L-Ispirtu s-Santu, ir-Riħ li Jkebbes Fina n-Nar tal-Imħabba ta’ Alla
IR-RIĦ LI JKEBBES FINA N-NAR TAL-IMĦABBA TA’ ALLA
Għeżież tiegħi, sa dalgħodu naħseb konna qalbna maqtugħa jekk ir-riħ hux ħa jieqaf! Imma aħna llejla qegħdin nagħmlu l-festa tal-Ispirtu s-Santu, ir-ruah – ir-ruħ ta’ Alla. U allura llejla aħna nixtiequ li jonfoħ dan ir-riħ qaddis! Ir-riħ tal-Majjistral ngħidulu joqgħod ftit ieħor, imma r-riħ ta’ Alla rriduh jonfoħ mhux biss hawn, imma jonfoħ fuq il-poplu tagħna kollu.
Intom tafu li r-riħ jaqla’ u jnaddaf. L-antiki kienu jagħmlu l-qiegħa u kienu jitolbu għar-riħ biex il-qamħ jitnaddaf mill-karfa. U kemm għandna bżonn li l-Ispirtu ta’ Alla jonfoħ fostna biex inaddafna, ħalli jtajjar il-karfa li tinġabar madwarna u fina!
Ir-riħ jaqla’… xi darba jaqla’ siġar li jkunu ilhom is-snin b’għeruqhom imħawlin. Naħseb li intom taqblu miegħi li għandna bżonn ninqalgħu minn ċerti qagħdiet u sitwazzjonijiet li issa ħabtu jdejquna. Ngħidu aħna, il-problemi tax-xogħol, il-problemi tal-finanzi… Kemm kien hemm individwi li weħlu u hemm bżonn illi huma u s-soċjetà jinqalgħu minn ċerti qagħdiet li, jekk itulu, jistgħu jagħmlulna ħafna ħsara! Iva, l-Ispirtu ta’ Alla jrid jgħinna ninqalgħu anki minn dawn il-kundizzjonamenti soċjali li ma jaqblux man-natura tagħna l-bnedmin.
Hemm bżonn li dan ir-riħ jaqlagħna minn ċerti duttrini u tagħlim li neħlu fih u nistgħu niżbaljaw. Hemm bżonn li r-riħ ta’ Alla jaqlagħna minn ċerti qagħdiet fil-ħajja personali tagħna. Kemm-il darba – jiena magħkom – ġie li naqtgħu qalbna li nistgħu ninqalgħu minn ċerta sitwazzjoni! Nitilfu kull tama illi għada jisbaħ jum ġdid fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna, fir-relazzjonijiet tal-familji tagħna, fir-relazzjonijiet bejn gruppi u oħrajn! Naqtgħu qalbna…
Dan biex ma nsemmix, imbagħad, il-ħajja tal-vizzju, ngħidu aħna. Kemm naf persuni li jixtiequ jsibu xi ħadd li jaqlagħhom mill-vizzju, minn ċertu tip ta’ ħajja li mhumiex kuntenti biha imma jsibu rwieħhom maħkumin minnha! Min ħa jaqlagħna? L-Ispirtu ta’ Alla – dan ir-riħ qawwi illi llejla sejrin insejħu fuqna.
Ir-riħ ta’ Alla ma jonfoħx għal wiċċna u jimbuttana lura, bħalma jonfoħ għal wiċċna r-riħ tad-dinja. Imma r-riħ ta’ Alla jimbuttana minn wara biex nimxu ’l quddiem. Jekk toqgħod għar-riħ qawwi, kapaċi jnixxiflek xofftejk, u xħin jaħbat fuq il-ġilda ta’ wiċċna, jagħmlilha l-ħsara. Imma r-riħ ta’ Alla mhux hekk vjolenti. Ir-riħ ta’ Alla jmelles – huwa fewġa ħelwa li tieħu gost biha, bħalma titgħaxxaq b’dik il-fewġa ħelwa ta’ filgħaxija wara l-ġurnata kollha sħana.
Dan hu l-Ispirtu ta’ Alla! U aħna llum ukoll iltqajna hawn biex inkomplu niċċelebraw is-Sena tal-Fidi. Hija l-fidi tagħna f’Alla, fl-Ispirtu s-Santu, li tqanqalna u twassalna biex niftħu l-qlugħ tad-dgħajsa tagħna ħalli timtela b’dan ir-riħ u tofroq il-mewġ, anki jekk il-ħalel tal-baħar ikunu hekk għoljin li naħsbu li sejrin jgħarrquna.
Nirrikkmandalkom biex issejħu iktar l-Ispirtu ta’ Alla, b’mod partikulari lilkom, għeżież adolexxenti. Intom għadkom żgħar, u forsi ma tifhmux dak kollu li qed ngħid illejla, imma l-ġenituri, il-parrini, in-nanniet u z-zijiet tagħkom jifhmuni. Imma intom sejrin tirċievu dan l-Ispirtu ta’ Alla illi bħar-riħ, kif qegħdin ngħidu, jimliena bl-enerġija. Intom tafu li r-riħ ġie li nużawh biex nieħdu l-enerġija tiegħu.
Jien qed niftakar f’ħaġa oħra, u nagħtikom eżempju ieħor. Intom għadkom l-iskola, u tistudjaw l-Istorja! Ġie li qrajtu xi ħaġa fuq dik li tissejjaħ ir-Rivoluzzjoni Industrijali tas-seklu tmintax? Rivoluzzjoni seħħet fid-dinja, b’mod partikulari fl-Ewropa, u ġiebet bidla fil-mod kif il-bniedem jaħdem, u mhux biss; fix-xjenza, fil-kultura, fl-istil tal-ħajja. Aqraw ftit fuq ir-Rivoluzzjoni Industrijali!
X’għandha x’taqsam din mal-festa tal-lejla? Tafu x’kienet il-kawża li ġabet din ir-rivoluzzjoni fl-Ewropa u fid-dinja? In-nar u l-ilma! Għax intebħu li bil-fwar tista’ toħloq l-enerġija. U allura mbagħad it-trasport, ngħidu aħna, ħa qabża ’l quddiem… il-ferrovija, bil-faħam; id-dawl… Għalina llum dawn kollha huma kisbiet li lanqas jgħaddilna minn moħħna kif ġew! Dawn ġew għaliex il-bniedem skopra kemm għandu valur in-nar.
Sinjal jew simbolu ieħor li aħna nassoċċjawh mal-Ispirtu s-Santu hu n-nar. U allura n-nar huwa wkoll riżorsa oħra ta’ enerġija li jekk nużawha tajjeb iġġib rivoluzzjoni. U dan jiddipendi minnkom, minna lkoll: jekk inħallu dan in-nar ta’ Alla, bir-riħ jonfoħ fuqu ħalli jkompli jaqbad, biex lilna jimliena b’enerġija ħalli nġibu bidla għall-aħjar fil-ħajja tagħna, tal-familja, tas-soċjetà tagħna, tal-Knisja tagħna.
Din l-enerġija għandha kelma: hi l-imħabba li jitkellem fuqha l-Vanġelu. L-Ispirtu ta’ Alla hu l-Imħabba divina. Allura nħallu dan in-nar ta’ Alla jaħraqna bħala offerta tfuħ lil Alla l-Imbierek. Inħalluh jimliena bl-imħabba tiegħu, biex din l-imħabba ġġib il-bidla li kull wieħed u waħda minna jixtieq fil-ħajja tiegħu u madwaru.
Għalhekk illejla qed nagħmlu festa: ħalli nħallu r-riħ ta’ Alla jaħdem fuqna, ikebbes dan in-nar divin illi, jekk aħna nħalluh jaħdem fina, iġib bidliet kbar għall-aħjar.