Aqbeż għall-kontenut

L-Instabbilità tal-Familja

Il-ġrajja ta’ Kana titkellem fuq diffikultà li nħolqot lil dik il-koppja u lil dik il-komunità li kienet qed tagħmel festa: “M’għandhomx inbid”, qalet Marija lil Ġesù. Apparentament ħadd ma kien għadu ma nduna ħlief Marija u kienet problema eżistenti imma moħbija. Nafu li Ommna Marija lil Franġisku Portelli ħallietlu messaġġ marbut mall-pjaga l-moħbija ta’ Kristu, li kellu frott is-salib. Permezz ta’ Franġisku Portelli Marija fakkritna f’dik il-pjaga l-moħbija li ftit jafu biha. Fi Kristu jien nilmaħ l-Iben ta’ Alla li sar bniedem u tgħabba bid-diffikultajiet u l-problemi kollha tagħna, kemm bħala individwi u kemm bħala ġens uman. Kristu jġorr il-pjagi ta’ l-umanità.

Kif napplikaw il-ġrajja ta’ Kana għal ħajjitna? Il-fatt li ma kienx hemm inbid ħoloq diffikultà fuq l-andament tal-ħajja ta’ dik il-komunità. Li ma kienx hemm inbid kien sejjer jisfratta dik il-festa u l-ferħ li kien hemm bejn il-miżżewġin u l-mistednin. Fi kliem ieħor in-nuqqas ta’ nbid jirrifletti diffikultajiet ta’ natura soċjali. Il-ġrajja ta’ Kana tirrifletti wkoll li kien hemm diffikultà spiritwali għax lil Kristu kienu għadhom ma għarfuhx. Kien l-intervent ta’ Marija li wassal lil Kristu biex jagħmel “l-ewwel sinjal biex juri s-sebħ tiegħu, u d-dixxipli emmnu fih”.

Jien nara li anki fil-festa tas-soċjetà tagħna hemm din il-pjaga li għandha dawn iż-żewġ dimensjonijiet: id-dimensjoni soċjali u d-dimensjoni spiritwali. Ma nistgħux ngħidu li s-soċjetà tagħna hija ħielsa mill-problemi u li m’għandniex diffikultajiet. Jeżistu diffikultajiet fl-ekonomija; għandna wkoll diffikultajiet fil-qasam ta’ l-edukazzjoni, u fil-qasam tas-saħħa; għandna l-isfida tal-kriminalità. Hemm diversi aspetti tal-ħajja soċjali li nixtiquhom aħjar. Jien ngħid li dawn m’humiex l-agħar pjaga li aħna għandna fis-soċjetà. Fil-fehma tiegħi d-diffikultà l-kbira hija l-instabbiltà tal-familja. Il-problemi l-oħra kollha nistgħu naffrontawhom jekk il-familja tagħna tibqa’ familja b’saħħitha. Ma nistgħux indaħħlu rasna fir-ramel u nħallu din il-pjaga moħbija, għaliex ilkoll kemm aħna affettwati minnha. Ilkoll kemm aħna nistgħu nagħtu s-sehem tagħna biex il-pjaga tal-familja tfiq. Din hija riżultat ta’ pjaga oħra: dik spiritwali. Forsi l-ewwel huwa meħtieġ li nfejqu din il-pjaga, li hija wkoll moħbija, biex imbagħad infejqu l-pjagi l-oħra.

X’inhi l-pjaga spiritwali? Li aħna, bħall-qaddejja ta’ Kana, għandna lil Kristu fostna imma għadna ma għarafniehx, jew forsi ma għarafniehx biżżejjed. Tant huwa hekk li dak li qal Pawlu lill-Efesin fil-qari tal-lum inħoss li jgħidu għal ġensna: “Inwissikom quddiem il-Mulej li ma ġġibux iktar ruħkom skond kif iġibu ruħhom il-pagani bil-bluha tagħhom. Il-fehma tagħhom hija mdallma, maqtugħa mill-ħajja ta’ Alla, minħabba l-injoranza spiritwali li għandhom u minħabba l-ebusija ta’ qalbhom”. Anki hawnhekk aħna rridu nkunu kuraġġużi biżżejjed li nħossu fina l-pjaga tal-ġisem, mhux dak fiżiku u soċjali, imma tal-ġisem mistiku li hija l-Knisja.

Quddiem din ir-realtà u quddiem din il-pjaga moħbija naħbtu naqtgħu qalbna, u hawnhekk jien nara fejn tidħol it-tieni parti tal-messaġġ ta’ Kana. Marija, preżenti f’dik il-komunità, tintervieni u ssejjaħ lill-qaddejja u tgħidilhom: “Agħmlu dak li jgħidilkom Kristu”. Hekk għamlu l-qaddejja u l-problema u l-pjaga ġew solvuti. Hekk ukoll tgħid Marija lil din il-komunità u lill-poplu tagħna.

Indur issa fuq il-messaġġ li l-Verġni Marija ħalliet lil Karmni Grima, li jixbah ħafna lil dak li qalet lill-qaddejja f’Kana. “Ejja” f’dan is-santwarju ħalli hawnhekk inti tiltaqa’ ma’ Kristu u, jekk temmen li Kristu huwa tassew l-Iben ta’ Alla u toqgħod għall-Kelma tiegħu, għandu l-qawwa li jfejjaq il-ġrieħi u l-problemi, kemm dawk ta’ natura spiritwali u kemm dawk ta’ natura soċjali. Irridu aħna nemmnu li l-Vanġelu huwa ħmira li tibdel mhux biss il-ħajja interjuri tagħna imma l-ħajja soċjali tagħna? Dan huwa kontribut kbir li tista’ tagħti l-Knisja, u l-kontribut li tagħti int li temmen fi Kristu.

Għalkemm din hija r-realtà tagħna l-lum, aħna ma naqtgħux qalbna għax mimlijin bit-tama u għaliex għandna Omm li, kif interveniet biex issalva lill-familja u lill-komunità ta’ Kana, hekk ukoll tagħmel magħna jekk aħna nħalluha tgħidilna dak li qalet lil Karmni Grima: “Ejja… Ejja għandi ħalli jien inwasslek għand Ġesù. Agħmel dak li jgħidlek Ġesù. Irbaħ dik l-injoranza li jitkellem fuqha San Pawl fl-ittra lill-Efesin, ħalli l-fehma tiegħek tiddawwal minn Kristu li huwa d-dawl, u hekk il-ħajja tagħna ma tkunx maqtugħa minn Alla minħabba l-injoranza spiritwali”. Ħalli l-qlub tagħna ma jkunux tant iebsa quddiem is-sejħa li qed jagħmlilna l-Mulej permezz ta’ ommu Marija.

Meta qegħdin infakkru l-mija u ħamsa u għoxrin sena minn meta, bħal-lum u f’dawn il-mumenti, seħħet waħda minn dawn il-komunikazzjonijiet, ejjew nitolbu lill-Verġni Marija ħalli tgħinna biex inkunu tassew Knisja Marjana. U ngħid “tassew” għaliex id-devozzjoni tagħna trid tkun awtentika. Kif inkunu nafu jekk id-devozzjoni tagħna lejn Marija hijiex awtentika jew le? Jekk dan kollu lilna jwassalna għand Kristu u jekk inħallu lilu jagħtina, permezz tal-Kelma tiegħu, dik il-mediċina li tfejjaq il-pjagi u l-problemi kollha tagħna.

pdf · 52.50 KB Niżżel