‘L-Ispirtu tal-Mulej Fuqi, għax Huwa Kkonsagrani’
Meta nisma’ s-silta tal-Vanġelu li nqrat fuq Kristu li daħal fis-sinagoga, fetaħ il-ktieb u tenna l-kelmiet tal-profeta Isaija: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani”, jiena niftakar f’silta oħra mill-ktieb ta’ l-Apokalissi fejn San Ġwann jikteb seba’ ittri lil seba’ Knejjes u kull ittra jibdiha hekk: “L-Ispirtu tal-Mulej jgħid lill-Knisja”. U jien, imnebbaħ minn din is-silta fid-dawl tat-tema li qed nirriflettu fuqha llum, nixtieq li nkun naf x’inhu jgħid l-Ispirtu tal-Mulej, mhux lill-Knejjes li lilhom indirizza l-ittri tiegħu San Ġwann, imma x’inhu jgħid l-Ispirtu tal-Mulej lill-Knisja f’Għawdex, li tagħha bħal-lum sena sejjaħli biex inkun qaddej, bħala isqof tagħkom.
Għeżież tiegħi, nitolbu lil Ġesù Ewkaristija, frott ta’ l-Ispirtu s-Santu, ħalli anki aħna, illejla miġburin bħala Knisja flimkien, inħallu l-Ispirtu s-Santu jurina x’irid mill-Knisja tiegħu.
“L-Ispirtu tal-Mulej ikkonsagrani biex inwassal il-Bxara t-tajba”
Kif sa nwassal il-Bxara t-tajba? Jien inkompli nispira ruħi mill-ktieb ta’ l-Apokalissi, fejn f’dawn is-seba’ ittri San Ġwann isemmi x’inhuma l-iżbalji tas-seba’ Knejjes u x’inhu dak li għandu jiġi kkoreġut fi ħdan il-poplu ta’ Alla. Ippermettuli llejla nsemmi tliet għażliet li rridu nagħmlu.
Il-Knisja: don ta’ Alla nieżel mis-sema
L-ewwel u qabelkollox irridu nemmnu iktar li l-Knisja m’hix frott ta’ xi inizjattiva persunali. Il-Knisja m’hix ir-riżultat ta’ konverġenza ta’ ideat umani. Meta qed ngħid “il-Knisja” nifhem il-Knisja fid-diversi livelli tagħha. Irridu nemmnu li l-Knisja hija don ta’ Alla nieżel mis-sema u aħna jrid ikollna dik id-disponibbiltà li nilqgħu dan id-don. Il-Knisja hija misteru u forsi għalhekk mhux dejjem nifhmuha u mhux dejjem ngħixu bil-fedeltà l-vokazzjoni tagħna fi ħdan il-Knisja. Il-Knisja hija t-tinda ta’ Alla fost il-bnedmin. Fil-Knisja m’hemmx post għall-passività u għall-medjokrità għaliex id-doni u l-kariżmi li Alla jxerred fuqna jagħtihomlna biex inħaddmuhom għall-qdusija tal-poplu ta’ Alla. U għalhekk nappellalkom biex inkunu aktar attenti ħalli naraw x’inhuma dawn id-doni u l-kariżmi u l-ministeri. Għadna kif ilqajna fostna numru kbir ta’ adoloxxenti li fix-xhur li ġejjin sejrin nagħtuhom is-sagrament tal-Konfirmazzjoni. Intom taħsbu li l-Ispirtu s-Santu huwa tant xħiħ magħna li f’dan in-numru sabiħ ta’ adoloxxenti m’hemmx kariżmi u doni għas-servizz tal-Knisja u ta’ l-oħrajn? Jien persważ li dawn il-kariżmi qegħdin hemm, imma rridu niskopruhom, u niskopruhom flimkien.
Knisja li tgħix ir-realtà preżenti
Il-Knisja tagħna ma tistax tkun Knisja li tgħix fil-passat u fin-nostalġija tal-bieraħ, imma trid tkun Knisja li tgħix illum. Trid tkun Knisja li, imnebbħa mid-dinamiċità ta’ l-Ispirtu, twettaq ir-riforma li tibda minnha nfisha u ma tiqafx hemm imma tkompli sejra u jkollha r-riflessi tagħha fid-dinja li fiha qegħdin ngħixu. U dan għaliex il-Knisja m’hix magħmula biex tibqa’ fis-sagristija u biex tingħalaq bejn l-erba’ ħitan ta’ dak il-bini li nsejħulu Knisja, imma trid tkun il-melħ tad-dinja, u dan iseħħ jekk aħna nkunu preżenza effettiva fid-dinja tal-lum.
Knisja li tgħix il-misteru ta’ l-Għid tal-Mulej
San Ġwann f’dawn is-seba’ ittri għandu żewġ temi importanti. Lil kull Knisja jfakkarha fil-misteru ta’ l-Għid ta’ Kristu. Huwa Kristu li qam mill-mewt li huwa ċ-ċentru tal-Knejjes li Ġwanni kien qiegħed jindirizza. U anki llum l-Ispirtu jrid jgħidilna li aħna rridu nkunu Knisja li ngħixu l-misteru ta’ l-Għid u li Kristu, li miet u qam, għandu jkun il-mutur u l-eżempju tal-ħajja tagħna ta’ kuljum. Kif tafu, din il-ġimgħa jien kont Ġerusalemm u dħalt nagħmel talba f’dak il-post li huwa s-sinjal li Kristu qam mill-mewt. Dħalt nitlob fil-qabar ta’ Kristu u għamilt talba għalija u għall-Knisja. Jien tlabt lill-Mulej jgħinni biex inkun xhud tal-Qawmien tiegħu. U dan huwa li nappellalkom, għeżież ħuti. Kunu xhieda tal-Qawmien ta’ Kristu. Kunu xhieda tal-ħajja u aħdmu biex tneħħu minn fostna dak kollu li għandu riħa ta’ mewt u dak kollu li jġib il-firda. Kristu, li qam mill-mewt, tana l-ħelsien, u l-Knisja tagħna trid tkun Knisja li ġġib dan il-ħelsien, li m’huwiex biss ħelsien spiritwali imma ħelsien li għandu rifless fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, fis-soċjal tagħna.
Il-ktieb qaddis ta’ l-Iskrittura huwa l-ktieb tal-ħajja tagħna
San Ġwann fl-ittri tiegħu ta’ l-Apokalissi jappellalhom għall-Kelma rivelata. Jien nemmen li anki lilna l-Ispirtu tal-Mulej qed jistedinna biex ngħożżu l-Kelma ta’ Alla. Smajtu esperjenza sabiħa ta’ żewġ familji li jduru madwar il-Kelma u l-Ewkaristija. U bħal dawn il-koppji miżżewġin hawn ħafna. Matul din is-sena li ilni isqof tagħkom jien stajt immiss b’idejja ħafna esperjenzi, fil-parroċċi u fil-gruppi tagħna, ta’ wħud minn ħutna illi jiltaqgħu b’mod regolari biex jagħmluha mal-Kelma. Huma fehmu kif irridu nifhmu lkoll li l-Ktieb qaddis huwa l-ktieb tal-ħajja tagħna.
Waqt li kont f’Betlehem, wara li invistajt il-grotta tat-twelid ta’ Ġesù, żort il-grotta fejn San Ġlormu fit-tmiem tat-tielet seklu mar, f’dak il-post fejn l-Iben ta’ Alla sar bniedem, u ħa f’idejh l-Iskrittura, qagħad jitgħaxxaq biha u jitlob biha. U biex ma jżommhiex għalih ittraduċiha għal-Latin. Frott ta’ dan illum għandna dik it-traduzzjoni għal-Latin ta’ l-Iskrittura li hi msejħa l-Vulgata. U jien f’dik il-grotta għamilt talba oħra għall-Knisja f’Għawdex. Tlabt lill-Mulej biex il-familji tagħna, il-komunitajiet parrokkjali tagħna, il-presbiterja u l-kunventi tagħna, nittrasformawhom fil-grotta ta’ San Ġlormu, biex hekk kull esperjenza li aħna nagħmlu tkun iċċentrata fuq il-Lectio divina, jiġifieri li nieħdu f’idejna l-Kelma ta’ Alla biex nistudjawha, nitolbu biha u napplikawha għal ħajjitna. U għalhekk nappella lilkom, għeżież ħuti fis-saċerdozju, partikularment lilkom, kappillani, biex ngħinu lil dan il-poplu jiskopri iktar il-ġmiel, il-qdusija u t-tjubija tal-Kelma ta’ Alla.
Aħna nixtiequ li nagħmlu mill-ħajja tal-Knisja f’Għawdex ħajja mibnija fuq il-Kelma tal-Mulej. Jiena nemmen li jekk aħna nagħtu widen għal dan l-Ispirtu, aħna nkunu qegħdin nikkontribwixxu biex is-saltna ta’ Kristu Sultan tiġi verament fil-ħajja tagħna u fis-soċjetà tagħna.