Messaġġ f’Jum il-Mara
Illum irrid insellem lil ħutna n-nisa kollha. Aħna għandna napprezzawhom għal dak li huma u mhux ghal dak li jistgħu jagħtu. Hija ħasra li fis-soċjetà hemm min iħares lejn il-mara mill-lenti tal-liġi tas-suq fejn il-kriterji li nużaw biex inkejlu kemm tiswa l-mara huma l-kriterji tan-negozju. Spiss jiġri li meta tiġi biex “tiżen” is-sehem tal-mara, is-soċjetà tuża l-“miżien tan-negozju” u l-valur jiġi jiddependi minn kemm hemm qligħ mill-oġġett attwalment. Din l-attitudni tiftaħ it-triq għall-isfruttament tal-persuna f’diversi oqsma tal-ħajja. Kull mossa biex tirrendi l-persuna “oġġett” hija żbaljata għax tneżża’ lill-bniedem mid-dinjità. Il-ġenju tal-mara huwa imprezzabli, għax dak li tista’ toffri l-mara bil-preżenza tagħha fil-familja, fis-soċjetà u fil-Knisja huwa insostitwibbli. Is-soċjetà qatt ma tista’ tikkwantifika jew tħallas lura għad-differenza li l-mara tagħmel bil-preżenza tagħha.