Mandat biex Inxandru l-Kelma
Il-bniedem mingħajr is-sens tar-raġuni u tar-rażan
Forsi jkun hemm min jgħid li din il-laqgħa tagħna llum u hawnhekk tistona, meta hemm barra għaddej ir-renju tal-bluha tal-Karnival. Imma jiena nara li hija providenzjali li qegħdin nassistu u nitolbu għal dawn il-ħames seminaristi propju f’din iċ-ċirkustanza, għaliex il-Karnival dejjem kien Karnival! Jekk nanalizzaw ftit l-istorja ta’ ċerti kulturi fejn hemm il-Karnival aħna nindunaw li dawn il-jiem tal-Karnival, li jiġu qabel jibda r-Randan, huma jiem fejn wieħed donnu jkollu l-liċenzja biex ineħħi ftit mir-rażan fuqu nnifsu u jagħmel ċerti affarijiet, dejjem imma jekk isiru b’ċertu kontroll u rispett, liema kontroll u rispett sfortunatament m’humiex dejjem osservati.
Imma li jħassibna għandu jkun li l-bniedem jieħu din il-liċenzja mhux biss f’dawn il-jiem imma s-sena kollha, u li qiegħed jitlef kull sens ta’ kejl ta’ raġuni u ta’ rażan. Jekk aħna rridu nkunu pożittivi għandna nosservaw x’inhu jiġri ħalli naraw tassew x’hemm fil-qalb tal-bniedem. L-imġiba fit-toroq tagħna tixhed fejn hi l-qalb tagħna llum. Jekk hemm ċerti esaġerazzjonijiet f’kull forma tagħhom dan għandu jkun għalina ta’ sinjal biex nagħmlu daqsxejn ta’ x-ray ta’ dawn l-esaġerazzjonijiet, li forsi mhux dejjem jidhru imma qegħdin hemm.
Soċjetà mgħobbija b’ħafna weġgħat
Jien naħseb li l-vanġelu tal-lum ikompli jgħinna biex naqraw din ir-realtà, għaliex meta ngħid li s-sena kollha ngħixu mingħajr rażan u li tlifna s-sens tal-kejl fil-ħajja morali u fil-ħajja reliġjuża tagħna allura jiena nistħajjel li f’dak il-paralitiku li jippreżentaw lil Kristu biex ifejqu hemm is-soċjetà tagħna, li saret qisha dak ir-raġel magħtub; soċjetà li tilfet il-libertà u li hija mgħobbija b’ħafna weġgħat li jikkawżahom il-bniedem stess.
Quddiem din ir-realtà x’għandha tkun l-attitudni tagħna? Jien naħseb li l-ewwel ħaġa li tiġina f’moħħna hija li nikkundannaw. Kristu ma kkundannax, imma l-Kelma ta’ Kristu kienet tant qawwija li lil dan il-magħtub għenitu biex jerġa’ jirkupra s-saħħa tiegħu. Kristu għen lil dan il-magħtub ħalli jeħles mill-vera raġuni li kienet qed ittaqqallu l-ħajja tiegħu u li kienet qed tifilġu. X’kien qed jifilġu? Mhux il-fatt li riġlejh ma kinux jagħtuh biex iqum fuqhom u jimxi, imma dak li kien qed jifilġu kien id-dnub, u għalhekk Kristu jgħidlu: “Dnubietek maħfura”. Din hija l-qawwa tal-Kelma ta’ Alla li lilna teħlisna mill-jasar tad-dnub, tgħinna niskopru d-dawl biex inkeċċu d-dlam, tgħinna nagħrfu x’inhi l-verità biex nevitaw l-iżball, u tagħmilna tassew ħielsa. Il-missjoni tal-Knisja hija li tara x’inhi l-ħtieġa vera tas-soċjetà tagħna, u meta qed ngħid is-soċjetà nifhem il-bnedmin. Il-Knisja trid tara x’inhi l-ħtieġa vera tagħhom u tipprova twasslilhom lil Kristu u tħabbrilhom il-Bxara t-Tajba. B’dan il-mod kull fejn hemm it-tbatija u xi forma jew oħra ta’ jasar, u fejn il-bniedem iħossu marbut mal-friex tiegħu u m’għandux il-ħila li jqum fuq riġlejh u jimxi, il-Knisja tkun għalih forza li teħles lill-bniedem f’isem Alla.
Il-Kelma ta’ Alla trabbi mill-ġdid il-muskolatura tas-soċjetà
U għalhekk jien għidt fil-bidu li ċ-ċirkustanza tal-Karnival hija providenzjali meta aħna llum qegħdin nassistu għal din il-liturġija li fiha dawn il-ħames seminaristi sa jingħataw b’mod uffiċjali mill-Knisja l-ministeru tal-Lettorat, jiġifieri l-ministeru li huma jxandru l-Kelma. Fil-formula li l-liturġija tippreskrivi jien sa ngħid lil kull wieħed minnhom: “Jien nafdalkom il-Kelma ta’ Alla. Qisu li din il-Kelma ta’ Alla xxandruha”. Intom tistgħu tgħinu lill-Kelma ta’ Alla trabbi mill-ġdid il-muskolatura tas-soċjetà tagħna u hekk ikollha l-forza biex tieqaf fuq riġlejha. Għax, maħbubin tiegħi, tlifna dik il-forza li nqumu fuq riġlejna u li nibqgħu weqfin.
Il-vanġelu jagħmel dettall fil-bidu tiegħu u jgħid li d-dar kienet mimlija bin-nies biex jisimgħu l-Kelma ta’ Alla. Kristu kien jgħallimhom. Jien dan li nawguralkom: illi tagħmlu impenn fuqkom infuskom ħalli dik id-dar li tgħammru fiha, li tista’ tkun il-knisja, id-dar tad-duttrina, id-dar fejn jinġabru ż-żgħażagħ jew id-dar fejn issir xi esperjenza kateketika, tkun mimlija. Intom tafu li bħala frott tal-Missjoni li qegħdin niċċelebraw aħna rridu li fid-djoċesi tagħna jitwettqu, u jekk hemm bżonn anki jiinħolqu, esperjenzi ta’ katekeżi, hi liema hi l-forma tagħha. Il-Knisja hija mżejna b’ħafna esperjenzi. Xi wħud minnhom inġarrbuhom u doqna l-barka tagħhom, imma hemm esperjenzi oħra li huma ġodda. Ejjew nippruvawhom u ma nxekklux l-Ispirtu. L-importanti huwa li l-mira tagħna tkun li nwasslu l-Kelma f’ħinha u barra minn ħinha, ħalli ngħinu lill-bniedem ikeċċi d-dnub u jkun tassew hieni bħala iben jew bint ta’ Alla. Allura nawguralkom li f’dawk l-ambjenti li fihom intom sa ssibu ruħkom, għax fihom intom mibgħuta, u f’inizjattivi oħra li intom tidħlu għalihom ikollkom id-dar mimlija. Intom ikollkom id-dar mimlija jekk intom tgħinu l-poplu ta’ Alla u ta’ gżiritna jistenbaħ u jaġixxi fil-ħin, ħalli ma nibqgħux ngħixu taħt ir-renju tal-bluha.
Knisja ffurmata minn komunitajiet żgħar
Kont qed naqra analiżi li għamel wieħed storiku Ingliż fuq iċ-ċiviltà Kristjana fl-Ewropa, u dan jgħid li jekk l-Ewropa trid tqum fuq saqajha hemm bżonn li terġa’ tirkupra dak li huwa tajjeb f’din iċ-ċiviltà tal-Vanġelu. Dan il-kliem qalu wieħed storiku u mhux teologu jew pastoralista. Huwa jgħid li s-soluzzjoni nsibuha jekk ikollna gruppi żgħar li huma fil-minoranza imma huma kreattivi. U jien nara li f’din il-proposta hemm dawl fuq kif aħna jkollna Knisja li hija ffurmata minn komunitajiet żgħar li huma kreattivi u li l-qawwa kreattiva tagħhom tiġi mhux mill-intelliġenza tagħna u mill-kapaċitajiet naturali tagħna imma mill-Kelma ta’ Alla, dik il-kelma u l-qawwa ta’ Alla li lill-magħtub qaltlu: “Qum u imxi”.
Mandat biex ixandru l-Kelma
F’dan iż-żmien ta’ grazzja, iż-żmien tal-Missjoni Djoċesana u ż-żmien tar-Randan li sa nibdew nhar l-Erbgħa, sejrin nagħmlu proposta, kif diġà mitkellma mal-kappillani tagħkom, biex insaħħu dawn il-gruppi minoritarji jew, jekk hemm bżonn, noħolquhom, ħalli fihom nagħmlu l-esperjenza tal-Kelma u hekk dawn id-djar ikunu jagħtu servizz mhux lilna persunalment imma lis-soċjetà, u ngħinuha tirkupra s-saħħa tagħha. Imma biex ikun hemm dawn il-komunitajiet żgħar għandna bżonn min ixandar il-Kelma. Sa jkollna lil dawn il-ħames seminaristi li llum sa nagħtihom il-mandat u l-ministeru uffiċjali biex iwettquh, dejjem f’fażi li nittamaw li twassalhom għall-presbiterat; imma magħhom hemm oħrajn. Għandna katekisti oħrajn li diġà qegħdin f’din il-ħidma, imma għandna bżonn ta’ iktar katekisti. Jien nemmen li kif fil-jiem li għaddew l-Ispirtu ta’ Alla qajjem moviment ġdid minn fostkom il-lajċi u r-reliġjużi biex għamiltuha ta’ missjunarji u mortu għand il-familji, hekk issa, jekk aħna noqogħdu attenti, niskopru dawn il-ministeri li jxandru l-Kelma fi ħdan il-Knisja u fi ħdan il-komunità.
L-“iva” li smajna minn dawn is-seminaristi x’ħin ir-Rettur ippreżentahom għandha timlilna l-pulmun b’nifs ġdid. Ejjew ma nħallux din l-“iva” waħidha imma nakkumpanjawha u nsegwuha bil-preżenza u l-ħidma tagħna lkoll.