L-Insara Jridu Sehem Attiv fis-Soċjetà
Marija, persuna pro-attiva
Il-Vanġelu jirrakkontalna esperjenza umana ta’ tieġ illi għal ftit ma sfrattax, peress illi naqashom l-inbid. Imma l-preżenza ta’ Marija salvat dik is-sitwazzjoni milli tiddeterjora u flok festa jkun hemm diżordni. Marija setgħet għamlet bħalma normalment jagħmlu n-nies u baqgħet siekta. Setgħet qalet: “X’jimpurtani! Mhemmx ħaddieħor jara x’jonqos?”. Setgħet lagħbet il-parti newtrali biex la tfuħ u lanqas tinten. Imma le… Marija ssemma’ leħinha, tgħolli l-vuċi tagħha u tmur quddiem Kristu, li hu Alla, u tintervieni biex issalva dik is-sitwazzjoni u tirrimedja fil-ħin opportune, ħalli dik il-festa ma tisfrattax u jkun hemm id-diżordni.
Nieħdu sehem fid-diskussjoni pubblika
Għeżież tiegħi, fid-dawl ta’ dan li qiegħed ngħid, jiena nara messaġġ qawwi għall-poplu ta’ Alla fil-gżejjer tagħna. Qed jiżvolġu ċerti sitwazzjonijiet fejn, jekk ma jkunx hemm intervent f’waqtu, il-festa tista’ ssir diżordni u s-soċjetà tkompli tiddeterjora. Jien nara sitwazzjoni fejn aħna qed nieħdu l-parti inattiva, passiva, fejn qed inkunu biss spettaturi f’wiċċ dak li qiegħed iseħħ quddiemna, il-parti newtrali biex la nkunu fuq naħa u lanqas inkunu fuq oħra, fejn nagħmlu tabirruħna li ma nafux x’inhu jiġri jew inkella nfarfru minn fuq spallejna u ngħidu: “Mhemmx dak? Mhemmx dawk? Ħa jitkellmu huma, ħa jagħmlu huma”.
Imma dan mhux l-atteġġjament ta’ Marija u tad-devoti veri ta’ Marija, għaliex anki fid-dinja li fiha qegħdin ngħixu hemm bżonn li nimitaw lil Marija f’Kana u ngħollu leħinna u nsemmgħu l-vuċi tagħna. Is-sabiħa tafu x’inhi? Li min m’għandux x’jgħid qiegħed jiftaħ fommu, min għandu kliem battal qiegħed jgħajjat, u min għandu x’jagħti qiegħed jibża’ u jirtira. Qiegħed nirreferi għall-poplu ta’ Alla!
Il-kontribut tas-sens reliġjuż fis-soċjetà tal-lum
Fis-sitwazzjoni tagħna mhux inbid qed jonqos, imma fil-kultura tagħna li qed tintgħaġen, kulma jmur qiegħed jiddgħajjef is-sens reliġjuż. X’anomalija! Għandna tant sinjali reliġjużi fis-soċjetà tagħna li ninqdew bihom għal skopijiet turistiċi biex navvanzaw ekonomikament… Imma, nerġa’ ngħid, kulma jmur is-sinjali reliġjużi tagħna qegħdin jiżvojtaw mis-sens veru reliġjuż. U jekk is-sens reliġjuż jonqos, allura tiddgħajjef ukoll il-kuxjenza umana, għaliex huwa dan is-sens reliġjuż illi joffri l-fundament u s-sapport għal dawk il-valuri etiċi u morali illi jiffurmaw is-sinsla tad-dahar mhux biss taċ-ċittadin imma tas-soċjetà flimkien.
Is-sagralità tal-verità
Intom tafu, imma forsi ma tridux tirrikonoxxu (!), illi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ valuri etiċi u morali, għaddejjin minn fażi ta’ faqar enormi. Jekk aħna nitilfu dan is-sens reliġjuż, jekk il-kultura tagħna titbattal minn dan is-sens reliġjuż, allura mbagħad nitilfu s-sagralità tal-verità. Il-fatt li qegħdin ngħixu f’soċjetà relattivista fejn mhemmx verità waħda, imma fejn kull min jidhirlu jfaqqas dak li hu jsejjaħlu “il-veru”, huwa indikazzjoni illi għalina l-verità m’għadhiex sagra, lanqas meta nieħdu l-ġurament quddiem Alla li aħna suppost inservu skond is-sewwa.
Is-soċjetà tagħna, li qed titlef is-sens reliġjuż u għaldaqstant il-kuxjenza umana, qiegħda wkoll titlef is-sens sagru tal-ħajja umana sa mill-bidu tat-tnissil, u mhux biss, iżda tal-ħajja umana kollha kemm hi, tant illi l-ħajja tal-bniedem saret komodità, oġġett negozjabbli u ta’ sperimentazzjoni; mingħajr ir-rispett lejn il-ħajja tal-bniedem f’kull fażi, imma partikolarment meta l-ħajja umana hija l-iktar dgħajfa, fl-ewwel mumenti tat-tnissil tagħha. Din hi s-soċjetà tagħna, għeżież tiegħi… U aħna spettaturi u qed nieħdu l-parti newtrali! Huwa ġust quddiem Alla dan l-atteġġjament?
Qed nitilfu s-sens sagru taż-żwieġ u tal-familja, u għaldaqstant naraw min qiegħed jipproponi mudelli ta’ ħajja illi jikkuntrastaw bis-sħiħ ma’ dak li jrid il-Ħallieq, u li l-Ħallieq kiteb fin-natura tal-bniedem u li mbagħad ikkonfermah bir-Rivelazzjoni Mqaddsa.
Ma nistgħux inkunu passivi
Quddiem din ir-realtà għandna bżonn mara illi ma tibqax passiva, ma tibżax għal ġildha, imma ssemma’ l-vuċi tagħha, tgħolli leħinha biex il-qagħda tagħna ma ssirx waħda diżastruża. Għax jekk aħna nkomplu nitilfu s-sens reliġjuż, imbagħad nibdew naraw il-konsenturi mhux biss fil-bniedem imma wkoll fl-istituzzjonijiet tas-soċjetà, anki fl-istituzzjonijiet l-aktar għolja illi suppost jibagħtulna messaġġi pożittivi u edukattivi. Ma nistagħġibx illi fl-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna minn żmien għall-ieħor jidhru dawn ix-xquq, jidher li qiegħed iċedi l-pedament: ir-raġuni hi li naqsilna l-inbid, naqsilna dan is-sens reliġjuż, jew aħjar, hemm min irid ineħħih mill-kultura tagħna.
F’dan il-kuntest, imnebbaħ mir-rwol ta’ Marija f’Kana tal-Galilija, jiena nagħmel appell lin-nies kollha ta’ rieda tajba, imma partikolarment lill-poplu ta’ Alla f’pajjiżna, ħalli bħal Marija jsemmgħu l-vuċi tagħhom u jgħollu leħinhom. Aħna konvinti mhux biss minn dak li jrid Alla, imma wkoll mill-veru ġid tal-bniedem: għalhekk hemm bżonn li negħlbu din il-muta, din il-passività, u ngħollu l-leħen tagħna flimkien u nsemmgħu l-vuċi tagħna.
U x’għandha tkun din il-vuċi? Mhux xi programm li naħdmu jien u int, imma hija vuċi bħal ta’ Marija li tindika lil Ġesù: “Agħmlu dak li jgħidilkom Hu”. Hu dan li għandha bżonn is-soċjetà tagħna: illi aħna b’vuċi għolja nindikaw u nindirizzaw lill-bniedem għand Kristu, għax Kristu biss kapaċi mix-xejn joħroġ il-ġid, l-ilma jibdlu fi nbid. Kristu biss jista’ jagħti tifsira lill-ħajja tagħna l-bnedmin, għaliex il-kultura tagħna tibda tagħmel sens jekk tkun miftuħa għall-misteru ta’ Alla, kif għamlet Marija f’dak it-tieġ ta’ Kana meta fetħitilhom moħħhom u qalbhom għall-misteru ta’ Alla.
Agħmlu l-qalb, għeżież tiegħi, agħmlu l-qalb! Kuraġġ! Ma nħallux la l-biża’ u lanqas il-mistħija jżommuna lura milli fil-fora soċjali tagħna nsemmgħu leħinna u nagħmlu eku tal-Vanġelu, għax kif jgħid il-Papa Pawlu VI fl-Evangelii Nuntiandi, “id-drama tas-soċjetà tal-lum ġejja propju mill-qasma bejn il-Vanġelu u l-kultura” (n. 20), qishom kienu żewġ affarijiet li ma jmorrux flimkien, bħall-ilma u n-nar. Mela mhux hekk! Il-Vanġelu huwa l-Bxara t-Tajba dwar il-bniedem li ġejja minn dak Alla li sar bniedem. Jekk aħna, fil-ħin opportun – u issa hu l-ħin opportun! – ma nsemmgħux il-vuċi tagħna, mhux il-futur tal-Knisja li jkun f’riskju, imma huwa l-futur tal-bniedem u ta’ pajjiżna.
Għeżież tiegħi, l-intervent kuraġġjuż u f’waqtu ta’ Marija mhux biss salva dik il-qagħda li kienet fi preċipizzju, imma ta l-opportunità biex Kristu jagħmel l-ewwel sinjal ħalli tidher il-glorja tiegħu. Jekk aħna tassew devoti tal-Madonna Ta’ Pinu, illi permezz ta’ Karmni Grima sejħitilna u għadha ssejħilna biex niġu f’dan is-santwarju, teżor tal-poplu Malti u Għawdxi kollu, hemm bżonn li bħal Marija f’Kana ngħollu l-vuċi tagħna, ngħollu leħinna biex is-sewwa ta’ Ġesù Kristu jasal lill-bniedem u lill-istituzzjonijiet tagħna, ħalli l-glorja ta’ Alla tinżel fuqna.