Messaġġ fit-Tberik tal-Mużajk tal-Misteri tar-Rużarju
Il-mużajċi tal-Misteri tar-Rużarju li qegħdin ninawguraw illum madwar dan is-Santwarju Nazzjonali ddedikat lil Madonna Ta’ Pinu jirrakkontaw il-pellegrinaġġ li għamel Ġesù minn Nazaret, fejn sar bniedem fil-ġuf ta’ Marija, sa meta tela’ s-Sema għand il-Missier; fl-istess Misteri tar-Rużarju nikkontemplaw ukoll diversi tappi tal-mixja li terrqet Marija minn Nazaret sa meta hi wkoll ġiet imtellgħa s-Sema bir-ruħ u l-ġisem u inkurunata mit-Trinità Qaddisa. Iż-żewġ pellegrinaġġi fihom episodji ta’ ferħ, ta’ dawl, ta’ tbatija u ta’ glorja.
Dan kollu jfakkarna fil-pellegrinaġġ tal-ħajja tagħna lkoll. Għax il-bniedem huwa pellegrin li l-ħin kollu qed ifittex l-Assolut. Il-pellegrinaġġ tagħna l-bnedmin ukoll huwa taħlita ta’ dwal u dellijiet, ta’ ferħ u ta’ niket. Ħafna drabi din il-mixja mhux biss hija twila imma hija wkoll tqila, għax il-bniedem ikollu jimxi fiċ-ċpar u fid-dlam. Fil-fatt, mhumiex ftit dawk li minħabba li matul din it-triq ikollhom iġorru l-piżijiet tqal tal-ħajja – bħalma huma l-mard, il-faqar, l-inġustizzji, id-dubji tal-fidi, id-dgħufija morali, u oħrajn –, jaħbtu jaqtgħu qalbhom u jieqfu f’nofs il-pellegrinaġġ. Hemm ukoll familji li jkollhom jissospendu l-pellegrinaġġ tal-ħajja tagħhom flimkien minħabba l-inkwiet u n-nuqqas ta’ qbil li jinqala’ bejn il-miżżewġin jew bejn il-ġenituri u l-ulied.
Irrid nagħmel kuraġġ lil dawn il-pellegrini li minħabba t-taħbit u l-għeja huma ttentati li jieqfu f’nofs ta’ mixja. Inħeġġiġkom tiġu f’dan is-Santwarju Ta’ Pinu u tfittxu l-faraġ ta’ Ġesù u ta’ Ommu Marija. Kemm Ġesù u kemm Marija t-tnejn jafu x’inhu t-toqol tal-pellegrinaġġ. Għalhekk, meta ngħidu t-talba tar-Rużarju, barra li nidħlu f’relazzjoni ma’ Ġesù u Marija li jifhmuna, jagħdruna u jgħinuna, imqawwijin mill-eżempju tagħhom aħna nagħmlu l-qalb biex nirbħu dak kollu li jista’ jitfagħna lura fil-mixja tal-fidi tagħna.
Il-kwadri diversi mill-ħajja ta’ Ġesù li jirrappreżentaw il-Misteri tar-Rużarju jqiegħdu quddiem għajnejna dak kollu li l-Iben ta’ Alla, misjuq mill-imħabba u l-ħniena, għamel magħna. Marija tidher quddiemna bħala l-ewwel dixxiplu li mhux biss imxiet wara Ġesù imma wkoll li Ġesù mexa magħha biex hi setgħet ittemm il-pellegrinaġġ tagħha. Bil-kuruna tar-Rużarju f’idejna aħna bħal qisna nirmunkaw lilna nfusna u l-proġetti tal-familji tagħna ma’ Ġesù u Marija li jimxu quddiemna u jweżnuna bil-grazzja, biex dak li Alla beda fina nwassluh sat-tmiem.
Għalhekk, filwaqt li nappellalkom biex bil-kuruna tar-Rużarju f’idejkom sikwit tinġabru flimkien kemm bħala familji u kemm bħala komunità Nisranija biex issejħu fuqkom l-għajnuna ta’ Ġesù u ta’ Marija, nawgura li din l-opra artistika tal-mużajċi li ħoloq iċ-Ċentru Aletti tkun eku ieħor qawwi fil-gżejjer Maltin tal-istedina li fl-1883 il-Madonna Ta’ Pinu għamlet lil Carmela Grima meta sejħitilha biex tiġi f’dan is-Santwarju. Hekk, meta l-pellegrini jaslu f’dan is-Santwarju u jieqfu quddiem dawn ix-xbihat tal-Misteri tar-Rużarju, imsaħħrin mill-imħabba ta’ Ġesù u ta’ Marija, jitqanqlu biex jitolbu t-talba tar-Rużarju.