L-Isqof Hu Għodda ta’ Komunjoni
Waħda mill-isfidi li għandu l-bniedem tal-lum hija l-frammentazzjoni tal-ħsieb! Fl-assenza tal-ħsieb sod, robust u profond, x’aktarx nimxu bl-emozzjonijiet u skont ir-riħ. Fil-fatt, illum nitkellmu dwar ħsieb dgħajjef. Konsegwenza ta’ dan il-fenomenu, mhux biss ir-realtà saret fluwida ħafna, imma l-għażliet li nagħmlu ma jkunux dejjem l-aħjar, anzi ġieli nisparaw għal riġlejna!
Imbagħad hemm il-frammentazzjoni tal-qalb! Il-qalb tal-bniedem bħal donnha trid tinqasam fuq ħafna oġġetti, tant li l-bniedem mhux biss iħobb b’nofs qalb, imma jħobb b’biċċa qalb lil dak li suppost iħobb b’qalbu kollha. Għaldaqstant, ir-relazzjonijiet umani jsofru ħafna, tant li Baumann jitkellem ukoll fuq imħabba fluwida.
Ġaladarba l-moħħ u l-qalb tal-bniedem ma humiex solidi, iffukati u determinati, allura jinħolqu d-diviżjonijiet fost il-bnedmin. Aktar ma l-fakultà riflessiva u dik affettiva jkomplu jitfarrku f’kompartamenti separati minn xulxin, aktar ser jitfarrku r-relazzjonijiet ta’ bejnietna.
Imma l-għerq ta’ din il-frammentazzjoni kollha jinsab fil-fatt li r-relazzjoni tal-bniedem ma’ Alla mhix daqshekk tajba! Il-komunjoni bejn il-bniedem u Alla xxellfet u għalhekk il-komunikazzjoni bejn it-tnejn issofri. Il-bniedem li ma għandux relazzjoni tajba ma’ Alla lanqas jista’ jkollu relazzjoni tajba ma’ sħabu u mar-realtà ta’ madwaru!
Għalhekk kemm hija f’waqtha t-talba li l-Mulej Ġesù jagħmel fl-Aħħar Ċena meta jitlob lill-Missier biex ilkoll inkunu ħaġa waħda miegħu u bejnietna (ara Ġw 17:21)! Huwa sinifikanti ħafna li inti [, Mons. Alfred,] għażilt bħala motto episkopali tiegħek il-frażi “Ut unum sint”, liema motto jiġbor fih il-missjoni tiegħek: li inti tgħinna nkunu ħaġa waħda! Aktar ma nikbru fl-għarfien u fl-intimità ta’ Ġesù, aktar jirnexxielna negħlbu l-preġudizzji u l-egoiżmi li jbegħduna minn xulxin.
Għażiż Dun Alfred, meta għada ser tirċievi l-Ordni tal-Episkopat bit-tqegħid ta’ jdejn il-Papa Franġisku, int ser tirċievi grazzja speċjali biex bħala Isqof tkun prinċipju viżibbli u fundament tal-għaqda (ara Apostolorum Successores, 58) kemm fl-intern tal-komunità ekkleżjali u kemm fir-relazzjonijiet bejn Knisja u soċjetà ċivili. Il-ministeru tal-Isqof ma jagħmilx sens jekk ma jkunx strument ta’ komunjoni. Is-sagrament tal-Ordni jagħnik bi tliet uffiċċji partikulari li nirrakkomandalek tħaddem biex isseħħ l-għaqda fil-bniedem u bejn il-bnedmin:
(a) Bħala duttur tas-sewwa, bis-saħħa tal-munus docendi, kompli wasslilna l-verità li ddawwal il-menti tagħna. Stinka u qatt tehda biex bħala katekista int twasslilna l-“Kelma ta’ Alla” li għandha qawwa ssaħħan il-qlub.
(b) Bil-qawwa tal-munus regendi, akkumpanja l-poplu ta’ Alla biex ikompli jikseb viżjoni ċara ta’ xi jrid fil-ħajja u jfassal road map li tgħinu jasal biex jikseb dak li jixtieq.
(ċ) Fuq kollox, ħaddem il-munus sanctificandi, biex tqaddisna, fis-sens li tgħinna nsaħħu l-ħbiberija tagħna ma’ Alla permezz ta’ Ġesù Kristu. Għalkemm bħala Nunzju Appostoliku inti trid tara r-relazzjonijiet bejn Knisja u Stat, il-missjoni tiegħek tibqa’ waħda strettament pastorali, biex tgħin lill-Knisja lokali tikber fl-għarfien u fl-għaqda ma’ Kristu.
Jekk tiftakar tajjeb, meta tlieta u tletin sena ilu int u jien irċivejna l-Ordinazzjoni Presbiterali minn idejn l-Isqof Nikol Ġ. Cauchi, dakinhar fl-omelija l-Isqof kien kellemna dwar is-salib. Illum nixtieq nerġa’ nfakkrek dwar is-salib ta’ Ġesù, għax kien minn fuq is-salib li Ġesù ġibed lil kulħadd lejh. Għalhekk, jekk inti trid tkun strument effettiv tal-komunjoni, żomm ħarstek imsammra fuq is-salib u filwaqt li titlob lil Ġesù jgħinek, fittex imitah. Huwa fatt li l-għaqda mhix frott id-djalogu biss, imma wkoll frott it-tbatija li trid issofri waħdek u fil-moħbi. Hemm prezz għoli li trid tħallas biex tegħleb kull xorta ta’ frammentazzjoni: din hi t-tbatija li trid tbati. Fl-uffiċċju tiegħek ser tbati mhux tant għax id-djalogu huwa proċess ikkumplikat u javvanza b’passi ta’ bebbuxu, imma wkoll għax dawk stess li int tħobb u trid tgħin mhux bilfors għandhom għal qalbhom il-komunjoni u għalhekk ma jifhmukx u ma jikkollaborawx miegħek. Imġiba skorretta bħal din ixxoqqlok qalbek b’xafra u int trid tkompli tħobb u tagħder!
Inħeġġeġ lill-komunità Nisranija biex twieżnek bit-talb tagħha f’din il-missjoni delikata li l-Papa qed jafdalek. Jien fiduċjuż li inti għandek dawk id-doni meħtieġa biex inti tagħmel id-differenza f’soċjetà frammentata.