Messaġġ f’Għeluq id-90 Anniversarju mill-Ewwel Ħarġa ta’ “il-Leħen”
Jien u naħseb fuq id-90 anniversarju mit-twaqqif u l-ewwel ħarġa ta’ dan il-ġurnal kattoliku, nirrifletti kif “il-Leħen” huwa eżempju tipiku ta’ għodda tal-Providenza Divina: twieled frott ċirkustanzi partikulari li illum inbidlu totalment, imma baqa (u għadu) jaqdi l-Knisja f’Malta u f’Għawdex għal kważi seklu.
L-istorja ta’ dan il-ġurnal – relevanti kemm għall-istorja ekkleżjastika kif ukoll dik soċjali u kulturali – timponielna li nieħdu ħsiebu bħala wirt għażiż tal-kattoliċiżmu Malti. Imma l-importanza tal-ġurnaliżmu kattoliku mhix dettata biss mill-passat, imma wkoll mill-ħtiġijiet urġenti tal-preżent. Inħoss li ma nistax nesprimi ruħi aħjar mill-kliem li qal il-Papa Franġisku lil dawk li jaħdmu fil-qasam tal-istampa kattolika fl-Italja: “Intom għandkom biċċa xogħol, jew aħjar missjoni, mill-iktar importanti fid-dinja tal-lum: li tinfurmaw b’mod korrett, li toffru lil kulħadd verżjoni tal-fatti li tkun kemm jista’ jkun taqbel mar-realtà [...] Fiż-żmien li qegħdin ngħixu fih, iddominat ħafna drabi mill-ansjetà tal-veloċità, mill-għatx għas-sensazzjonaliżmu, mill-emotività mrewwħa bi skop minflok ir-riflessjoni maħsuba sewwa, jinħass il-bżonn ta’ informazzjoni affidabbli, b’fatti u aħbarijiet verifikati, li ma timmirax għall-għagħa u għall-emozzjoni, imma pjuttost li tkabbar fil-qarrejja sens kritiku li jippermettilhom li jsaqsu lilhom infushom mistoqsijiet flokhom u jaslu għal konklużjonijiet motivati.” (Diskors, 16 Diċembru 2017).
Dan ifisser li l-ministeru tal-ġurnaliżmu għas-servizz tal-verità għandu jibqa’ fiċ-ċentru tal-prijoritajiet tagħna u jista’ jkun forma ta’ karità kbira ma’ dawk li l-iktar jinsabu fir-riskju li jiġu mqarrqa. U peress li għalina l-verità mhijiex sempliċiment nozzjoni, imma l-persuna ta’ Ġesù Kristu, nawgura lil dan il-ġurnaa ħafna iktar snin ta’ ħajja għall-qadi ta’ Kristu, il-Knisja, u s-soċjetà.
Il-Mulej iberikkom ilkoll,
24 t’Awwissu 2018
✠ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex