L-Inbid ta’ Alla
Aħna nies li nafu naqraw is-sinjali. Jekk ikun sema ċar ngħidu li ġej il-bnazzi, imma jekk naraw is-sħab iswed ngħidu li ġej il-maltemp. Jien nixtieq li din il-kapaċità li aħna għandna biex naqraw is-sinjali tad-dinja nużawha wkoll biex naqraw sinjali oħrajn. Veru li ħarsa lejn l-orizzont tas-soċjetà tagħna (soċjetà f’sens wiesa’) ma twassalniex biex nistgħu ngħidu li hemm sinjali sbieħ ħafna, imma llum it-tħabbira tal-Vanġelu tirrakkontalna esperjenza li għamel Ġesù u li fiha huwa wettaq l-ewwel fost is-sinjali tiegħu, biex hekk dehret il-glorja ta’ Alla u d-dixxipli emmnu fih. Illum il-vanġelu jirrakkontalna episodju fejn Kristu mhux biss għamel il-miraklu imma qiegħed jagħmlu wkoll illum u qed jipprovdilna sinjali sbieħ u pożittivi li jimlewna bit-tama biex aħna llum nagħrfu l-glorja ta’ Alla u qalbna timtela bih.
Iż-żwieġ figura li tfisser l-għaqda bejn Alla u l-bniedem
Ir-rakkont tal-ġrajja ta’ Kana m’huwiex biss rakkont li seħħ fir-raħal ċkejken ta’ Kana, imma għal min bħalna għandu jkollu formazzjoni biblika jaf li ż-żwieġ huwa figura li sa mill-antik Alla għażel biex permezz tagħha jfisser x’għaqda jixtieq ikun hemm bejnu u bejn il-bnedmin. Bħalma fiż-żwieġ hemm l-għaqda bejn ir-raġel u l-mara, li hija għaqda mibnija fuq l-imħabba u għaqda li sal-lum konna ngħidu li hija għal dejjem, u hekk għandna nibqgħu ngħidu, hekk Alla l-Imbierek jinqeda bil-profeti biex juża din il-figura taż-żwieġ u jħabbrilna x’inhi x-xewqa tiegħu: li propju jwettaq dik l-għaqda, dak il-Patt bejnu u bejn il-bnedmin. Dan huwa patt mibni fuq l-imħabba.
“Mara, is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx”
Aħna nafu li fit-tieġ ta’ Kana s-siegħa ta’ Ġesù kienet għadha ma waslitx u li l-mara, li hija Marija, antiċipat is-siegħa. Għal min huwa midħla tal-Vanġelu ta’ San Ġwann, u suppost li aħna lkoll midħla, jaf li s-siegħa għal Ġesù kienet propju dak il-mument li fih kellu jiġi gglorifikat il-Missier u jiġi gglorifikat l-Iben, meta sseħħ il-milja tal-missjoni li kellu Kristu li jerġa’ jħabbeb lill-bniedem ma’ Alla u l-bniedem mal-bniedem. U allura fit-tieġ ta’ Kana aħna għandna wkoll il-prefigura ta’ dak li kellu jseħħ iktar ’il quddiem. Jista’ jiġri li għaliex m’aħniex tant attenti biex naqraw dawn is-sinjali li jimlewna b’ħafna fidi u kuraġġ ma nintebħux li Alla huwa magħna. U jekk Alla huwa magħna min jista’ jkun kontra tagħna?
Is-sehem tal-mara biex iseħħ il-miraklu
Biex seħħet din l-esperjenza ta’ Kana kien hemm bżonn Marija, omm Ġesù. San Irinew, li huwa Marjologu kbir, jgħidilna li l-figura ta’ Marija qrib Ġesù m’hix sorpriża, għax jekk inqallbu l-paġni tal-Iskrittura, li huma l-paġni tal-istorja ta’ Alla mal-bnedmin, insibu diversi mumenti fejn kien hemm is-sehem tal-mara biex iseħħu ċerti sinjali. Insemmilkom lil Eva, li nħarsu lejha bħala dik li bid-dnub tagħha u ta’ Adam ġabet is-saħta fuq id-dinja; imma ma ninsewx li Alla ħalaq lil Eva biex tkun sieħba ta’ Adam u biex flimkien jilqgħu dik il-wegħda l-kbira: “Inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara… u n-nisel tagħha jisħaqlek rasek”. F’din l-ewwel tħabbira ta’ din il-glorja definittiva hemm il-preżenza ta’ mara. Nista’ nsemmilkom lil Sara, qrib Abraham, lil Rebekka, qrib Ġakobb, u oħrajn. Imma mbagħad fil-milja tal-istorja tidher il-figura ta’ Marija, qrib Ġesù li kellu jwettaq din ir-rebħa aħħarija, jiġifieri li jisħaq ras is-serpent.
Marija qrib binha Ġesù
X’inhu r-rwol ta’ Marija f’din l-esperjenza kollha? Marija ssejjaħ lill-qaddejja fit-tieġ ta’ Kana, u minn qaddejja ta’ sid id-dar li kien qed jorganizza t-tieġ Marija tagħmilhom qaddejja ta’ Ġesù Kristu, u tgħidilhom: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu”, ħalli issa jitwettaq dak is-sinjal li fih nemmnu aħna lkoll.
Is-saċerdoti qaddejja ta’ Ġesù Kristu llum
Min huma l-qaddejja ta’ Ġesù Kristu llum, meta qed isseħħ ukoll din l-esperjenza ta’ Kana? Kif għidtilkom fil-bidu tal-Quddiesa jien għandi xewqa li din it-talba tagħna ta’ dalgħodu nagħmluha fil-kuntest tas-Sena Saċerdotali li nieda l-Papa ftit tal-jiem ilu, u allura nixtieq li r-riflessjoni tagħna llum tgħinna nagħrfu l-ministeru tas-saċerdot Kattoliku. Il-qaddejja ta’ Ġesù Kristu huma s-saċerdoti. San Pawl fl-ittri tiegħu lill-Filippin u lir-Rumani hekk jiddeskrivi lilu nnifsu: “Jiena l-qaddej ta’ Ġesù Kristu”, u jħoss li għax huwa qaddej ta’ Ġesù Kristu huwa ħieles, tant li lill-Galatin jgħidilhom: “Kieku rrid nogħġob lill-bnedmin jien ma nistax nibqa’ qaddej ta’ Ġesù Kristu”. Din hija t-tensjoni li ngħixu aħna s-saċerdoti, aħna l-qaddejja ta’ Ġesù Kristu, imma ħafna drabi biex nogħġbu lill-bnedmin, għax il-bnedmin hekk iriduna, kapaċi nxellfu dan is-servizz u dan il-qadi ta’ Ġesù Kristu. Forsi din hija wkoll il-mentalità tad-dinja, li lilna tridna iktar qaddejja tal-bnedmin milli qaddejja ta’ Ġesù Kristu.
“Agħmlu dak li jgħidilkom hu”
X’jagħmlu l-qaddejja? Marija tgħidilhom: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu”; u Marija tgħidilna: “Imlew dawk il-ġarar bl-ilma”. X’ilma huwa dan? Is-salmista jgħidilna: “Imlew l-ilma mill-għejjun tas-salvazzjoni”. Dan huwa l-qadi li jwettaq is-saċerdot: li jimla mill-għejjun tas-salvazzjoni dak l-ilma li l-bniedem għandu tant bżonn biex itaffi l-għatx tiegħu. M’għandniex bżonn l-għerf uman, għax dak jissodisfa imma mhux għal kollox. M’għandniex bżonn il-morali naturali u iktar u iktar il-moraliżmi, għaliex anki dawn ma jwassluniex għall-ħelsien. Imma għandna bżonn nixorbu minn dan l-ilma mill-għejjun tas-salvazzjoni li għall-kelma ta’ Kristu jsir inbid bnin.
L-inbid figura tal-Ispirtu s-Santu
Fit-tradizzjoni biblika l-inbid huwa figura tal-Ispirtu s-Santu, u allura l-qaddejja li jimlew l-ilma mill-għejjun tas-salvazzjoni joffru lill-komunità Kristjana, li qed tiċċelebra din l-ikla Messjanika, l-Ispirtu s-Santu. U dan huwa li aħna għandna bżonn, għeżież tiegħi: li nixorbu minn dawn l-għejjun, jiġifieri li permezz tal-Kelma ta’ Alla u tas-sagramenti li joffrulna s-saċerdoti nimtlew b’dan l-inbid il-ġdid li kapaċi jferraħ il-qalb. Imma biex nagħmlu hekk hemm bżonn li, kif jgħid Origene, aħna l-qaddejja ta’ Ġesù Kristu qabel ma nimlew l-ilma biex nagħtuh lilkom nixorbu aħna stess mill-għejjun tas-salvazzjoni. Aħna stess irridu nfittxu li l-prijorità f’ħajjitna tkun Alla l-Imbierek u jkollna l-ħin li npoġġu fil-preżenza ta’ Alla u l-paċenzja u s-sabar ħalli nistudjaw il-Kelma Mqaddsa, biex imbagħad inkunu nistgħu noffrulkom dak l-inbid tajjeb li jissodisfa l-qalb.
Il-qaddejja kienu jafu minn fejn ġie l-inbid
Għeżież tiegħi, ħadd ma kien jaf minn fejn ġie l-inbid imma l-qaddejja kienu jafu minn fejn ġabu l-inbid it-tajjeb. Ħuti fis-saċerdozju, dan huwa s-sigriet u u din hija l-essenza tal-ħajja saċerdotali tagħna: li jekk id-dinja ma tafx minn fejn ġej dan l-ilma ġieri, li huwa l-ilma tas-salvazzjoni, u dan l-inbid pur, aħna għandna nkunu nafu u aħna għandna nkunu ta’ Ġesù Kristu.
Din hija t-tweġiba għall-mistoqsija fuq min huwa s-saċerdot. Din hija t-tweġiba għall-mistoqsija fuq lil min jappartieni s-saċerdot. Is-saċerdot huwa kollu kemm hu ta’ Kristu, u bħal Pawlu jgħaddi minn dik li hija l-awtonomija tiegħu għall-Kristonomija, jiġifieri li jiddipendi kollu kemm hu mill-Mulej Ġesù u li r-rieda tiegħu jissottomettiha b’att ta’ ubbidjenza għar-rieda ta’ Alla, jew aħjar għar-rieda ta’ Ġesù Kristu, ħalli mbagħad id-dinja tagħraf li dan l-inbid, dan l-ispirtu ġej mill-Iben ta’ Alla li sar bniedem u għammar fostna.
Is-saċerdot jipperpetwa s-sinjali li jikxfu l-glorja ta’ Alla
Għeżież tiegħi, biex aħna ngħixu din is-sejħa u biex anki llum nipperpetwaw dawk is-sinjali li jikxfu l-glorja ta’ Alla, u d-dinja temmen f’Alla, aħna għandna bżonn dak l-istess atteġġjament li kellha l-Verġni Mbierka; dak l-atteġġjament ta’ fiduċja sħiħa u ta’ ubbidjenza lejn Kristu, li huwa atteġġjament ta’ ftuħ, ħalli kontinwament tikber fl-għarfien u fl-għaqda tagħha ma’ Kristu. Jekk id-devozzjoni Marjana hija meħtieġa fil-Kristjani kollha u għandha tkuna kwalità li żżejjen lil kull mgħammed, kemm għandha tkun parti mill-ispiritwalità tagħna s-saċerdoti?
Poplu ta’ Alla, roddu ħajr lil Alla l-Imbierek li anki llum qed jipprovdilna dawn is-sinjali li, nerġa’ ngħid, għandhom jimlewna bil-ħajja, bl-entużjażmu u bil-fiduċja. Imma biex dawn is-sinjali jitwettqu għandna bżonn qaddejja ta’ Ġesù Kristu. Għalhekk itolbu għalina s-saċerdoti biex, kif jixtieq il-Papa, nikbru fil-fedeltà tagħna lejn Kristu, imma itolbu wkoll ħalli l-Knisja tkun imżejna b’iktar vokazzjonijiet saċerdotali. Itolbu lill-Verġni Marija għalina ħalli aħna nagħrfu ngħixu l-missjoni tagħna f’fedeltà lejn Alla u b’servizz lejkom il-bnedmin.