Messaġġ lill-Moviment Ewkaristiku Għawdxi fil-50 Sena Tiegħu
Għalkemm għaddew 50 sena minn meta fid-djoċesi tagħna twieled il-Moviment Ewkaristiku, jien konvint li din l-għamla ta’ appostolat għadha friska u meħtieġa.
Infatti, l-Ewkaristija hija l-qofol tal-ħajja tal-Knisja. Kollox għandu jitlaq mill-Ewkaristija u kollox għandu jwassal għand l-Ewkaristija. Għaliex l-Ewkaristija mhix biss il-preżenza ta’ Ġesù fostna, mhix biss is-sagrament tal-imħabba ta’ Alla li dehret fil-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu, imma hija wkoll il-forma tal-ħajja tad-dixxipli tal-Mulej kemm individwalment kif ukoll bħala komunità. Mingħajr l-Ewkaristija, ir-ruħ Nisranija tkun bla saħħa u l-ħajja tal-Knisja tmut.
Matul dan in-nofs ta’ seklu li għadda, il-Moviment Ewkaristiku Djoċesan ħadem qatigħ biex l-Ewkaristija tkun iċ-ċentru tal-ħajja ta’ ħafna Nsara u tal-komunitajiet ekkleżjali tagħna. Bil-ħidmiet tiegħu, partikularment f’dawk l-iljieli ta’ adorazzjoni Ewkaristika li jorganizza matul is-sena bejn is-Sibt u l-Ħadd, il-Moviment mhux biss offra talb ta’ tifħir, suppliki u riparazzjoni lil Ġesù, imma pprova wkoll inibbet u jxettel f’din il-gżira kultura Ewkaristika.
Filwaqt li nirringrazzja lil dawk is-saċerdoti u lajċi li matul dawn is-snin stinkaw fi ħdan dan il-Moviment biex jippromovu l-imħabba lejn l-Ewkaristija, nieħu din l-okkażjoni biex inħeġġiġhom ħalli jibqgħu jwettqu dan l-appostolat li llum għandna bżonnu aktar minn qatt qabel.
Issa li għandna l-aħbar li l-Q.T. il-Papa Franġisku ta l-approvazzjoni tiegħu biex Madre Margerita De Brincat tiġi rikonoxxuta bħala Venerabbli, nipproponi li din is-soru Ewkaristika tkun mudell ta’ ispirazzjoni għall-Moviment Ewkaristiku. Il-kitbiet tagħha huma għajn ta’ tagħlim dwar l-Ewkaristija u fihom pariri siewja ħafna biex ikebbsu l-qalb ewkaristika. Biżżejjed infakkar f’żewġ siltiet mill-Ittri ta’ Madre Margerita. Darba minnhom tikteb hekk: “Dak il-pissidi Ewkaristiku jgħajjat b’leħen maħnuq: erwieħ, erwieħ, imħabba, imħabba” (Ittra no.151). Darba oħra hija tirrikkmanda lil waħda reliġjuża: “Mur ħdejn il-Priġunier tagħna (fit-tabernaklu) u rrakkontalu n-niket tiegħek kollu, it-taqtigħ il-qalb, id-dubji; iżda bil-kalma u bla ma taħseb li qed taħli ż-żmien, anzi tirbaħ iż-żmien, il-paċi, il-kalma u l-enerġija biex jirnexxillek tikseb suċċess” (Ittra no. 147).
Meta nqis li din is-sena qegħdin infakkru l-150 sena mit-twaqqif ta’ din id-Djoċesi, minn qalbi nirrikkmanda lill-Moviment Ewkaristiku Djoċesan biex japprofitta minn dawn iż-żewġ anniversarji (tal-Moviment u tad-Djoċesi) biex jiġġedded u jerġa’ jsib dik l-enerġija u l-freskezza li kellu fil-bidu, għax inħoss li nista’ ngħid li wara 50 sena qed iżernaq jum ġdid għall-Moviment u għall-Knisja f’Għawdex.
✠ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex
31 ta’ Jannar 2014