, għax maħkumin minn dan l-atteġġjament ta’ attiviżmu, qed nagħżlu t-triq il-qasira? Nagħtikom eżempju ieħor mid-dinja tax-xogħol. Ix-xogħol huwa għall-bniedem jew il-bniedem sar skjav tax-xogħol, u allura wkoll inħakem f’din id-dinja tal-attiviżmu, forsi wkoll imqarraq mill-filosofija materjalista illi mhux biżżejjed dak li għandu imma jrid igeddes iktar? U ma nirriflettux illi dik l-attività żejda qiegħda tisirqilna l-kwalità tal-ħajja u valuri oħra li huma wkoll meħtieġa għall-ħajja tagħna tal-lum.
Nista’ nsemmilkom l-istil tal-ħajja li aħna qegħdin ngħixu, ħafna drabi kkupjat minn soċjetajiet oħrajn illi jippreżentaw ruħhom bħala soċjetajiet progrediti. Taħsbu li dan l-istil ta’ ħajja li aħna qegħdin naċċettaw u ngħixu jaqbel dejjem mal-aħjar ġid tal-persuna u tal-familja? Il-mod kif aħna qegħdin nittrattaw l-ambjent ta’ madwarna mhux ukoll forsi vittma ta’ din il-mentalità attivista li ma tħalliniex naraw l-ambjent fil-prospettiva oġġettiva tiegħu, u allura nużawh ukoll bħala pedina biex mingħalina nimxu ’l quddiem, biex nirreġistraw il-progress, jekk dan huwa progress?
Din hija parti mill-ħajja li qegħdin ngħixu llum, fejn flok m’aħna sidien tal-ħajja ħafna drabi nsibu rwieħna skjavi ta’ din il-mentalità u niġu mmexxija minn din il-kultura tal-attiviżmu. Tafu dan x’ifisser? Ifisser li qegħdin nibżgħu nirriflettu u nsibu ftit mumenti tas-skiet biex nagħmlu daqsxejn il-kontijiet f’konfront ma’ dak li qegħdin ngħixu; u allura, biex ma jkollniex spazju biex nirriflettu, għamel u ġib lil min jagħmel ħalli ma jkollniex dak il-ħin.
Jista’ jkun li qegħdin inħaddnu dan l-istil ta’ ħajja għaliex irridu naħarbu mir-responsabbiltajiet tagħna tal-lum, u allura aħjar ma ssemmili xejn jew ma nkunx konxju ta’ x’inhuma dawk ir-responsabbiltajiet jew irresponsabbiltajiet, ħalli hekk ma jinħolqulix kunflitti ta’ kuxjenza. Jistax ikun li aħna nagħżlu l-atteġġjament ta’ Marta għaliex irridu nibqgħu aljenati? Għax l-attiviżmu jista’ jkun aljenazzjoni mill-aqwa u ma tindunax li għaddiet ġimgħa, li għadda xahar u li għaddiet sena. Imma anki jekk l-aljenazzjoni hija miskina, għax tnaqqas id-dinjità tal-ħajja tagħna, forsi xi wħud iħossu li jaqblilna li ngħixu f’din l-aljenazzjoni. Jistax ikun li forsi wkoll bl-attiviżmu qegħdin nammettu l-inkapaċità tagħna li nieħdu kontroll tas-sitwazzjoni, u nagħtu aħna stess id-direzzjoni li rridu lill-ħajja, u mhux li l-kurrent iġorrna fejn irid hu? U dan kollu jkollu l-konsegwenzi tiegħu. Jekk tonqos ir-ruħ, jekk jonqos il-ħsieb wara l-azzjoni tagħna, allura msieken aħna!
Il-ħtieġa tal-ħsieb u tar-riflessjoni
F’dan il-kuntest huwa f’postu ħafna l-episodju tal-vanġelu tal-lum, meta Marta, li kienet imħabbta għax kienet qed tagħmel xi ħaġa tajba, għax laqgħet il-mistieden fid-dar, tilmenta li x-xogħol qed tagħmlu waħdiha, u Ġesù jgħidilha: “Marta, Marta, għaliex qed tħabbat rasek b’daqshekk ħidmiet, b’dan l-attiviżmu tiegħek, meta oħtok Marija għażlet l-aħjar sehem?”. U x’kien dan l-aħjar sehem? Illi Marija għażlet tieqaf biex tomgħod, tirrifletti u taħseb fuq dak li kien qed iseħħ quddiemha. Jiena nħoss li m’aħniex naħsbu biżżejjed dwar ċerti deċiżjonijiet li qegħdin nieħdu jew jittieħdu.
Fuq kollox Marija waqfet biex tirrifletti fil-preżenza ta’ Kristu, fil-preżenza ta’ Alla. Jien hawn nara biża’ kbir li jista’ jaħkimna, għax biżżejjed nibżgħu nirriflettu fina nfusna u forsi nibżgħu nirriflettu mal-oħrajn, aħseb u ara kemm irridu nirriflettu quddiem Alla li huwa l-istess verità! Xi darba l-verità tbeżżagħna għax tfixklilna l-programmi u l-pjanijiet umani tagħna. Propju ftit tal-jiem ilu l-Papa Benedittu għamel osservazzjoni u qal li l-bniedem li ma jiqafx jirrifletti – u jirrifletti fil-preżenza ta’ Alla – l-attiviżmu tiegħu huwa vojt, huwa sterili u ma jipproduċi xejn, u huwa diżordinat. Jien nistaqsikom illejla jekk l-attiviżmu tagħna, li ħafna jirreġistrawh bħala progress, huwiex veru progress, jew inkella huwiex attiviżmu li lill-ħajja tagħna qed jirrendiha vojta, sterili u diżordinata. Ir-risposta tafu tagħtuha intom.
Tajjeb li llejla nieħdu dan il-messaġġ li qed jgħid Kristu lil Marta, biex bħal Marija aħna jirnexxilna nieqfu ftit u nirriflettu fid-dawl ta’ dak li qed jgħidilna Kristu. U jekk huwa diffiċli biex aħna nifhmu lil Kristu, għandna l-għajnuna tal-Knisja li tgħinna ndawlu l-kuxjenzi tagħna ħalli mbagħad inkunu responsabbli ta’ għemilna.
Illum l-attiviżmu tant ħonoqna li anki l-ħin liberu, jekk baqgħalna ħin liberu, irridu nimlewh bl-attività u bl-istorbju. Jiena ġieli nara nies jimxu u m’għandhomx paċenzja joqogħdu fis-skiet, imma jisimgħu l-ħsejjes forsi għax jiggustaw il-mużika wkoll; imma forsi wkoll għax, kif qegħdin ngħidu, is-skiet jista’ jbeżżagħna. Anki l-ħin liberu sar mimli b’attività li fl-aħħar mill-aħħar tegħjina u ma tħalliniex niġġeneraw enerġija ġdida, ma tħalliniex nomogħdu dak li aħna qegħdin nagħmlu biex imbagħad nieħdu deċiżjonijiet għaqlin.
Il-valur tal-jum tal-Ħadd
Fil-kuntest ta’ dan kollu aħna għandna ġurnata li s’issa għadha libera, u din hi l-jum tal-Ħadd. Imma jien għandi d-dubji tiegħi kemm aħna rridu li l-jum tal-Ħadd jibqa’ jum ta’ mistrieħ. Għandi x’jgħidli li propju minħabba din il-kultura attivista aħna rridu niżbranaw il-jum tal-Ħadd b’ħafna skużi li jġibulna. Għalina l-jum tal-Ħadd mhuwiex biss jum ta’ mistrieħ, imma għalina huwa Jum il-Mulej. Lilna l-Insara l-jum tal-Ħadd jagħtina l-opportunità li bħal Marija noqogħdu f’riġlejn Ġesù, nisimgħu l-Kelma tiegħu, nirriflettu ftit fuq għemilna u fuq id-direzzjoni li qed tingħata fil-ħajja, ħalli mbagħad inkunu nistgħu niggustaw u nixtarru għemilna u l-ħajja tagħna.
Imma anki f’dan ir-rigward aħna, bħala poplu ta’ Alla, irridu nagħmlu xi ħaġa biex insalvaw il-jum tal-Ħadd, biex jibqa’ jum qaddis u mmarkat bil-parteċipazzjoni tagħna fl-Ewkaristija. Dieħla l-kultura tal-Quddiesa tas-Sibt biex imbagħad il-Ħadd infassluh kif irridu, imma importanti li sakemm ma jkunx hemm xi bżonn aħna fil-jum tal-Ħadd niddedikaw spazju ta’ kwalità għal Alla, għax inkella nitilfuh dan is-sens, nitilfu din l-opportunità li aħna nisimgħu l-Kelma ta’ Alla u nirriflettu dwar il-Kelma li ddawwal il-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Imma mhux biss il-Quddiesa tal-Ħadd hija importanti. Hemm il-mumenti tal-familja flimkien, anki għat-talb fil-familja. Dan huwa żmien importanti ħafna. Forsi matul il-ġimgħa l-attiviżmu ma jippermettilniex li nsibu ħin biex nitolbu, imma kieku l-Ħadd bħala familja nirriservaw ftit ħin u nitolbu flimkien, u nsejħu l-għajnuna ta’ Alla u tal-Verġni Marija, ma taħsbux li nkunu niċċelebraw dan il-jum bil-mod li jixraqlu, u nkunu ninvestu fil-jum tal-Ħadd biex ikollna kwalità ta’ ħajja aħjar?
Għalhekk, ejjew nieħdu dan il-parir li Kristu ta lil Marta. Tħabblux raskom b’ħafna taħbit żejjed. Agħżlu l-aħjar sehem fil-ħajja. Sibu l-ħin biex tirriflettu fid-dawl ta’ dak li jgħidilna Alla, ħalli mbagħad id-deċiżjonijiet u l-għażliet li nagħmlu fil-ħajja jissarrfu f’ġid għalina u għal kulħadd.