Midja Pożittiva
Ukoll jekk aħbarijiet “suwed” jagħmlu aktar ħoss u jisirqu l-attenzjoni, il-ktieb tal-ħajja fih ħafna paġni sbieħ; imma spiss jiġri li dan il-ktieb jibqa’ magħluq bil-konsegwenza li għadd ta’ stejjer u stampi sbieħ jibqgħu mistura. Ħafna jiddependi mill-għażliet li jagħmlu jew l-aġenziji tal-aħbarijiet jew l-istess ġurnalisti. Ċert li jkun kontribut apprezzat mill-kotra jekk il-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali jitkellmu u jinfurmaw aktar dwar ħaġar prezzjuż li jagħni s-soċjetà tagħna. Kuljum madwarna fil-ħajja ordinarja tal-poplu tagħna jseħħu esperjenzi pożittivi, xi wħud ukoll erojċi; kieku l-ġurnaliżmu tagħna jagħti aktar kas tagħhom, esperjenzi bħal dawn mhux biss jgħinu biex titkattar viżjoni pożittiva tal-ħajja, imma jistimulaw lil ħaddieħor biex hu wkoll jagħmel il-qalb biex jagħmel is-sewwa.
Waħda mill-ġojjelli fost dan il-ħaġar prezzjuż hija l-familja tradizzjonali Maltija msejsa fuq l-imħabba konjugali bejn raġel u mara u miftuħa għall-ħajja. Fi ħdan ħafna minn dawn il-familji tagħna jiġru l-mirakli tal-imħabba: hemm miżżewġin li huma kuntenti minkejja d-diffikultajiet marbuta mal-impenn tar-relazzjoni tagħhom; hemm ġenituri litteralment issagrifikati għal uliedhom; hemm każijiet fejn tara dedikazzjoni assoluta lejn il-marid, persuni b’diżabbiltà, anzjani, u oħrajn. Rari l-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali jirrakkontaw dawn id-drammi umani. Approwċ pożittiv mill-midja dwar il-familja jagħmel il-qalb lill-adolexxenti u liż-żgħażagħ tagħna li quddiemhom għandhom l-għażla li jiffurmaw il-familja tagħhom.
Huwa fatt li fostna għandna diversi mudelli ta’ familja. Jekk dawn kollha għandhom id-dritt li jeżistu, allura ebda mudell ma għandu jkun eskluż, lanqas il-familja tradizzjonali tagħna li taqbel mal-mudell ta’ familja skont il-viżjoni Nisranija.
F’Mejju li ġej niċċelebraw is-sebgħin sena tar-rivista ta’ kull xahar Il-Ħajja f’Għawdex. Għalkemm għaddew tant snin, nemmen li l-għan li għalih bdiet tiġi ppubblikata din ir-rivista djoċesana għadu validu: li Għawdex ikollu vuċi fil-qasam medjatiku. Filwaqt li għandna nagħtu kull appoġġ biex din ir-rivista tibqa’ taqdi l-għan tagħha, inħeġġeġ lill-ġurnalisti Għawdxin jagħmlu użu tajjeb mill-professjoni tagħhom biex il-ħajja li tiżvolġi ruħha f’din il-gżira tkun magħrufa u rrakkontata wkoll mill-midja nazzjonali. Mhux darba u tnejn il-vuċi ta’ Għawdex tibqa’ ma tingħata ebda widen; u meta tingħata attenzjoni, ħafna drabi dan ikun b’karità! Nemmen li Għawdex għandu potenzjal biżżejjed biex il-midja nazzjonali ma tittrattahx bħala xi zona remota u sekondarja, imma bħala parti integrali min-Nazzjon.
Ritratti: Joe Grech