Aqbeż għall-kontenut

Marija Omm Tagħna Lkoll

Mhix ħaġa sabiħa li wieħed isib ruħu ltim! L-orfni ma huwiex biss dak li jitwieled u ma jkunx jaf il-ġenituri tiegħu; imma kull wieħed u waħda minna xi darba jew oħra jduq il-morr tal-esperjenza tal-iltim. Fil-fatt, fil-ħajja hemm fażi fejn ngħajtu “pa” u “ma” u ħadd ma jweġibna lura. Tkun iltim ifisser li titlef dik l-għożża li ssib żgur fil-ġenituri tiegħek, anki jekk tkun għamilt żbalji kbar f’ħajtek. Tkun orfni jfisser titlef riġlejk u għalhekk tkun trid tagħmel impenn aktar qawwi biex terġa’ tqum – għax sa meta jkun hemm il-missier u l-omm, l-ulied għandhom moħħhom mistrieħ li jistgħu jirrikorru għandhom u jsibu fihom l-għerf u l-faraġ. Anki jekk il-ġenituri ma għandhomx il-formazzjoni li għandhom l-ulied illum, imma għandhom qalb li teħber, ġeneruża u taf tagħti pariri li wieħed jista’ joqgħod fuqhom. Tkun iltim ifisser li tkun tlift il-punti fermi ta’ ħajtek. Għalhekk l-iltim huwa dak li huwa ttentat jaqa’ fis-solitudni interjuri.

Anki s-soċjetà tagħna qed idduq xi tfisser tkun orfni, għax bħal donnu d-dinja ma tafx fejn poġġiet il-fus li ddur fuqu!

Imma llum qegħdin niċċelebraw is-Solennità ta’ Marija Omm Alla. Għalhekk, jekk fil-ħajja ta’ kuljum tagħna hemm waqtiet fejn inħossuna orfni, illum intenni lili nnifsi u lilkom li aħna qatt ma aħna orfni, għax Ġesù tana lil Ommu bħala Omm tagħna lkoll. Din l-Omm għandha riserva ta’ tenerezza kbira għal uliedha, ukoll għal dawk l-ulied imqarba jew li saħansitra ma jirrikonoxxuhiex bħala ommhom. Liema omm, ikunu kemm ikunu mqarba wliedha, sejra tiċħdilhom il-maternità! Din hija l-Omm tagħna tas-Sema. Il-Papa Franġisku jirrakkonta kif meta kien Buenos Aires kien jgħaddi minn quddiem il-ħabs u jara għadd ta’ ommijiet jistennew biex jidħlu ħalli jaraw lil uliedhom li kienu qed jiskontaw sentenza. L-omm ma tistħix tirrikonoxxi lil uliedha, anki jekk huma delinkwenti (ara Katekeżi fl-Udjenza ġenerali, 14 ta’ Ġunju 2017). Hekk ukoll Marija: hija tibqa’ tħobbna, għax aħna wliedha anki jekk aħna midinbin. Ħafna drabi nibqgħu lura milli nintefgħu fi ħdanha għax naħsbu li Marija hija Omm it-tajbin u l-perfetti. Jekk Marija hija Omm il-qaddisin biss, allura nibża’ li wliedha huma ftit, għax ħajjitna hija nisġa ta’ qdusija u fallimenti, dwal u dellijiet.

Marija hija Omm Ġesù kkundannat, imneżża’ mid-dinjità tiegħu, miċħud, imwarrab u msallab. Għalhekk hija tifhimna meta aħna nkunu msallbin – meta jfettlilna ninżgħu jew meta jneżżgħuna mid-dinjità tagħna. Hija qatt mhi ser iddawwar wiċċha minna, lanqas meta jkollna fuq rasna l-kundanna u jaqtgħuna mill-bqija tas-soċjetà u tal-Knisja.

Kien Ġesù nnifsu li qalilna li ma aħniex orfni. Proprju fid-diskors li huwa għamel fl-Aħħar Ikla mad-dixxipli tiegħu qabel ma beda t-triq tal-Kalvarju, Ġesù għamel din l-affermazzjoni: “Ma nħallikomx iltiema” (Ġw 14:18). F’dan il-kuntest Ġesù jwiegħed li ser jibgħat l-Ispirtu s-Santu, ifakkarna fl-imħabba li l-Missier għandu għalina, u ftit sigħat wara minn fuq is-salib jagħtina lil Ommu bħala Ommna: fil-persuna ta’ Ġwanni meta jgħidlu “Hawn hi ommok” (Ġw 19:27), Ġesù kien qiegħed jindirizza lilna. ‘Ma nħallikomx iltiema, għax Marija hija Ommkom’. Kliem ta’ faraġ li jgħinna noħorġu minn dak il-kumpless negattiv li semmejt fil-bidu.

L-istorja tal-Knisja tgħidilna li meta fit-22 ta’ Ġunju 431 il-Konċilju ta’ Efesu ddikjara li Marija hija Omm Alla, kien hemm festi kbar fil-belt. In-nies ħarġet tifraħ għax il-Knisja kienet ipproklamat lil Marija bħala Omm Alla; imma l-poplu, li kien jemmen li Marija hija Ommu, feraħ ukoll għax ra li l-Knisja qed tirrikonoxxi dan it-twemmin tiegħu. Nifirħu għalhekk illum, Festa ta’ Marija Omm Alla u Omm tagħna. San Ċiprijanu jgħid li ma jistax ikollok lil Alla bħala Missier jekk ma jkollokx lill-Knisja bħala omm. Fid-dawl ta’ dan, devot kbir tal-Madonna, San Lwiġi Marija Grignon de Montfort, jgħid li “wieħed ma jistax ikollu lil Alla bħala Missier jekk ma jdurx lejn Marija bħala Ommu” (Il-vera devozzjoni, 30). Anzi, hija Marija li tgħinna niskopru l-paternità tal-Missier. Forsi din hija waħda mir-raġunijiet għaliex il-bniedem tal-lum qed inin fil-fidi: għax ma għadux ifittex u jafda f’Marija.

San Lwiġi Marija Grignon de Montfort jgħid li Alla kellu bżonn ta’ Marija (affermazzjoni qawwija), u li l-bniedem jeħtieġ lil Marija biex ikun jista’ jersaq lejn Alla. “Il-bniedem ma jistax jidħol f’għaqda intima ma’ Ġesù u jgħix b’fedeltà perfetta għat-tnebbiħ tal-Ispirtu s-Santu jekk ma jkunx magħqud ma’ Marija u ma jħossux dipendenti mis-sokkors tagħha” (Il-vera devozzjoni, 43). U teologu lajk Ortodoss, Pavel Evdokimov, jgħid li llum ukoll “mingħajr mara (Marija) Alla ma jistax jitwieled”.

Aħna qegħdin niċċelebraw is-Sena Marjana fl-okkażjoni tal-erba’ mitt sena tal-Kwadru mirakuluż tal-Madonna Ta’ Pinu. Fil-ġrajja ta’ Ta’ Pinu hemm kemm Karmni Grima, li semgħet lill-Madonna ssejħilha, u hemm ukoll l-esperjenza ta’ Franġisk Portelli, kontemporanju ta’ Karmni, li sema’ lill-Madonna tirrakkomandalu biex ikollu devozzjoni lejn il-pjaga l-moħbija li ġarrab Ġesù meta refa’ s-salib.

Meta nitlob lill-Madonna tagħtina dawl dwar din il-pjaga l-moħbija ta’ Binha, inħossha tgħidilna li f’din il-pjaga hemm miġbura l-pjagi mistura tagħna l-bnedmin. Din l-Omm kienet li qatt ma ħalliet lil Ġesù waħdu, u qatt ma hi ser tħallina waħidna: għandha qalb tħabbat għall-pjagi tal-umanità, u t-talba ta’ interċessjoni tagħha lil Ġesù li hi tagħmel għalina hija balzmu li jfejjaq dawn il-pjagi. Huma diversi l-pjagi ta’ dawk li qed jerfgħu s-salib tqil tal-ħajja: jiġuni f’moħħi l-pjagi moħbija tal-familji tagħna; il-weġgħat profondi ta’ dawk li għaddejjin mid-dubji tal-fidi; it-tbatija ta’ min tfixkel (jew ġie mfixkel) fil-mixja tiegħu fil-Knisja; l-għeja ta’ dawk li għandhom xi diżordni morali f’ħajjithom… Lil dawk kollha li għandhom pjagi miftuħa nirrakkomandalhom biex, fid-dawl tal-messaġġ li rċieva Franġisk Portelli, ifittxu kenn għand il-Madonna Ta’ Pinu.

Bdejna sena ġdida. Ma nħossuniex orfni. Alla l-Missier mhux ser jinsiena – jieħu ħsieb l-għasafar tal-ajru u l-fjuri tal-widien, ser jinsa lilna? Misjuq minn imħabbtu lejna, Ġesù tana lil Ommu bħala Ommna. Ħa tkun din is-Sena Marjana opportunità ta’ grazzja biex aħna nikbru fl-għożża tagħna ta’ Marija. Billi fl-Ewwel tas-Sena s-soltu jsiru xi proponimenti, nagħmel stedina biex kuljum insibu mod kif noqogħdu f’ħoġor Marija u ninnamraw magħha! Dan nistgħu nagħmluh waqt it-talb. Ħasra li llum iċċantajna t-talba tar-Rużarju. Min ma għandux ħin biex jitob bir-Rużarju, nirrakkomandalu dak li Marija qalet lil Karmni Grima: għid tliet Ave Marijiet f’ġieħ it-tlett ijiem li Marija damet fil-qabar qabel ma ttellgħet fis-Sema bir-ruħ u l-ġisem. Hekk bil-mod il-mod nidħlu f’relazzjoni ma’ din l-Omm tas-Sema. Il-fidi tagħna mhix teoriji jew duttrina biss, imma relazzjoni ma’ Ġesù u ma’ Marija. Ammen.

pdf · 55.97 KB Niżżel