Aqbeż għall-kontenut

Messaġġ dwar l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca

L-aħbar tal-mewt tal-E.T. Mons. Ġużeppi Mercieca, Arċisqof emeritu tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, tnissilli diqa għax fih jien tlift għalliem, mudell u ħabib.

Monsinjur Mercieca kien dixxiplu fidil ta’ Ġesù Kristu. Kliemu u għemilu kienu jixhdu li hu kien bniedem ta’ fidi qawwija. Qalbu kienet tħabbat it-taħbita tal-qalb tar-Ragħaj it-tajjeb. Fid-diversi sejħat li huwa kellu, Ġużeppi qatt ma kien funzjonarju imma qaddej twajjeb ta’ Alla. Kien jitlob u mhux jirreċta.

Huwa kien bennej għaqli tal-Knisja f’pajjiżna. Kien strumentali biex seħħ l-‘aġġornament’ mitlub mill-Konċilju Vatikan II u hekk inawgura era ġdida. Flimkien ma’ sieħbu l-Isqof Nikol Ġ. Cauchi, hu neżża’ lill-Knisja lokali minn dak li kien ibegħidha mill-Vanġelu. Konvint li għamel ħiltu kollha biex seta’ jagħti l-aħjar, anki jekk kellu jrabbi l-kallijiet f’idejh għax l-isfidi interni u esterni kienu ħafna.

Kien ċittadin nobbli li filwaqt li dejjem żamm postu, ta sehmu biex tkompli tintiseġ l-istorja ta’ ġensna.

Huwa għex il-motto episkopali tiegħu “Ilkoll aħwa fi Kristu”. Fil-fatt, ma kienx jagħmel għażla bejn dak u l-ieħor, imma kien jinteressa ruħu f’kulħadd. Qatt ma għamel deni lil ħadd. Jekk xi darba ddiskrimina, dan għamlu favur iż-żgħir u l-fqir. Fih nilmaħ dak li dan l-aħħar il-Papa Franġisku qal dwar l-isqfijiet: kien iħares f’għajnejn in-nies biex seta’ jaqralhom qalbhom u jintebaħ b’dak li ma kienx ikollhom il-kuraġġ li jgħidulu. Kien isqof tal-poplu għax għalih kull proxxmu huwa maħbub minn Ġesù – ilkoll aħwa fi Kristu!

L-Arċisqof Ġużeppi Mercieca għamel ġieħ lill-kleru tad-Djoċesi ta’ Għawdex li minnu ħareġ; ismu jibqa’ mfakkar fil-lista ta’ dawk is-saċerdoti Għawdxin li nista’ napplika għalihom dak li jgħid il-profeta Danjel: “Il-bnedmin bil-għaqal ikollhom fuqhom dija bħal dik tas-Sema, u dawk li jkunu wasslu ’l ħafna fis-sewwa jkunu jiddu bħal kwiekeb għal dejjem ta’ dejjem” (12:3).

pdf · 37.09 KB Niżżel