L-Evanġelizzazzjoni Ġdida
Ftit ġimgħat oħra, fis-7 ta’ Ottubru li ġej, ser jiftaħ is-Sinodu tal-Isqfijiet li għandu bħala tema “L-evanġelizzazzjoni ġdida biex innisslu l-fidi Nisranija mill-ġdid”. Huwa fatt li l-Knisja min-natura tagħha hija “missjunarja”: l-Appostli kienu mibgħuta biex ixandru l-Bxara t-Tajba. L-evanġelizzazzjoni hija l-identità tal-Knisja u l-missjoni permanenti tagħha. Imma f’ċertu sens wieħed jista’ jinterpreta l-għażla ta’ dan is-suġġett bħal l-SOS li qed tibgħat il-Knisja lill-bniedem tal-lum li huwa spiritwalment għajjien! Il-vapur qed jagħmel l-ilma… Jekk tiġi nieqsa l-fidi tagħna, jiġrilna bħal Pietru li meta beda jiddubita, “ħabat jegħreq” (Mt 14:30).
Meta f’Ġunju 2010 indirizza lill-membri tal-Kunsill Pontifiċju għall-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida, il-Papa Benedittu XVI kien qal li huwa jħoss li għandu jagħti tweġiba partikulari għall-kriżi fil-ħajja Nisranija li qed isseħħ f’ħafna pajjiżi, speċjalment dawk li għandhom tradizzjoni Kristjana antika.
F’Settembru 2010, fil-Motu Propju Ubicumque et semper li bih waqqaf uffiċjalment l-imsemmi dikasteru, il-Papa jiddeskrivi din il-kriżi tal-fidi b’dan il-mod: “F’dawk is-soċjetajiet u kulturi li għal sekli sħaħ kienu jidhru li huma magħġuna bil-Vanġelu, bil-mod il-mod qed jidher ċertu distakk mill-fidi. Wieħed iqis il-progress kbir li għamlu x-xjenza u t-teknika, kemm infirxu l-possibbiltajiet tal-ħajja u l-ispazji tal-libertà individwali, it-tibdil profond li sar fil-qasam tal-ekonomija, il-proċess ta’ taħlit ta’ razez u kulturi… Dan kollu ma setax ma jħallix effett ukoll fuq id-dimensjoni reliġjuża tal-ħajja tal-bniedem… Seħħet telfa kerha ta’ dak li huwa sagru, tant li l-bniedem beda jiddubita minn dawk il-punti ċerti li kienu jidhru indiskutibbli, bħalma hija l-fidi f’Alla l-Ħallieq li jipprovdi u r-rivelazzjoni ta’ Ġesù Kristu bħala l-Feddej waħdieni. Ċerti esperjenzi fundamentali tal-ħajja umana, bħalma huma t-twelid, il-mewt u l-ħajja fil-familja, il-bniedem ma baqax jipprova jifhimhom fid-dawl tal-liġi morali naturali”.
Imbagħad f’Ottubru 2011, fl-Ittra Appostolika Porta Fidei li biha ħabbar is-Sena tal-Fidi, il-Papa jammetti li waqt li fl-imgħoddi kien possibbli li jkollna “tessut kulturali wieħed” li kien iserraħ fuq il-kontenuti tal-fidi u l-valuri ispirati minnha, “illum f’ċerti oqsma kbar tas-soċjetà dan donnu ma għadux hekk, minħabba fil-kriżi profonda tal-fidi li laqtet ħafna persuni”.
Fid-dawl ta’ dawn il-passaġġi nistgħu naqraw is-sitwazzjoni tagħna! Il-Papa seta’ inkluda dan kollu fl-Ittra li bagħtilna dan l-aħħar. Madwarna nosservaw għadd ta’ fenomeni li jikkonfermaw li aħna ninsabu għaddejjin minn din il-kriżi tal-fidi. Ma humiex ftit dawk li qed jgħixu daqslikieku Alla ma kienx jeżisti. Dan il-fenomenu jidher fl-adulti, imma b’mod allarmanti fiż-żgħażagħ u fl-adolexxenti. Mal-ateiżmu prattiku hemm ukoll filosofija ateista, ippropagata minn ċerti gruppi, fosthom il-Mażunerija. Huwa evidenti li dawn għandhom strateġija biex ikomplu jxejnu l-fidi Kristjana f’din is-soċjetà.
Ħaġa gravi u preokkupanti mbagħad hija l-fatt li għandna reliġjożità grassa, li aktar milli manifestazzjoni tal-fidi, hija biss espressjoni ta’ tradizzjoni, kultura u folklor, u xi drabi sservi bħala pedina biex xi wħud jaffermaw xi forma ta’ poter! Il-gwaj huwa ikbar meta tqis min xi drabi kapaċi jrewwaħ din ix-xorta ta’ reliġjożità!
Dan kollu għandu jnissel fina s-saċerdoti ċerti mistoqsijiet impenjattivi. Jiġini li nistaqsi x’tip ta’ katekiżmu qegħdin nagħtu lit-tfal meta kważi kollha jattendu għad-“duttrina”, jekk meta jitfarfru ftit li xejn jibqa’ jimpurtahom minn Ġesù Kristu u l-Knisja? X’għamla ta’ predikazzjoni qegħdin noffru lill-poplu ta’ Alla jekk hawn din il-qasma bejn fidi u ħajja? X’valur għandhom is-sagramenti fil-ħajja tan-Nisrani u tal-komunità Nisranija jekk il-ħajja tal-grazzja saret daqshekk irħisa u superfiċjali? X’inhu l-iskop li għandna l-iskejjel tal-Knisja jekk dawn mhux qegħdin jgħinu fit-tiswir tal-bniedem sħiħ fid-dawl ta’ Ġesù Kristu? Kif tispjega l-assenza tal-lajkat Nisrani fil-Knisja u fis-soċjetà? Fuq kollox, x’effett qed tħalli l-preżenza daqshekk numeruża ta’ saċerdoti u reliġjużi fis-soċjetà tagħna?
Qiegħed niffoka fuq din ir-realtà l-ewwel nett għax m’iniex konvint li bħala presbiterju aħna konxji biżżejjed minn din il-kriżi; it-tieni nett biex għal darb’oħra ntenni l-urġenza għall-Knisja lokali, partikularment għalina s-saċerdoti, li nibdew mill-ġdid din l-evanġelizzazzjoni ħalli nsaħħu lil dawk li jemmnu u niddisponu lil dawk li tilfu l-fidi biex jiftħu qalbhom għal dan id-don.
Qatt ma għandna naqtgħu qalbna mill-bniedem! Meta tqis li l-bniedem minn qaddisu huwa miftuħ għal Alla, il-Knisja, b’sens ta’ lealtà lejn Alla u lejn il-bniedem innifsu, għandha tibqa’ tissara biex tiddisponih għal din il-laqgħa ma’ Kristu. Kif ngħid fl-Ittra Ċirkulari li qiegħed nibgħat lid-Djoċesi, nemmen li anki llum huma ħafna dawk fostna li jħossu x-xewqa ta’ dawk il-Griegi li darba telgħu Ġerusalemm u fissru x-xewqa li jaraw lil Ġesù (ara Ġw 21:20-21). Anzi, aktar ma l-bniedem modern qed jiġi espost għal ġmiel frammentat, jekk mhux ukoll qed isib ruħu ingannat għax jippreżentawlu l-ikrah bħala s-sabiħ, aktar sar ifittex dak il-ġmiel li jagħtih sodisfazzjon veru u mhux dak li wara ftit jintemm fix-xejn. Huma ħafna dawk li espliċitament jew impliċitament qegħdin jistaqsu dwar Alla. Tagħfas fuq spallejna r-responsabbiltà li niddeċifraw dawn il-mistoqsijiet u nkunu lesti biex nagħtu t-tweġiba. Importanti li l-pariri jew tweġibiet li nagħtu aħna s-saċerdoti jkunu denji tal-ministeru ekkleżjali fdat lilna. Daqskemm nistgħu nagħmlu ġid, daqshekk ieħor nistgħu nagħmlu deni b’dak li ngħidu jew ma ngħidux!
Interessanti li dawn il-Griegi li jsemmi San Ġwann fil-Vanġelu marru għand Filippu, dixxiplu li kellu ismu Grieg. Dan ifisser li l-Griegi fittxew “medjatur” li kellu xi ħaġa komuni magħhom: li kien jitkellem il-lingwa tagħhom u allura kien jifhimhom, u li kien qrib tagħhom. Biex il-bniedem tal-lum ikollu l-kuraġġ u jersaq għandna s-saċerdoti, li f’għaqda ma’ Kristu aħna l-medjaturi bejn Alla u l-bniedem, irridu nkunu nafu l-lingwaġġ li bih jitkellem illum; in-nies tridna qrib tagħha, lesti biex nisimgħuha u nifhmuha. Fuq kollox, in-nies trid tara fina persuni li, bħal fil-każ ta’ Filippu, id-dixxipulat tagħna wara Kristu ma jkunx ikkundizzjonat mill-ambjent jew l-istorja, bħalma seta’ kien fil-każ tad-dixxipli l-oħra li kellhom tradizzjoni reliġjuża wara spallejhom, imma jkun frott ta’ għażla ħielsa, għax Ġesù huwa għajn ta’ ispirazzjoni; li s-saċerdozju ma nużawhx bħala mezz biex nilħqu għanijiet personali, imma bħala mod kif ningħataw mingħajr kundizzjoni għal Alla u għall-bnedmin.
Ninnotaw li din ix-xewqa li kien hemm f’qalb il-Griegi kienet ukoll f’qalb Filippu, tant li fl-okkażjoni tal-Aħħar Ċena hu staqsa lil Ġesù: “Mulej, urina ’l-Missier u jkun biżżejjed għalina”, u Ġesù wieġbu: “Min ra lili, ra lill-Missier” (Ġw 14:8-9). Għeżież ħuti fis-saċerdozju, kollaboraturi ewlenin f’din il-missjoni tqila imma sabiħa li għandna bħala evanġelizzaturi ġodda jew imġedda biex innisslu l-fidi: ħadd ma jista’ jagħti minn dak li ma għandux! Biex nevanġelizzaw, irridu nkunu evanġelizzati aħna! Biex innisslu l-fidi, aħna qabel kulħadd irridu nkunu nies tal-fidi. Ma nkun nikxef ebda sigriet jekk ngħid li xi drabi anki lilna tonqosna l-fidi u jkollna bżonn ta’ min jikkonfermana fiha. Il-mod kif aħna ngħixu s-saċerdozju, il-grad ta’ entużjażmu fir-rigward ta’ Kristu, il-mod kif nipprietkaw, kif niċċelebraw il-liturġija u kif nitolbu, il-livell ta’ komunjoni mal-Knisja… kollox jirrifletti x’fidi għandna!
Biex aħna jkollna tweġiba għal dawk li qed jistaqsu biex jaraw lil Alla, aħna rridu nkunu għamilna esperjenza ta’ Alla f’ħajjitna. Biex ngħin lil ħaddieħor jinnamra ma’ Kristu, jien, saċerdot, irrid inkun innamrat miegħu! Dan ifakkarna kemm hu indispensabbli għalina s-saċerdoti li napprofondixxu r-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù. Billi mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm, inkomplu nħallu lil Kristu jimlilna qalbna, biex fomma jikkomunika lil Ġesù. Din hija l-evanġelizzazzjoni l-ġdida li tnissel il-fidi! Importanti li jkollna ċar f’moħħna u f’qalbna li “l-fidi Nisranija mhix sempliċement tagħlim, kliem kollu għerf, kodiċi ta’ morali jew tradizzjoni; imma l-fidi Nisranija hija laqgħa vera u relazzjoni ma’ Ġesù Kristu. Għalhekk, li nittrasmettu l-fidi jfisser li f’kull post u f’kull żmien noħolqu dawk il-kundizzjonijiet li jwasslu biex isseħħ il-laqgħa bejn il-bniedem u Ġesù Kristu” (Instrumentum Laboris tas-Sinodu, 2012, par. 18).