Aqbeż għall-kontenut

Marija Xhud tal-Qawmien

Il-qawmien ta’ Kristu mill-mewt mhux xi teorija jew “thewwid”, imma ġrajja li seħħet fl-istorja u għadha sseħħ illum fil-ħajja tagħna – dejjem jekk meta Ġesù jħabbtilna, aħna ma nagħmlulux reżistenzi imma niftħulu. Il-Qawmien jikkonferma l-identità ta’ Ġesù li hu l-Iben ta’ Alla. Jekk nhar il-Ġimgħa l-Kbira Ġesù ħassu abbandunat mill-Missier, il-qawmien tiegħu huwa prova li l-Missier sema’ l-karba tiegħu. Għax kif jgħid Ġesù stess, “f’dak il-jum intom tagħrfu li jien f’Missieri” (Ġw 14:20).

Imma daqskemm il-Qawmien jitfa’ dawl fuq il-persuna ta’ Kristu, daqshekk ieħor jixgħel dawl fuq il-persuna ta’ Ommu Marija. Għax mill-fatt li l-ġisem ta’ Kristu Rxoxt huwa l-istess ġisem li ssawwar fil-ġuf ta’ Marija ta’ Nazaret, il-komunità Nisranija tal-bidu tgħallmet tqim lil Marija bħala Omm Alla.

Meta Kristu twieled mill-ġdid fil-qabar, il-Knisja tal-bidu bdiet tistaqsi kif dan Ġesù Rxoxt kien libes il-laħam fi ħdan Marija. Għalhekk, wara li seħħ il-qawmien, ir-Ragħajja tal-ewwel komunitajiet Insara bdew jgħidu: “Ejjew immorru Betlehem ħalli naraw x’ġara” (Lq 2:18). Bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, il-Knisja għarfet li fiż-żewġ mumenti – fit-twelid u fil-qawmien – kien hemm Omm Ġesù. Fil-fatt, għadd ta’ Missirijiet tal-Knisja, fosthom Massimu minn Turin (350-427) u Santu Wistin (354-430), jaraw xebh qawwi:

bejn il-qabar ġdid (verġni) fejn difnu lil Ġesù, il-ġuf tal-qawmien, u l-ġuf verġni ta’ Marija fejn tnisslet il-ħajja;

bejn il-faxex li fisqietu fihom Marija u l-faxex li fihom tkeffen Ġesù fil-qabar;

bejn il-maxtura fejn Marija poġġiet it-tarbija u l-qabar fejn poġġew il-ġisem mejjet ta’ Ġesù;

fil-qabar il-miraklu seħħ bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu (Rum 8:11) u l-istess Spirtu s-Santu niżel fil-ġuf ta’ Marija.

Li Marija kienet preżenti meta twieled Ġesù huwa rrakkontat fil-Vanġeli; imma fl-istess Vanġeli ma nsibu ebda ħjiel li Marija kienet preżenti dakinhar li Ġesù ħareġ mill-qabar. Romano Guardini jgħid li ma ntqal xejn dwar Marija f’dak il-mument biex Marija tibqa’ moħbija. Skont il-biblista D. Ambrogio, is-skiet tal-Vanġeli dwar Marija huwa skiet ta’ mistħija!

Hemm kunsens unanimu fost il-Missirijiet tal-Knisja u hija fehma komuni fost it-teologi li meta Ġesù qam mill-mewt, hu wera ruħu lil Marija Ommu qabel kulħadd. “Hija konvinzjoni tal-Knisja tal-Lvant li l-Verġni ma setgħetx tkun maqtugħa mill-privileġġ li kellhom in-nisa twajba u kienet hi l-ewwel waħda li rat lil Binha Rxuxtat”. It-teologu Biżantin Girgor Palamas, meqjus bħala dak li jħares it-tradizzjoni glorjuża tal-patristika Griega, jgħallem li “t-tħabbira tal-Qawmien tal-Mulej l-ewwel u qabel kulħadd, kif kien konvenjenti u ġust, saret lil Omm Alla. Kienet Marija li gawdiet il-familjarità divina tiegħu mhux biss għax rat b’għajnejha u semgħet b’widnejha, imma hi biss messet b’idejha r-riġlejn qaddisa tiegħu. L-evanġelisti ma qalux dan b’mod ċar biex ma jippreżentawx lil Marija bħala xhud tal-qawmien u hekk inisslu suspett f’dawk li ma jemmnux. Biex proprju tkun hi l-ewwel waħda, infetaħ il-qabar li minnu ħarġet il-ħajja. Kien minħabba fiha li l-anġlu għamel dak il-beraq, għax peress li kien għadu d-dlam, f’dak id-dawl hija setgħet tara mhux biss il-qabar vojt imma anki l-faxex mitnija”.

L-istess ħsieb insibu fil-Knisja Latina. Sant’Ambroġ (340-397) jafferma li Marija kienet l-ewwel persuna li emmnet fil-qawmien ta’ Kristu. San Ġirolmu (347-420) jgħid li wara li Ġesù tela s-Sema, Marija kienet titkellem max-xhieda tal-Qawmien u hi stess kienet l-ewwel xhud tal-Qawmien. San Idelfonsu minn Toledo (670-667) huwa ċert mit-teofanija tal-Mulej lil Ommu, xhud prinċipali tal-Qawmien. Huwa jikteb li “fil-ġisem glorjuż ta’ Kristu l-Omm fil-lejl tal-Għid għarfet id-dettalji tal-ġisem li ssawwar fil-ġuf tagħha verġni f’Betlehem”.

San Bernardinu jikkummenta li d-duluri li ġarrbet Marija, is-Sieħba tal-Feddej, kienu tant koroh u kbar illi jekk tqassamhom bejn il-bnedmin kollha tad-dinja dawn kollha jmutu sobtu; daqstant ieħor nistgħu ngħidu illi kieku kellna naqsmu bejn il-bnedmin kollha l-ferħ immens u li jisboq kull ferħ ieħor li għexet Marija meta rat lil Binha Ġesù Rxoxt, hawnhekk ukoll il-bnedmin kienu jmutu għax qalbhom tinqasam bil-ferħ!

F’manuskritt li jġib l-isem Il-Vanġelu sigriet ta’ Marija, li għalkemm instab fl-1884 nafu li kien f’idejn il-Missirijiet tal-Knisja, hemm djalogu tal-ġenn bejn Marija u San Ġwann. F’passaġġ minnhom Marija tirrakkonta hekk: “Kont nitlob u nibki, għarkupptejja ħdejn is-sodda, u għajni marret bija. Niftakar li kif ġara erbgħa u tletin sena ilu f’Nazaret, kien hemm xi ħadd fil-kamra u qajjimni. Kien billejl, imma kelli s-sensazzjoni li dawl tal-għaġeb idda madwari… Ma kellix ħtieġa nistaqsi min kien. Ma kelli ebda dubju. Kien hemm u kien Hu, jistennieni nqum. ‘Ibni’, għajjatt, u ntfajt f’dirgħajh. ‘Ma’, qalli, waqt li b’idu mellisli xagħri mħabbel. ‘Ma, tibżax. Għadda kollox. Ninsab mill-ġdid hawn, miegħek’. Imbagħad tani bewsa. Niżgurak, Ġwanni, li kien Hu – kienu dirgħajh, il-bews tiegħu, il-leħen tiegħu, il-karattru tiegħu. ‘Ma, irbaħna. Saflaħħar il-Ħażin ġie mirbuħ. Finalment il-mewt ġiet imwarrba. Ir-rebħa hija tagħna żgur. Int ukoll ħadt sehem fiha għax kont ħdejn is-salib mimlija fidi u tama. Dan ser ikun xogħlok għal dejjem: li tkun Omm kulħadd. Ħa mmur għand il-Maddalena u n-nisa l-oħra’”.

Filwaqt li qegħdin nifirħu għax Kristu qam mill-mewt, f’din is-Sena Marjana xtaqt nipproponilkom lil Marija bħala l-ewwel xhud ta’ din il-ġrajja. Fil-ħajja, anki fil-ħajja tal-Knisja tagħna, xi drabi l-blata tal-qabar tidher tqila ħafna biex ingerrbuha. Jixhidli Alla li jien, l-Isqof tagħkom, nagħmel ħilti biex ingerbeb din il-blata tqila ħalli l-Knisja tagħna ma tibqax qabar magħluq, biex ma nkunux Insara midfuna fid-dlam, l-għanqbut u l-moffa. Forsi għandna bżonn it-theżżiża li seħħet dakinhar li Kristu qam mill-mewt! Tħallunix waħdi. F’dan il-Għid ma nibżgħux nieħdu lil Marija għandna. Ir-riflessjoni dwar Marija tgħinna nkunu Knisja skont il-qalb ta’ Kristu Rxoxt.

R. GUARDINI, La Madre del Signore. Una lettera, 1989, 55.

G. GHARIB, Le Icone festive della Chiesa Ortodossa, 1985, 186.

Il-Marjologu Padre P. Perella huwa tal-istess ħsieb: “Una delle risposte più comuni a questo ‘silenzio’ su Maria dei Vangeli è che essi sono interessati a mostrare l’esperienza di testimoni non di parte… In un tribunale pubblico, come quello che gli evangelisti costruiscono attraverso il loro racconto, anche una testimonianza vera come la sua (Maria era una donna veritiera) avrebbe potuto essere un boomerang”.

Omelija, 18.

De Virg., 1,3.

Ep., 9,4; PL 30,129.

pdf · 102.12 KB Niżżel