Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

Messaġġ Bidu Sena Ġużeppina

Fil-bidu tas-Sena Ġużeppina li se tiċċelebraw fil-parroċċa tagħkom, fl-okkażjoni tal-150 anniversarju minn meta l-Papa Beatu Piju IX iddikjara lil San Ġużepp bħala Patrun tal-Knisja Universali, nixtieq naqsam magħkom ftit ħsibijiet dwar dan il-qaddis. Bil-kontra ta’ kif xi kultant nimmaġinawhom, nitkellmu dwarhom, u nippruvaw nagħtuhom ġieħ, il-qaddisin mhumiex nies tal-passat. Huma ngħaqdu ma’ Kristu. Il-fidwa ta’ Kristu dawlet il-ħajja u l-missjoni tagħhom fil-Knisja, u kienu għad-dinja “Kristu ieħor”. U peress li “Ġesù Kristu huwa l-istess, ilbieraħ, illum, u dejjem” (Lhud 13:8), anki l-qaddisin jibqgħu għal dejjem. Kliemhom, għemilhom, u l-ħajja kollha tagħhom mhumiex biss xi ħaġa tal-imgħoddi, imma msiebaħ jiddu li permezz tagħhom “Kristu jħobb lill-Knisja, imantniha u jieħu ħsiebha” (ara Efes 5:29). Mhux ta’ b’xejn li l-Knisja dejjem għallmet li t-tiġdid veru tagħha ma jiġi minn ħadd għajr mill-qaddisin.

Dan li qed ngħid jgħodd b’mod speċjali għal San Ġużepp, li fit-tradizzjoni jissejjaħ ukoll “il-Kbir Patrijarka”. Għalkemm ftit nafu dwar il-ħajja tiegħu, ir-“ritratt” li nsibu tiegħu fil-Vanġelu skont San Mattew għadu jkellimna sal-lum. Malli nerġgħu naqraw bilmod is-siltiet tal-Vanġelu li jitkellmu dwaru, u nirriflettu ftit dwarhom, nindunaw kemm San Ġużepp għandu x’jgħidilna, lilna bħala individwi, bħala Knisja, u bħala soċjetà. San Ġużepp ikellimna dwar il-paternità f’soċjetà li fiha l-figura tal-missier qed tiġi nieqsa, dwar l-imħabba vera fi żmien meta hawn xewqa għal eżempji ta’ mħabba awtentika, dwar il-fedeltà fi żmien meta aħna lkoll ittentati naħarbu quddiem it-tbatiji u l-isfidi li jiġu fuqna, dwar is-sejħat ta’ Alla meta l-vokazzjonijiet qegħdin jonqsu, dwar is-skiet fi żmien li fih min m’għandux vuċi qisu ma jeżistix, dwar il-fiduċja f’Alla l-Missier kontra t-tentazzjoni li nħarsu lejn Alla bħala xkiel għalina, dwar kif il-bniedem huwa msejjaħ jieħu ħsieb Dak li hu ta’ Alla mingħajr ma jagħmlu tiegħu kontra t-tentazzjoni tar-regħba u l-egoiżmu…

Jien ċert li matul din is-Sena Ġużeppina, bl-għajnuna tal-Arċipriet u tas-saċerdoti l-oħra li jaqdu lill-komunità parrokkjali, intom se tirriflettu dwar dan. Min-naħa tiegħi jien nixtieq inpoġġi quddiem għajnejkom lil San Ġużepp li joħlom u ma jibżax mill-ħolm tiegħu. Fil-Vanġelu skont San Mattew, San Ġużepp jiġi mwissi fil-ħolm erba’ darbiet u kull meta jistenbaħ “jagħmel kulma jordnalu l-anġlu tal-Mulej” (ara Mt 1:24). L-isfida ta’ Ġużeppi hija doppja: mhux biss li jobdi mill-anġlu, imma qabelxejn li jafda fil-ħolm tiegħu; li jemmen li f’dik il-ħolma hemm dak li Alla qed isejjaħlu għalih.

Mhux faċli li tafda fil-ħolm. Min joħlom isib kontrih l-urġenzi tal-ħajja ta’ kuljum li jimponulna li “dejjem hekk sar” u li “ma nistgħux nagħmlu mod ieħor”. Isib kontrih lil dawk il-persuni li jaħsbu li huma konkreti u li lil min joħlom se jġibuh lura b’saqajh mal-art. Isib kontrih id-dubju jekk dik il-ħolma hijiex frott tal-fantasija jew ħarba mir-realtà. L-ewwel għażla li tiġi quddiem il-ħolm huwa li nwarrbuh u ninsewh. Imma San Ġużepp fil-ħolm tiegħu jara xi ħaġa oħra: l-għażliet il-ġodda li għalihom kien qed isejjaħlu Alla. Qabel il-ħolm jaħseb li s-soluzzjonijiet għall-problemi u l-isfidi li jsib ruħu fihom huma skont kif dejjem sar sa dak il-ħin. Huwa fil-ħolm li l-anġlu tal-Mulej jurih modi ġodda u jiftaħlu quddiemu toroq ġodda. Seta’ faċilment nesa dak il-ħolm bħallikieku kien sempliċi thewdin tal-lejl. Imma fihom jara l-verità ta’ Alla.

Jiena nemmen li anki aħna bħala Knisja xi kultant naqgħu fit-tentazzjoni li ma noħolmux iżjed, imma li sempliċement nadattaw irwieħna għal dik li naħsbu li hija r-realtà. Għalhekk naqtgħu qalbna bl-iskuża li “m’hemmx x’tagħmel”, u nirriduċu l-ħajja Kristjana tagħna għal attivitajiet li bihom “indawru r-rota”. Iżda aħna mhux għal dan ġejna msejħin! Il-Papa Franġisku jħobb jikkwota s-silta mill-ktieb tal-profeta Ġoel: “Wara dan, jiġri li jiena nsawwab l-Ispirtu tiegħi fuq il-ħlejjaq kollha. Uliedkom iħabbru, subien u bniet, ix-xjuħ tagħkom ikollhom ħolm, iż-żgħażagħ tagħkom jaraw viżjonijiet” (3:1). Dan l-Ispirtu ssawwab fuqna lkoll, u jekk nagħmlulu l-wisa’ jgħinna sabiex ma nitilfux il-ħila li noħolmu, li ninfetħu b’fiduċja għall-ġdid li l-Mulej isejħilna għalih minkejja d-diffikultajiet kollha li jinqalgħu.

Dan nixtieq li tagħmlu tul din is-Sena Ġużeppina. Ma’ San Ġużepp, Patrun tagħkom u tal-Knisja Universali, toħolmu dwar il-familji, il-ġenituri, l-ulied li jsawru l-komunità parrokkjali tagħkom. Toħolmu dak li l-Mulej qed jixtieq minnhom. Nixtieq li anki s-saċerdoti joħolmu dwar il-parroċċa, dwar dawk li jiġu l-knisja u dawk li ma jiġux, dwar sejħat ġodda li l-Mulej jista’ jkun li qed jagħmel fil-Qala, dwar toroq ġodda li l-Mulej qed jindika għall-parroċċa. Jalla bl-għajnuna ta’ San Ġużepp noħolmu kif nistgħu nsewwu l-firdiet u ndewwu l-ġerħat li jidher li m’hemm ebda soluzzjoni għalihom, noħolmu wkoll modi ġodda kif inkunu qrib dawk li qed ibatu, b’mod partikulari l-morda, l-anzjani abbandunati, u persuni li nqabdu f’xi vizzju.

Nistħajjilkom qed tistaqsuni: Kif se nagħrfu l-ħolm mit-thewdin? Dak il-ħolm tassew li hu mnebbaħ minn Alla, jew mill-fantasiji ta’ moħħna li fihom ma jkunx hemm ħlief ix-xewqat u l-aspirazzjonijiet tagħna? Il-ħolm tassew jiġi biss mill-bniedem mistiku “li jidħol f’relazzjoni personali u immedjata ma’ Alla […] li jagħmel esperjenza ta’ Ġesù Kristu” (Omelija tiegħi Lejn Knisja mistika tal-15 ta’ Awwissu 2019). San Ġużepp ħolom għax laqa’ lil Ġesù f’ħajtu u bħal Marija sar dixxiplu tiegħu. Il-ħolm tagħkom se jseħħ daqskemm tul din is-sena se tagħmlu għażliet favur Ġesù, u kemm se tagħrfu fil-misteru tiegħu l-qalba tal-fidi tagħna. ’Il bogħod minnu hemm biss qtigħ ta’ qalb jew realiżmu pessimista.

Jiena se nkun inqiegħed is-sejħa u l-ġejjieni tiegħi taħt il-ħarsien ta’ San Ġużepp. Kien taħt il-ħarsa paterna ta’ Ġużeppi li 62 sena ilu rċevejt is-Sagrament tal-Magħmudija fil-Fonti ta’ din il-Knisja arċipretali u hekk bdejt il-mixja Nisranija tiegħi. Kienu l-antenati tiegħi, partikularment in-nanniet materni – devoti kbar ta’ San Ġużepp – li għenuni nitlaq nimxi f’dik it-triq li llum wasslitni biex naqdi lill-Knisja fil-ministeru ta’ Isqof. Inħeġġiġkom titolbu għalija biex bl-interċessjoni ta’ San Ġużepp inkompli inwieġeb bil-fedeltà kollha għall-vokazzjoni tiegħi.

Il-Mulej iberikkom ilkoll,

✠ Mario Grech

Isqof ta’ Għawdex

Is-Sibt 28 ta’ Settembru 2019

pdf · 58.34 KB Niżżel