Ma Nagħlfux lid-Dragun
Eċċellenza Dr Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta,
Eċċellenza Mons. Alfred Xuereb, Nunzju Appostoliku għall-Marokk,
Eċċellenza Mons. Savio Hon Tai-Fai, Nunzju Appostoliku għal Malta,
Ħuti fis-saċerdozju,
Ħuti Nsara.
Qegħdin flimkien hawn dalgħodu biex niċċelebraw festa kbira, festa lil San Ġorġ, il-qaddis Patrun ta’ din il-Parroċċa. U jiena nixtieq li nwieġbu għal mistoqsija preċiża dalgħodu: Xi tfisser li tkun Ġorġjan ta’ veru?
Ġorġjan ta’ veru jfisser li tkun żagħżugħ. San Ġorġ kien żagħżugħ, mimli ħajja, allura mimli pożittività, ottimiżmu u tama. Żagħżugħ, ħajja li ġejja quddiemek, mhux imdejjaq diġà b’ħajtek, diġà ħajtek tħossha tqila, peżanti. Tkun Ġorġjan ifisser li jkollok ħafna kuraġġ u qawwa… kien bniedem qalbieni San Ġorġ. Kultant jonqosna l-kuraġġ, tonqosna l-qawwa, b’mod speċjali aħna u nħabbtu wiċċna mad-diffikultajiet tal-ħajja. Tkun Ġorġjan ifisser li tkun kapaċi tagħti lilek innifsek, tagħti mill-ġid tiegħek. Tirrakkonta l-istorja ta’ San Ġorġ li ta l-ġid tiegħu kollu lill-foqra. Mhux faċli li tkun Ġorġjan! Tkun Ġorġjan ifisser li saħansitra tagħti ħajtek… iktar diffiċli! Imma dan ifisser li tkun Ġorġjan, din hi l-Festa li qegħdin nagħmlu dalgħodu lil dan il-qaddis kbir. Hija sejħa u sfida qawwija għal kull wieħed u kull waħda minna; imma mhux biss, hija wkoll motivazzjoni, imbuttatura. Għax f’dan kollu, f’li tkun Ġorġjan hemm xi ħaġa sabiħa, li timliek bil-ferħ, bil-hena.
Jiena naħseb li ma nkunx qed nesaġera jekk ngħid li San Ġorġ kien Ewkaristija. Ewkaristija tfisser offerta, tfisser li tgħix ħajtek biex ħaddieħor igawdi minn fuqek u jgħix bik. Tkun l-ikel għall-ħajja, għall-kuraġġ, għat-tama ta’ ħaddieħor. Fl-istorja li jikteb Jacobus de Voragine, il-Legenda aurea, meta jirrakkonta l-ġrajja ta’ meta San Ġorġ jeqred id-dragun, dan il-Patri Dumnikan, li kien Isqof ta’ Genoa, joqgħod attent biex hu u jirrakkonta l-battalja bejn Ġorġi u d-dragun jgħid li Ġorġi ma qabadx u qatlu lid-dragun. It-tfajla rabtet id-dragun biċ-ċinturin tagħha u ħaditu lejn il-belt, u d-dragun inqered meta r-Re u n-nies kollha tal-belt wegħdu lil Ġorġi li se jkunu Nsara. Din għandha tifsira kbira u profonda: l-Insara tal-belt wegħdu li jkunu Ġorġjani, li jsiru huma wkoll Ġorġi, li jsiru bħalu.
Allura xi jfisser tkun Ġorġi, Ġorġjan? Ifisser li tikkumbatti d-draguni tal-ħajja tagħna llum. Liema huma d-draguni li qegħdin jhedduna llum? Fil-Mużew tal-Università ta’ Krakovja, li jissejjaħ il-Mużew Jagiellonian, hemm kwadru rari ta’ San Ġorġ. Jiena ma rajtu mkien iktar; forsi intom attenti iktar minni, forsi rajtuh xi mkien ieħor. Dan il-kwadru antik ħafna jippreżenta lil San Ġorġ li qed joqtol lid-dragun kbir, imma fil-kantuniera tal-kwadru hemm dragun u draguni oħra żgħar li qegħdin jitwieldu. Għax dan id-dragun fl-aħħar mill-aħħar diffiċli ħafna biex neqirduh. Dan id-dragun, li aħna nġibu fl-istatwi u fl-istampi, li San Ġorġ qatel, għadu magħna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Dan id-dragun għandu karatteristiċi li huma tassew tal-biża’.
Dan id-dragun kien fil-kantuniera, fil-ġenb tal-belt. Ma kienx f’nofs il-belt. F’għadira mdardra ’l barra mill-belt. Kważi kważi l-preżenza tiegħu, għalkemm hija theddida, ma tagħtikx fastidju, ma tiftakarx fih il-ħin kollu. Qiegħed fil-ġenb dan id-dragun, bħalma huma d-draguni fl-esperjenza tal-ħajja tagħna, ma jbeżżgħuniex. Imma dan id-dragun kellu karatteristiċi oħra tal-biża’: ma jixba’ qatt, ma xxebbgħu b’xejn. Dan id-dragun kien qiegħed hemm bil-kundizzjoni li kuljum, kull tant u tant, tiġi ppreżentata lilu offerta, vittma. L-ewwel in-nagħaġ u l-bhejjem, imma mbagħad ukoll in-nies, il-bnedmin; saħansitra wasal ukoll biex mess it-tifla tas-sultan. Għalfejn il-poplu tal-belt wasal għal ftehim inkoxju li jitma’ u jagħlef lil dan id-dragun? Kien qed jibża’ l-poplu tal-belt li jekk ma jagħlfux lil dan id-dragun, dan iqum u jeqred il-belt kollha kemm hi. Fil-fatt, araw il-finezza ta’ dan id-dragun, x’kapaċità kellu, illi qiegħed iwerwer lin-nies li jekk ma jagħtuhx l-ikel tiegħu ta’ kuljum, jeqred il-belt; imma fil-fatt, bil-mod il-mod, kien qed jeqred lil din il-belt: l-ewwel l-annimali, imbagħad in-nies, saħansitra wasal għall-istess bint is-sultan, l-eredi tat-tron.
U dawn baqgħu jagħlfuh lid-dragun, sakemm ma tfaċċax xi ħadd li qal: ‘Le, ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk!’. Ipprova jkisser is-sistema – għax kienet saret sistema, sistema ta’ belt, sistema ta’ poplu, bħal ħafna sistemi li aħna ma nindunawx bihom, qerrieda, u li jiġu f’nofsna, li jikluna bla ma nindunaw bħal draguni. Aħna nitimgħuhom, bil-biża’ li se jibilgħuna; imma fil-fatt, mingħajr ma nindunaw, inkunu diġà qegħdin nagħtuhom iċ-ċans li jibilgħuna.
Liema huma dawn id-draguni? Liema hu d-dragun li qed jibla’ bil-mod il-mod il-familja llum? Liema hu d-dragun li bil-mod il-mod qiegħed jibla’ ħafna miż-żgħażagħ? Mhux kull żagħżugħ, mhux kull familja! U liema Ġorġi se jiġi biex iwaqqaf din is-sistema? Liema Ġorġi se jiġi biex jgħid: ‘Le! Id-dragun hemm bżonn li nibdew nattakkawh u ma nagħlfuhx’? U kif se nattakkawh lid-dragun? B’liema stil, b’liema mod? Liema hu d-dragun li bil-mod il-mod qed jibla’ ż-żgħar tagħna, it-tfal tagħna, il-familji tagħna?
Id-dragun tal-familji
Jiena naħseb li ħafna minna ngħixuha. Hija sitwazzjoni li b’mod partikolari l-familji żgħar tagħna qegħdin jgħixu. Forsi ħafna minnhom mhumiex hawn dalgħodu; forsi hawn aħna l-ġenituri tagħhom, in-nanniet tagħhom. Il-problema ta’ ħafna mill-familji żgħar illum hi li, mingħajr ma nindunaw, spiċċajna f’ħalq dragun jismu status, jismu l-klassi fis-soċjetà, jiġifieri li jiena nkun bħall-oħrajn, jew aktar mill-oħrajn, iktar b’saħħti mill-oħrajn ekonomikament, isbaħ mill-oħrajn apparentement, fil-persuna tiegħi, fil-fiżiku tiegħi, iktar importanti mill-oħrajn soċjalment. Dan id-dragun meta se xxebbgħu? Meta tibni l-villa bil-pool? Meta jkollok l-aħħar mudell tal-karozza? Meta se xxebbgħu dan id-dragun? Qatt u qatt! Sa xħin jixorbok, ikissrek, jeqirdek.
Dawn id-draguni li aħna nsibu fl-istorja ta’ San Ġorġ, u li kultant inħarsu lejhom kważi kważi bl-ikrah, għax naħsbu li huma leġġenda jew ħrafa, huma l-verità li ngħixu fiha lkoll kemm aħna. Dan hu l-gwaj: meta aħna naħsbu lid-draguni ma jeżistux, meta aħna naħsbu li l-ħluq miftuħin u l-istonku l-kbir li jibla’ kulma jiġi quddiemu ma għadux jeżisti fid-dinja u fis-soċjetà tagħna.
Kemm hawn koppji u familji li jsiru skjavi ta’ dan l-imbierek dragun! Araw, ftit ilu ħarġu r-riżultati tal-eżamijiet. Jiena niggarantilkom li ħafna ġenituri nkwetaw – u għamlu sew li nkwetaw! Kieku nkwetaw minħabba l-futur tat-tfal, minħabba l-imħabba lejn it-tfal, kienet tkun ħaġa. Imma ħafna mill-ġenituri jinkwetaw għax it-tifel tiegħi mhux bħat-tifla ta’ dik; u għax it-tifla ta’ dak mhix bħat-tifla tal-ieħor. Id-dragun tal-istatus, id-dragun tal-kompetizzjoni, li jġagħalni nħares bl-ikrah lejn it-tifel jew lejn it-tifla tiegħi. U jekk tħares int bl-ikrah lejn it-tifel jew it-tifla tiegħek, min se jħares b’mod sabiħ lejh u lejha? Lil min tistenna li jħobbu lit-tifel tiegħek u lit-tifla tiegħek, jekk int ma tħobbux jew ma tħobbhomx b’mod inkundizzjonat?
Id-dragun taż-żgħażagħ
X’jismu dan id-dragun li qed jibla’ liż-żgħażagħ? Hu d-dragun tan-nuqqas ta’ sens; jew aħjar bil-maqlub, id-dragun tal-eċċitament, id-dragun tal-emozzjonijiet. Hemm bżonn li nħossu xi ħaġa u xi ħaġa kbira. U llum inħossu iktar mill-bieraħ, u għada iktar mil-lum; u pitgħada, jerġa’, iktar mil-lum u lbieraħ. Għax inkella ngħixu bla sens, ħajjitna ma jkollhiex sens. Għiduli intom dan jekk hux dragun li jibla’ kulma jiġi quddiemu! Liema żagħżugħ se jxebbgħu b’dan il-mod lil dan id-dragun! Ma jixba’ qatt u xejn iż-żagħżugħ! F’liema pajjiż iż-żagħżugħ sejjer jissetilja jekk ikollu dan l-ispirtu, li jdur, idur, idur, mhux għax ma jafx fejn se joqgħod, imma għax hu mitluf! Mhux għax ma jsib imkien fejn jista’ jissetilja, imma għax hu mitluf! Nerġa’ ngħid, mhux iż-żgħażagħ kollha, bħalma mhux il-familji kollha.
M’hemmx għalfejn insemmi fuq iż-żgħażagħ, imbagħad, kif nippruvaw insoddu t-toqob ta’ dan il-vojt li ngħixu. Ħafna drabi ż-żgħażagħ tagħna jsiru dragun tagħhom infushom, jeqirdu lilhom infushom, jibilgħu u jixorbu lilhom infushom permezz ta’ ħafna affarijiet. Illum hawn ħafna mezzi, biċċa minnhom legali wkoll!
Id-draguni tat-tfal
B’liema mod it-tfal tagħna qegħdin jiġu miblugħa minn dan id-dragun? Forsi hemm żewġ draguni li lit-tfal tagħna qed jibilgħuhom bil-mod il-mod. L-ewwel wieħed id-dragun ta’ kollox issa, mingħajr ma nistenna, u kif irridu jien. U aħna naqgħu għal din il-logħba, bħalma waqgħu s-sultan u n-nies tal-belt ta’ Silene: tagħti u tagħlef lil dan id-dragun. U dan id-dragun ma jixba’ qatt, dejjem irid. ‘Dan il-mudell tal-mobile mhux biżżejjed għalija; dan il-papoċċ issa għadda żmienu; din il-qmis mhix tad-ditta; dan il-basket tal-iskola qed nistħi mmur bih’. Għiduli intom liema għalf se jxebba’ lil dan id-dragun!
Imma hemm dragun ieħor li lit-tfal tagħna qed jiblagħhom bil-mod il-mod: il-firda tal-ġenituri. Dawn it-tfal tagħna, diġà minn meta għadhom żgħar, jispiċċaw mingħajr ix-xewqat! U jekk inti tispiċċa mingħajr xewqa, ma tafx jekk hux se tqum filgħodu! Għax jekk ma għandekx xewqat, allura x’se tqum tagħmel filgħodu? Ix-xewqat tat-tfal tagħna neqirduhom billi kull xewqa li jkollhom nifgawhielhom mill-ewwel, nagħtuhom dak kollu li jitolbu! Ħaġa tal-għaġeb, aħna mingħalina li b’dan il-mod nistgħu nagħmluhom iktar kuntenti; imma b’dan il-mod it-tfal tagħna qegħdin iktar jintilfu, għax ma jkunux jafu iktar xi jridu, ma jiddistingwux bejn dak li hu bżonn u dak li hu kapriċċ, mhumiex kapaċi jaffaċċjaw lanqas il-minimu tad-diffikultajiet u tat-tbatija. Ħafna drabi dan jiġri iktar u iktar bejn żewġ ġenituri mifrudin. Noqogħdu attenti meta hemm il-firda bejn il-koppja, għax ħafna drabi mingħajr ma nindunaw inkunu qegħdin nagħlfuh lil dan id-dragun. ‘Għax jien irrid nagħtih lit-tifel tiegħu iktar milli jagħtih missieru; ħalli t-tifel tiegħi jibqa’ miġbud lejja iktar milli lejn missieru’. Mingħajr ma nindunaw, ninqabdu f’dawn ix-xbieki ta’ dragun.
Għandna bżonnu lil Ġorġi tagħna li jiġi, u li aħna miegħu – għalhekk Ġorġjani, għax aħna miegħu – nikkumbattu lil dawn id-draguni. Aħna b’mod speċjali, li nissejħu u li nippretendu li aħna Kristjani. Ġorġi kien Ġorġi għax kien Kristjan; aħna qegħdin hawn mhux biss għax Ġorġjani, imma wkoll għax aħna Kristjani.
Id-dragun ta’ taħt nett
Imma taħt nett, taħt dawn it-tliet tipi ta’ draguni li semmejna, liema hu l-agħar dragun ta’ żminijietna? Id-dragun il-kbir li nqbadna ġewwa fih huwa tal-egoiżmu. Kważi kważi ħadd minna ma jgħid: ‘Jien kuntent kif jien, bija nnifsi, bid-doni li Alla tani, bit-tfal li għandi, bid-dar li għandi’. Il-magna li tefagħna fiha l-mudell ekonomiku hi l-materjaliżmu: li inti tixtri xi ħaġa biex mingħalik se taqdi bżonn, u minnha nfisha dik se toħloqlok sitt jew seba’ bżonnijiet oħra. Dan jiġri l-ħin kollu. Jekk tixtri laptop, trid il-wifi; jekk trid il-wifi, tridu mad-dar kollha. Il-magna tal-ekonomija barmitna u ġagħlitna naħsbu magħha, bħalha, tant li qisu qegħdin ilkoll kemm aħna f’ġirja u ma nafux fejn se naslu; kollna kemm aħna b’nifisna maqtugħ, imma ma nafux fejn jew jekk xi darba hux se nsibu l-mistrieħ u l-paċi tal-qalb tagħna.
San Ġorġ sar Ewkaristija
Hawn jiġi Ġorġi, fuq iż-żiemel abjad – jgħidilna Jacobus de Voragine – bis-salib, u lis-sultan ts’ Silene jgħidlu: ‘Neqirdu lid-dragun, imma biex neqirdu, tridu lkoll issiru Kristjani’. Mhux rikatt! Ġesù Kristu qatt ma rrikatta lil ħadd. Imma hija proposta, jekk irridu tassew li nkunu Ġorġjani. X’għamel San Ġorġ? Minflok li jinqabad f’din ix-xibka, f’dan il-mekkaniżmu, f’din id-dinamika tad-dragun, illi l-ħin kollu jiġbed għalih, ifittex għalih – irrid jien, il-familja tiegħi, it-tfal tiegħi, jien u jien, il-ħin kollu – qabad u mar hu jaffrontah lid-dragun. U jekk kien hemm bżonn, kien jispiċċa ikel tad-dragun.
Weġbuni għal din il-mistoqsija: San Ġorġ spiċċa ikel tad-dragun jew le? Tertqu d-dragun lil San Ġorġ! Kieku m’aħniex niċċelebraw il-Martirju tiegħu! U hawn jerġa’ iktar iebes għalina l-Kristjani. Imma din hi l-isfida! San Ġorġ ta mhux biss ġidu, mhux biss il-qawwa tiegħu, mhux biss id-daqqiet tal-lanza, imma ta lilu nnifsu fil-martirju. San Ġorġ sar Ewkaristija, sar ħobż mitħun; biex meta belgħu d-dragun, id-dragun beda bil-mod il-mod imajna. Meta d-dragun jibla’ l-imħabba u l-ġenerożità tal-Kristjani, meta aħna tassew nagħmlu għażliet differenti mill-bqija tal-oħrajn, mhux bil-paroli biss; meta ngħid: ‘Din il-karozza biżżejjed għalija, m’għandix għalfejn ikolli liema mudell’, meta ngħid: ‘Ma jimpurtax jekk it-tifel tiegħi jmur b’papoċċ li mhux tal-aħħar stil’ – naf li dawn huma sfidi, imma din hi r-realtà – hekk inkun tassew Ġorġjan. Jekk jien għandi fejn noqgħod, fejn niekol, fejn norqod, m’għandix bżonn li jkolli dar bil-pool, biex meta nara fuq Google Maps noqgħod nitgħaxxaq bil-pool li għandi fid-dar u ngħid: ‘Ara kemm m’hawnx pools hawn f’dawn l-inħawi, imma ara, din bluna għax hawn il-pool’! Meta jien nikkuntenta b’dak li jien, u nipprova nkun ġeneruż u nagħti biċċa minni lil ħaddieħor, nagħti lili nnifsi lill-oħrajn, mill-ħin tiegħi, mill-flus tiegħi, mill-enerġija tiegħi, mill-pariri tiegħi, hemmhekk id-dragun jibda jiddgħajjef, ma jibqax jirraġuna.
Insiru Ewkaristija, bħalma Ġorġi sar Ewkaristija, ħobż mitħun. Minn hawn u ftit ieħor se nirċievu lil Ġesù: hu jagħti lilu nnifsu kontinwament, bħalma Ġorġi ta lilu nnifsu għall-martirju. Ġesù Kristu jagħti lilu nnifsu kontinwament lilna li aħna dgħajfin, niżbaljaw, biex jagħtina l-qawwa u l-enerġija, ħalli aħna wkoll insiru Ewkaristija.
Għamiltu Kappella tal-Ewkaristija. Kemm hi xi ħaġa sabiħa l-kappella, imma tibqa’ biċċa arti, xi ħaġa ta’ mużew, jekk l-Ewkaristija ma tiġix stampata fil-qalb ta’ kull wieħed u kull waħda minna. Sabiħa u importanti dik, imma kemm hi iktar importanti l-Ewkaristija li timxi, l-Ewkaristija li tħobb, li huwa int, u li huwa jien! Kemm hi importanti dik l-omm li ma toqgħodx tara l-karriera! Il-karriera hija importanti, imma iktar importanti mill-familja, mit-tfal, mill-persuni? L-istatus huwa iktar importanti min-nies? Kemm hu sabiħ li jkun hawn iktar żgħażagħ li, ma’ dawk li hawn diġà, jagħmlu volontarjat! Iż-żgħażagħ huma mimlija b’enerġija, u jħobbu jagħtu lilhom infushom, jagħtu minn tagħhom, ġenerużi immens. Kieku jkun hawn inqas żgħażagħ dipressi u ‘mimdudin’. Iż-żgħażagħ illum qed isejħulhom the horizontal generation, għaliex sintendi jorqdu mimdudin, meta jorqdu; jieklu mimdudin, jaraw it-televiżjoni mimdudin, jistudjaw mimdudin, jilagħbu bil-mobile mimdudin, jitkellmu ma’ xulxin mimdudin.
Id-draguni tas-saċerdoti
Qegħdin niċċelebraw l-40 sena ta’ żewġ saċerdoti: Mons. Alfred Xuereb u Mons. Joe Zammit. Mimlijin bid-difetti aħna, kollna kemm aħna, u ħafna, mhux wieħed jew tnejn. Imma almenu fl-intenzjoni għandna li nkunu ġenerużi, li nippruvaw inkunu ħobż; forsi għalhekk l-iskandli tagħna jidhru ikbar; għalhekk meta ngħaffġuha aħna, kulħadd jagħmel storbju… għax tistennew minna aħjar, u bir-raġun, għalkemm aħna bnedmin bħal kulħadd, bħal ħaddieħor. L-iskop tagħna huwa wieħed biss: li nkunu Ġorġjani, li nkunu Ewkaristija, li nagħtu lilna nfusna. M’hemmx skop ieħor. Jekk ma’ dan jitħalltu skopijiet oħra – u b’xorti ħażina jistgħu jieħdu l-ewwel u t-tieni post, minflok dan – aħna falluti, belagħna dragun. Għax aħna wkoll għandna d-draguni tagħna: id-dragun tal-apparenza, tal-karreriżmu, tal-poter: ‘Hawn nikkmanda jien, hawn immexxi jien’. Dawn huma wkoll draguni tagħna l-qassisin.
Ejjew nitolbu lil San Ġorġ biex verament jistampa lil qalbu f’qalbna.