Meta Jaqa’ l-Katidral
Dak li Ġesù ħabbar lil-Lhud, li “għad jiġi żmien li ma tibqax ġebla fuq oħra minnu [mit-Tempju ta’ Ġerusalemm] li ma tiġġarrafx” (Lq 21:6), nista’ napplikah għal dan il-Katidral tagħna – b’Katidral nifhem il-Knisja f’Għawdex. Miniex profeta, imma ngħidilkom li għad ikollkom waqtiet fil-ħajja tagħkom meta taraw dan il-Katidral gozz ġebel!
Meta jista’ jiġri dan? Meta nisimgħu min jitkellem fuq il-gwerer u t-taqlib fil-pajjiżi, meta ġens iqum kontra ġens, meta l-art titheżżeż bil-kbir u f’ħafna bnadi jkun hemm il-ġuħ u l-mard li jittieħed, meta jkun hemm il-persekuzzjonijiet (ara Lq 21:9-12); fi kliem ieħor, meta ħajjitna tibda għaddejja minn ħafna tensjonijiet u taqlib, meta naraw il-ħajja tagħna titheżżeż mill-qiegħ, meta nassistu għat-terremoti fil-familji tagħna, meta ma niftehmux bejnietna u jibda l-ġlied wieħed kontra l-ieħor, familja kontra familja, komunità tqum kontra komunità oħra… dakinhar naraw it-tempju jiġġarraf! Meta ngħaddu minn dawn il-mumenti tqal, nibdew niddubitaw mill-istess eżistenza ta’ Alla.
Għaliex x’inhu t-Tempju ta’ Ġerusalemm jew il-Katidral jekk mhux l-għamara ta’ Alla fostna l-bnedmin? Il-knejjes huma sinjal li Alla huwa magħna – Alla waqqaf it-tinda tiegħu fostna. Imma nfakkarkom li ser ikun hemm mumenti jew ċirkustanzi fejn naraw il-binja ta’ ħajjitna titħarrek u ċ-ċertezzi anki tal-fidi narawhom jisfumaw, meta mhux biss ma tifhimx lil dawk ta’ madwarek imma saħansitra lanqas tifhem lil Alla. F’mumenti bħal dawn ma tibqax tara t-tempju jew il-Katidral! Hemm mumenti fejn tibda tistaqsi fejn għeb dak Alla li tant ipprietkawlna dwaru li hu Alla li jħobb, li jagħder u kollu kompassjoni. Staqsi lill-imġarrab! Mur fiehem lil dak il-ġenitur li tilef lil ibnu li Alla huwa mħabba! Nistaqsu ftit lil min hu għaddej minn kriżi fil-ħajja taż-żwieġ jew tal-familja – dan kapaċi jgħidilna li mhux biss ra l-Katidral jaqa’, imma ra wkoll lil Alla jaqa’ minn fuq is-siġġu tiegħu. Maltempati bħal dawn iwassluna biex nissuspettaw li dak Alla li nafuh bħala l-Qawwi li qatt ma jista’ jiġi mirbuħ, ġie megħlub mill-ħażen. F’episodji bħal dawn mhux biss it-tempju jitlef is-sinifikat tiegħu, imma kapaċi naslu biex infittxu nagħtu widen lill-profeti jew filosfi oħrajn.
Huwa minnu li dakinhar li Luqa kiteb il-vanġelu l-Insara kienu għaddejjin minn persekuzzjonijiet ħorox; u llum ukoll min irid jagħti xhieda għal Kristu jkollu jissara. Imma jien nifhem li Kristu kien qed jirreferi għal taqbid aktar profond: it-taqbida interjuri fejn il-bniedem ikollu jissielet biex jagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin. Kemm jiġrilna li nsibu ruħna qegħdin nagħmlu dak li ma nixtequx nagħmlu; kemm-il darba fl-istorja ta’ ħajjitna sibna li għażilna d-diżordni u ħloqna d-diżordni madwarna; kemm-il darba skoprejna li minħabba d-dgħufija tagħna ma stajniex nibqgħu fidili lejn Alla u forsi dorna lejh u għidnielu: Għaliex, Mulej, għamiltli hekk? Għax ippermettejt li ngħaddi mit-toroq imwegħrin tal-ħajja? Dan huwa taqbid serju ħafna li kapaċi jifnina. F’dawn iċ-ċirkustanzi wkoll kapaċi nibagħtu t-tempju jixxejjer mar-riħ! Naraw lil Alla jgħib mill-orizzont ta’ ħajjitna.
Imma f’dan il-kuntest Kristu għandu kelma li tagħmlilna l-qalb: huwa jgħidilna biex ma naqtgħux qalbna, għax “xagħra waħda minn raskom ma tintilifx. Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom” (Lq 21:18-19). Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi ibsin li aħna rridu nagħmlu att ta’ fidi f’Alla. Huwa f’waqtiet tqal bħal dawn li aħna neħtieġu li nemmnu li Alla huwa mħabba, kollu mogħdrija u li l-ħniena tiegħu hija bla tarf. Meta kollox jindika li ma hemmx aktar tama, aħna rridu nittamaw kontra kull tama. Alla tagħna huwa sinċier u qatt ma huwa sejjer jerġa’ lura mill-kelma li tana. Anzi Ġesù jgħidilna li “jiswielna” li ngħaddu minn dawn l-esperjenzi katastrofiċi. Mhux għax Alla jridna ngħixu fil-biża’ u l-qtigħ il-qalb, imma għaliex huwa fil-maltemp li l-baħri juri l-ħila tiegħu. Huwa fl-iebes tal-ħajja li aħna nagħmlu stqarrija li minkejja l-kuntrarju aħna nintelqu f’idejh, għax nemmnu li l-ħniena tiegħu mhix ser tiġi nieqsa. Alla jibqa’ fidil lejna anki jekk inkunu aħna stess li nżarmaw il-ħajja tagħna jew inħarbtu l-ħajja tal-oħrajn; anki jekk naslu biex nitilquh, hu ma jitlaqniex. Aħna nistgħu naqtgħu qalbna minn Alla, imma hu ma jaqta’ qalbu qatt minna.
Għad forsi jiġi żmien meta jidhrilkom li l-Knisja ma għadhiex relevanti – u mhux dejjem ikollkom tort taħsbu hekk! – imma ejjew nibqgħu ggranfati ma’ Ġesù Kristu, il-Feddej tagħna. Huwa l-Mulej li f’din il-konfużjoni jixgħelilna l-fjamma tat-tama u jgħinna noforqu l-mewġ tal-ħajja.
Kif fissirt fl-“ittra” li ktibt fit-tmiem tal-Ġublew tal-Ħniena, “bil-paċenzja kollha l-Knisja tkompli tilqa’ u ssieħeb li dawk li qegħdin ifittxu l-ħniena, partikularment lil dawk li jħossuhom li ma hemmx post għalihom fid-dirgħajn tal-Knisja-Omm, bħalma huma dawk li ħadu d-divorzju u daħlu fit-tieni relazzjoni; lil dawn u oħrajn li maż-żmien inqatgħu jew qtajnihom mill-komunità, għandna ntennulhom li ‘l-kelma impossibbli ma teżistix fid-dizzjunarju ta’ Alla’ – li ‘Alla nnifsu huwa possibbiltà ġdida għalina l-bnedmin’”.
Inżommu quddiem għajnejna li “s-sejħa li jagħmlilna Alla hija miktuba fl-istorja tal-ħajja tagħna li fiha t-tlajja’ u l-inżul tagħha. Għalhekk irid ikollna ħafna u ħafna sabar biex nintebħu x’inhi r-rotta li Alla jridna nieħdu fil-ħajja tagħna. Huwa fatt li xi drabi Alla jikteb dritt fuq linji mgħawġin. Dan hu proċess li jieħu ż-żmien, u ma nagħmlux ħażin jekk nitolbu lil xi ħadd imħarreġ fil-ħwejjeġ ta’ Alla biex jgħinna f’din it-tiftixa”.
Meta mbagħad induqu din it-tjubija ta’ Alla, inkunu nistgħu ninbnew f’tempju ħaj li joffri kenn lill-oħrajn li għadhom ifittxu.