Leah Imlietna bil-Fwieħa
Nara xebh kbir bejn ir-rakkont li għadu kif ixxandrilna (Ġw 12:1-11) u l-ġrajja li qed ngħixu bħalissa. Dakinhar f’Betanja, fid-dar ta’ Lazzru, Marta u Marija kien hemm riħa ta’ mewt, kemm għaliex kienu għadhom kif għaddew mill-esperjenza tal-mewt ta’ Lazzru, u kemm għaliex fl-arja tal-madwar kien hemm diġà l-eku tal-mewt ta’ Kristu. Kristu diġà kellu s-sentenza tiegħu maqtugħa għall-mewt. Hekk ukoll aħna llejla ma nistgħux ma nħossuniex imqanqlin bl-esperjenza ta’ mewt taċ-ċkejkna Leah.
Anki fid-dar tagħkom, Jonathan u Zhana, hemm atmosfera ta’ mewt; imma mhux id-dar tagħkom biss, għax kif tinnotaw minn din il-miġemgħa li ġiet għall-funeral, hawn ħafna fostna illi mnifsejna għandhom riħa ta’ mewt.
Dak li ġara fid-dar ta’ Betanja jien nixtiequ u nitlob illi jiġri fid-djar tagħna. Il-Vanġelu jgħid illi f’mument minnhom id-dar ta’ Lazzru, Marta u Marija mtliet bil-fwieħa. U sinċerament, dan hu li nitlob għal din il-miġemgħa: li b’din l-esperjenza Kristjana tagħna aħna noħorġu minn hawn bi mnifsejna mimlija riħa tfuħ.
X’inhi din ir-riħa tfuħ? Il-Vanġelu jgħidilna illi Marija jkollha libbra ta’ nard ifuħ. In-nard huwa essenza li tfewwaħ ħafna, kważi kważi tifgak. Biex jakkwistaw din l-essenza, l-ewwel isibu xitla tan-nard, “joqtluha” – fis-sens li jaqilgħuha, imbagħad jisħqu l-għeruq tagħha – fis-sens li l-għeruq jiġu mgħaffġa ħalli jkunu jistgħu jiġbru l-essenza tal-fwieħa. Għalhekk, għalkemm il-fwieħa hija sabiħa u ħelwa, hemm proċess ta’ tbatija biex tinkiseb.
F’dan il-proċess tan-nard nara l-proċess li għadda minnu Kristu. F’dak li se niċċelebraw nhar il-Ġimgħa (il-Ġimgħa l-Kbira) qisu hemm il-proċess biex aħna niksbu l-essenza tal-fwieħa min-nard, għaliex meta din “il-pjanta” (Kristu) niżlet mis-Sema, kien hemm min neħħielha l-ħajja! U b’liema proċess neħħielha l-ħajja? Kristu jiġi misħuq, imma mbagħad toħroġ minnu dik il-fwieħa. Il-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej juruna kemm hi profonda l-imħabba li għandu Alla għalina. Din hi l-fwieħa. Ma għandu jkun hawn ħadd minna li jiddubita li ma jistax jindilek b’din il-fwieħa ta’ Kristu, għaliex jekk Kristu għadda minn dan il-proċess, tqil kemm hu tqil, għadda minnu għalik u għalija.
Aħna llum qegħdin insellmu liċ-ċkejkna Leah. Jien nilmaħ fiha dik il-pjanta li għalkemm kienet għadha tiftaħ, inqalgħet, itteħditilna, ġiet litteralment misħuqa u mgħaffġa bil-mard kiefer. Leah għadha ċkejkna u ġarrbet tbatijiet kbar. Imma ħadd ma jista’ jgħid: “Aħjar ma twieldet xejn”, għaliex fiha nara, bħalma nara fi Kristu, dik ix-xitla tan-nard ifuħ li, meta ġiet mgħaffġa, irħiet ħafna fwieħa.
X’inhi din il-fwieħa?
L-ewwel nett, iċ-ċkejkna Leah ħabbet u kienet maħbuba. Dik l-imħabba, anki jekk għal sitt snin biss, mhix mitlufa. Għandha valur. Ħabbet u kienet maħbuba, mhux biss minnkom, għeżież ġenituri u familja tagħha, imma ħabbewha ħafna. Din hija fwieħa li mhix se tintrema. It-tbatija nisslet mewġa ta’ solidarjetà. Smajna bid-diżgrazzja tagħha u tal-familja tagħha, u kienu bla għadd, min b’mod u min b’ieħor, illi ħassewhom imqanqla biex ikunu solidali magħha u mal-familja tagħha. Din is-solidarjetà hija l-fwieħa li ħarġet minn din il-pjanta ċkejkna, Leah.
Niftakruha bħala dik it-tifla li, għaddiet minn xiex għaddiet, nisslet kuraġġ f’ħafna. Ngħidu li kienet tifla qawwija, imma dik il-qawwa tagħha jien konvint li ġġenerat il-kuraġġ f’ħafna, anki f’ħafna morda. Forsi jien stess – jien Isqof – ma nissiltx dak il-kuraġġ li nisslet din iċ-ċkejkna f’pajjiżna u barra minn pajjiżna. Għalija din hija l-fwieħa ta’ din il-pjanta.
Fuq kollox jiena konvint illi bil-marda tagħha, din iċ-ċkejkna kienet kapaċi tqanqal fina mistoqsijiet serji dwar Alla. Konvint li kienet kapaċi, u hi kapaċi, tqabbad ħafna fil-mixja tagħhom wara Kristu. Nemmen li din it-tifla ma twilditx għalxejn – m’għaddietx għalxejn mill-kalvarju tagħha. Imma l-fwieħa tagħha, jekk aħna ma nħalluhiex tinħela, kapaċi wkoll twaħħadna ma’ Kristu msallab.
Il-Vanġelu jgħidilna illi Marija, oħt Lazzru, semgħet li kienu qatgħuha li jixlu lil Kristu biex jagħtuh il-mewt. Għalhekk Marija tagħmel dak il-ġest straordinarju – ġest li kważi ma jiftehimx. Hija tieħu tliet mitt dinar, li dak iż-żmien kienu paga ta’ sena, biex tixtri libbra nard ħalli tidlek lil Ġesù. Mela Marija semgħet li hemm il-mewt imdendla għal Ġesù u tagħmel dan il-ġest daqshekk qawwi: takkwista n-nard u tmur tidlek riġlejn Ġesù kkundannat għall-mewt biex tgħidlu: “Il-mewt mhix kollox, għaliex jien inħobbok!”. Hi u tidliklu riġlejh bin-nard, Marija qed turi lil Ġesù t-tenerezza li kellha lejh u kemm kienet tgħożżu u tapprezzah.
Għeżież tiegħi, jien naħseb li mhux biss Jonathan u Zhana u l-familji tagħhom nefqu ħafna u ħafna, iżda ħafna nies għenuhom biex jixtru din il-fwieħa ħalli jidilku lil binthom. Għalkemm kienu jafu li kienet ikkundannata għall-mewt, riedu juruha l-imħabba, it-tenerezza u l-għożża tagħhom.
Intom taħsbu li dan issa spiċċa? Le. Anki din id-difna, f’età ċkejkna, kienet okkażjoni ħalli ħafna setgħu jgħidu lil Leah: “Aħna ningħataw għalik”, bħalma Marija qalet lil Ġesù.
Għeżież tiegħi, kull wieħed u waħda minna qisu vażett mimli b’din il-fwieħa tan-nard. Illejla jien mhux biss napprezzakom, imma napprezzakom għall-ġenerożità, għall-imħabba, għat-tenerezza li intom urejtu mhux biss mal-familja ta’ Leah, imma li turu ma’ kull bniedem li għandu l-kundanna tal-mewt fuqu jew fuqha. Irrid ninkuraġġikom biex ma tibżgħux tiftħu dan il-vażett kollu fwieħa u mħabba u tferrgħu qatra qatra fuq il-bniedem li hu fil-bżonn.
Komplu poġġu għall-qadi tal-proxxmu l-enerġija, il-ħiliet, il-kompetenzi, il-ħin u l-flus tagħkom. Jekk hemm bżonn, inpoġġu wkoll lilna nfusna biex inkunu bħal dik il-fwieħa li tidlek lill-bniedem li għandu l-kundanna tal-mewt quddiemu.
B’dan il-mod il-fwieħa timla mnifsejna, id-djar tagħna u din il-knisja. Kemm nixtieq li l-knejjes tagħna jfawru bil-fwieħa ta’ dan in-nard, illi mhu xejn għajr tixbiha, simbolu tal-imħabba ġenwina li għallimna Kristu! Din l-imħabba nuruha ma’ Kristu preżenti f’kull wieħed u f’kull waħda minna, speċjalment f’min hu marid, dgħajjef u batut.
U jekk inti taħseb li l-ftit nard li għandek ma tafx tużah, jew trid tpoġġih ma’ ta’ ħaddieħor, fis-soċjetà tagħna għandna għaqdiet ġenerużi illi qegħdin hemm biex jgħinu, biex jidilku bil-fwieħa lill-bniedem batut. Ma nistax ma nsellimx lill-għaqda ta’ Puttinu Cares, illi mhux biss f’dan il-każ, imma f’ħafna każijiet oħra – li naf bihom jien – kienu vażett mimli b’din il-fwieħa tan-nard. Ma beżgħux ixerrduh, jidilku bih lill-bniedem. Illejla wkoll ngħidilhom grazzi, f’isem dawk ħutna illi f’mument jew ieħor kellhom bżonn id-dilka ta’ din il-fwieħa.
Nitlob lil Alla biex il-vażett tagħkom, għaqda ta’ Puttinu, ma jinxef qatt, imma bl-għajnuna ċkejkna jew kbira ta’ kull wieħed u waħda minna, niżguraw li dan il-vażett tal-imħabba jibqa’ jfawwar fuq min għandu bżonn.
Ikun imfaħħar Ġesù Kristu.