Aqbeż għall-kontenut

Messaġġ fit-Tnedija ta’ Casa Madre Teresa

Bi pjaċir nikkomunika li f’kontinwità mat-tradizzjoni millenarja tal-Knisja, id-Djoċesi tagħna flimkien mal-Parroċċa tan-Nadur għażilna li nvaraw ħidma soċjali ġdida fil-gżira ta’ Għawdex, billi niżviluppaw il-fond imħolli mill-Famija Grima bħala dar għal persuni vulnerabbli.

B’dan il-proġett aħna nixtiequ noffru servizz ta’ kwalità kemm lill-anzjani u kemm lil dawk li għandhom id-dimensja. Hija x-xewqa tagħna li lil dawn il-persuni noffrulhom ambjent seren u mħares fejn jistgħu jgħixu b’mod dinjituż.

L-isem tad-Dar, li ntgħażel mill-Parroċċa tan-Nadur, ser ikun Casa Madre Teresa. Dan l-isem jiġbor fih il-missjoni ta’ din id-Dar: bħal Madre Teresa, il-Knisja f’Għawdex tixtieq tagħti attenzjoni u kenn lil dawk il-persuni li jkunu fi ħtiġijiet partikulari. Jien għamiltha ċara mal-Amministrazzjoni tad-Djoċesi li rrid li dan il-proġett ikollu l-marka evanġelika. Mhux l-għan tagħna li din id-dar tkun mezz ta’ lukru. B’sens ta’ gratitudni u rispett, nixtiequ biss nagħtu servizz xieraq lil dawk li meta jikbru fiż-żmien jew minħabba l-kundizzjoni mentali tagħhom isibu ruħhom waħidhom, forsi wkoll abbandunati u abbużati. Napprezza li kemm l-Arċipriet Mons. Jimmy Xerri u kemm il-Kunsill Pastorali Parrokkjali tan-Nadur jikkondividu dawn l-għanijiet.

Imma dan huwa proġett ftit ambizzjuż li ma nistgħux nidħlu għalih waħidna, u għalhekk xhur ilu dħalna f’taħditiet mas-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà u Anzjanità Attiva li rrid nirringrazzjaha għad-disponibbiltà u l-koperazzjoni sħiħa tagħha.

Nittama li dan il-proġett li jserraħ fuq tliet pilastri – l-għotja ġeneruża tal-Familja Grima, l-impenn tad-Djoċesi u l-Parroċċa, u s-sapport tal-Gvern – jitwettaq fi żmien relattivament qasir għall-ġid tas-soċjetà tagħna.

pdf · 46.57 KB Niżżel