Messaġġ lill-E.T. Mons. Joseph Galea-Curmi
Is-Sibt 4 ta’ Awwissu 2018
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
Illum hija ġurnata sabiħa mhux biss għall-Arċidjoċesi ta’ Malta imma għall-Knisja kollha f’pajjiżna, għax illum Mons. Joseph Galea-Curmi ser jirċievi l-Ordinazzjoni Episkopali.
Il-ġrajja tal-lum tgħidilna li Alla, minkejja d-delużjonijiet li xi kultant nagħtuh, jibqa’ jieħu ħsiebna, irid ikompli jdewwaqna t-tjubija tiegħu u qed jerġa’ jipprovdilna lil min jista’ jgħinna fil-mixja tagħna bħala dixxipli ta’ Kristu.
Hija ġrajja sabiħa mhux għax ser ikollna raġel-saċerdot li ser jilbes kappell ieħor, jew għax ser ikollna xi CEO ġdid għall-istituzzjoni tal-Knisja; imma hija ġrajja sabiħa għax bit-tqegħid tal-idejn ta’ Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna fuq l-Isqof il-ġdid Joseph Galea-Curmi, ser jinżel l-Ispirtu s-Santu. Illum dan ir-raġel ser ikun mogħni b’setgħat kbar – mhux setgħat tad-dinja, imma setgħat spiritwali. Huwa ser jirċievi dak l-Ispirtu s-Santu li l-Missier ta lil Ibnu u mbagħad Ġesù għaddieh lill-Appostli. Illum Dun Joseph Galea-Curmi ser jingħaqad mal-Kulleġġ tal-Appostli u għalhekk ser jirċievi l-Ispirtu s-Santu biex ikun jista’ jgħinna fil-mixja bil-gwida li jagħtina. Fil-persuna ta’ dan l-Isqof ġdid, li barra li huwa mogħni b’ħafna kwalitajiet umani, ser ikollu din il-preżenza mġedda tal-Ispirtu s-Santu, Alla qed jipprovdilna persuna oħra li tgħinna fid-dixxerniment u hekk nagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla għalina, x’inhu ż-żmien ta’ Alla u x’inhuma s-sinjali taż-żminijiet. Il-Mulej qed joffrilna ministru skont il-qalb tiegħu biex jgħinna fil-formazzjoni tal-kuxjenza tagħna u hekk inkunu nistgħu b’responsabbiltà nagħmlu l-għażliet tagħna.
Dan id-dixxerniment l-Isqof ma jagħmlux waħdu, imma flimkien mal-komunità ekkleżjali. Dan id-dixxerniment huwa joffrih kemm lill-individwi u kemm lill-komunità. Din mhix missjoni ħafifa. Għalhekk, filwaqt li nifraħ lill-Isqof Awżiljarju, nagħmel sejħa lill-Knisja biex nitolbu għalih, għax huwa biss min għandu l-esperjenza tal-Ispirtu ta’ Alla li jirċievi l-awtorevolezza li jmexxina fiż-żgur fil-mixja tagħna wara Ġesù.
F’isem il-Knisja f’Għawdex nifraħ lill-E.T. Mons. Joseph Galea-Curmi u npoġġih taħt il-ħarsien matern tal-Madonna Ta’ Pinu. Bħala għelm ta’ dan l-impenn, f’ismi u f’isem id-Djoċesi, qed noffrilu ċurkett episkopali bix-xbieha tal-Madonna Ta’ Pinu.