Aqbeż għall-kontenut

Messaġġ fis-Sena mill-Mewt tal-Arċisqof Mercieca

Ningħaqad mal-Knisja f’Malta f’dan il-jum li fih qed tfakkar l-ewwel anniversarju mill-mewt tal-Arċisqof Ġużeppi Mercieca.

Waqt li dalgħodu kont qed nisma’ lis-Sur Charles Buttigieg jippreżenta l-ktieb ġdid tiegħu dwar l-Arċisqof Mercieca waqt ċerimonja li saret fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana, erġajt ħassejt sens kbir ta’ gratitudni lejn dan l-Isqof li flimkien ma’ sieħbu l-Isqof Cauchi wasslu lill-Knisja f’pajjiżna tagħmel il-passaġġ minn Knisja ta’ qabel il-Konċilju Vatikan II għal Knisja mġedda skont it-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II. Ma kienx passaġġ ħafif, tant li għaddew is-snin u f’ċerti oqsma għadna nkarkru saqajna. Fil-fehma tiegħi l-aqwa riforma li għamel Mercieca kienet fil-mod kif għex il-ministeru episkopali tiegħu. Illum ma konniex inkunu aħna kieku qabilna ma kienx hemm min bħall-Arċisqof Mercieca fittex il-qalba tal-Vanġelu, ħabb is-sempliċità u kien ħabib ta’ kulħadd, speċjalment taż-żgħir. Kien ordinarju fl-uffiċċju u fil-prattika.

Imma dalgħodu ħassejt sens qawwi ta’ ammirazzjoni lejn il-Knisja f’Għawdex li kellha sehem mhux żgħir fit-tiswir tal-karattru ta’ Mons. Mercieca. Huwa fatt magħruf li fil-ministeru episkopali tiegħu għenu ħafna l-karattru Għawdxi li huwa għaraf jagħġen fil-familja tiegħu – kien bniedem ta’ ftit kliem, riflessiv, ġwejjed, bieżel, għaqli, determinat, jara ’l bogħod u fuq kollox ħiemed. Imma l-fundament ta’ kollox kien il-karattru saċerdotali tiegħu frott tal-formazzjoni li huwa rċieva fis-Seminarju tagħna. Huwa ġieħ tagħna li fost dawk li trawmu fis-Seminarju tad-Djoċesi tagħna matul dawn il-mija u ħamsin sena mit-twaqqif tiegħu, kien hemm Mons. Mercieca li serva lid-Djoċesi bħala Rettur tal-istess Seminarju, għallem ħafna seminaristi, u kien segretarju tal-predeċessur tiegħi l-E.T. Mons. Ġużeppi Pace. Huwa kien l-uniku fost il-kleru tad-djoċesi tagħna li qabel ma kien maħtur Arċisqof ta’ Malta, serva bħala Uditur tat-Tribunal tar-Rota f’Ruma u membru tas-Senjatura Appostolika.

Filwaqt li nsellem il-memorja għażiża tal-Arċisqof Ġużeppi Mercieca, nagħmel sejħa biex noffru talb b’suffraġju tiegħu.

pdf · 42.22 KB Niżżel