Mir-Reliġjożità għall-Fidi
Għadna kif smajna lil Ġesù fil-Vanġelu (Ġw 14:23-29) jgħidilna sentenza importanti ħafna għall-fidi tagħna u għall-ħajja tagħna. Aħna nemmnu mhux għax immorru l-knisja, mhux għax nitolbu – dak ukoll – imma prinċipalment mhux għalhekk. Aħna nemmnu għax il-kelma li jgħidilna Ġesù nippruvaw ngħixuha fil-ħajja tagħna. U hawn diffiċli ħafna biex ngħixuha.
Meta kien ġej il-Papa Franġisku minn Malta għal Għawdex fuq il-katamarann, kont qiegħed nitkellem mal-Kardinal Pietro Parolin, li huwa s-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan. Staqsieni liema hija l-ikbar diffikultà li aħna għandna fil-fidi fil-gżira Għawdxija, u jien qgħadt ngħidlu li aħna nies li mmorru l-knisja u fil-parti l-kbira tagħna nagħmlu l-festi u nħobbu lil Alla, imma mbagħad ħafna drabi nibqgħu f’dik li ngħidulha reliġjożità popolari. Il-fidi ma tinżilx fil-fond tal-qalb tagħna, ma tinżilx hemm isfel, ma tmissx l-għażliet tal-ħajja tagħna. Ħa nġibilkom eżempju. Jekk ħija kellu xi jgħid miegħi, jiena ndum inġorr fija l-lanżita ma nafx kemm! Dak ifisser li l-fidi f’Ġesù lili ma messitnix, u nsib elf ġustifikazzjoni. Nista’ nagħmel mhux festa, tnejn, tlieta lil San Pawl u lill-qaddisin kollha, imma l-fidi għadha biss reliġjożità popolari. Jew inkella għandi pika bejn familja u oħra, jew bejn raħal u ieħor… dan ifisser li l-fidi għadha ma niżlitx, għadha xi ħaġa superfiċjali, fil-wiċċ.
U qgħadt ngħidlu hekk lil Parolin. U hu dar lejja u qalli: “Dun Anton, inti taħseb li l-fidi f’Ġesù hija xi ħaġa faċli?”. Imma kompla: “Imma b’daqshekk ma nistgħux nieqfu kemm li ngħixuha aħna l-ewwel u qabel kollox, u kemm li nkomplu nħambqu biex din il-fidi ma tibqax qoxra imma nibdew ngħixuha ta’ veru kollha kemm aħna”. Għax aħna jirnexxilna b’mod eċċezzjonali nistaħbew taħt xi ħaġa biex niġġustifikaw żball li għalina ma jkunx aktar żball. L-importanti li l-kuxjenza ma tibqax tniggiżna. Meta l-Kelma ta’ Alla ma tibqax tagħtina bil-ponn ġol-istonku tagħna, hemmhekk aħna nkunu waqafna nisimgħu. Meta l-Kelma ta’ Alla ma tibqax toqrosna, ifisser li ma għadniex nisimgħu.
Għadna kif smajna dan ir-rakkont tal-miġja ta’ San Pawl f’Malta, u nimtlew b’sensazzjoni. San Pawl ġabilna lil Ġesù, mhux biss biex insiru nafu fuqu imma biex insiru nafu lilu u biex nieħdu fuqna s-sentimenti tiegħu, l-atteġġjamenti tiegħu, l-għażliet tiegħu, il-ħsibijiet tiegħu. U din hija diffiċli. Imma din hi l-fidi, u aħna ’l hemm irridu nimxu. Jekk aħna nieqfu nimxu ’l hemm, inkunu staġnajna. U nistgħu ngħidulha tradizzjoni, kultura, mod soċjali kif niltaqgħu, imma mhix fidi. Il-fidi hi aktar minn hekk. U dan ngħiduh b’mod speċjali llum fis-Solennità li qegħdin niċċelebraw fil-Parroċċa tagħkom, ta’ dak li ġabilna l-fidi, tal-Missier tagħna fil-fidi.
Għadna kif smajna din il-ġrajja li hi kollha kemm hi ġrajja ta’ xewqa kbira ta’ salvazzjoni – periklu ikrah u kbir, imma kull min qiegħed fil-periklu jixtieq b’xi mod isalva, b’xi mod jixtieq li ma jbatix, jew fl-aħħar mill-aħħar jixtieq li ma jmutx. It-tbatija għalfejn tbeżżagħna? It-tbatija tbeżżagħna għax fl-aħħar mill-aħħar ġustament tbeżżagħna l-mewt. Imma għalina li nemmnu l-mewt ma għandhiex l-aħħar kelma. Jien nemmen li wara l-mewt hemm ħajja oħra? Dan mhux biss qaluhulna Ġesù u Pawlu, imma dan ġara lil Ġesù. L-istess Iben ta’ Alla ġarrab it-tbatija u l-mewt tiegħu fuq is-salib, id-difna u l-qawmien. U dan għalfejn? Biex jurina li aħna li aħna wlied Alla, u wlied il-bniedem ukoll bħalma hu kien Bin il-bniedem, ngħaddu mill-istess ġrajjiet – il-ħajja, it-tbatija, il-mewt, id-difna u l-qawmien kollha kemm aħna.
Allura aħna meta nqisu u niġġudikaw il-ħajja, ma nistgħux nikkunsidrawha biss sal-mewt, għax inkunu qegħdin inħallu barra biċċa importanti, biex ma ngħidx il-biċċa l-aktar importanti tal-istorja tagħna. Mhux se nidħol fuq jekk hemmx ħajja jew le wara l-mewt. Imma ta’ min nippruvaw napprofondixxu sakemm tasal l-istess xjenza, għax illum anki x-xjenza għandha ħafna bibien miftuħin, għandha ħafna unknowns, hemm ħafna mistoqsijiet, ma tafx x’jiġri wara l-mewt. Anzi, hawn xjenzati kbar li jitkellmu fuq kuxjenza superjuri li tmur ’l hinn min-newroni li jduru f’moħħna u li jmutu mal-mewt tagħna. Imma mhux l-iskop tagħna llum li nirriflettu fuq il-ħajja wara l-mewt.
Ejjew nirriflettu ftit fuq dak li f’pajjiżna qegħdin nitkellmu u niddiskutu fuqu: il-kwistjoni tal-ewtanasja assistita. Anki hawn, biex inkunu ċari, ix-xewqa profonda li hemm hi li nevitaw it-tbatija. Din hija xewqa fiha nfisha tajba u sabiħa, u allaħares xi ħadd imeriha. Għax jekk jien niġi hawn quddiemek u ngħidlek: ‘Għandek bżonn tbati. Trid tbati!’, tgħid: ‘Jew dan moħħu mar, jew inkella m’aħniex nifhmuh’. Li nevitaw it-tbatija mhux biss bżonn, imma dmir ta’ min hu responsabbli. Imma hemm mod u mod kif tevita t-tbatija. Hemm modi differenti kif naslu għal dan il-għan li kollha kemm aħna naqblu fuqu. Ilkoll kemm aħna naqblu li l-bniedem sal-aħħar mument ta’ ħajtu għandu dritt jgħix b’dinjità. Imma kif se jgħix sal-aħħar mument ta’ ħajtu b’dinjità? B’liema mod? Jiena naħseb li jekk inwasslu lil xi ħadd (għax il-kelma tagħna tgħodd) biex jagħmel dak li qed ngħidulu ‘ewtanasja assistita’ – li fil-fatt mhix ħlief suwiċidju assistit –, aħniex Knisja, aħniex Stat, aħniex tobba, aħniex psikologi, aħniex soċjetà b’mod ġenerali, aħniex familja… inkunu niddikjaraw ilkoll kemm aħna flimkien falliment tan-nuqqas ta’ kapaċità tagħna li nwasslu persuna b’mod trankwill u seren sal-mument tal-mewt tagħha naturali, mingħajr ma nħalluha lilha stess tgħix fid-disperazzjoni. U dan hu falliment kbir! Meta aħna m’aħniex kapaċi ngħinu persuna tasal b’serenità sal-aħħar mument tal-mewt tagħha, il-mixja naturali tal-ħajja, aħna falluti: fallejna bħala Knisja, fallejna bħala Stat, fallejna bħala sptar, bħala mediċina, bħala politiċi, bħala soċjetà, u fallejna bħala familja.
Ma nkunux fallejna meta naqbdu din l-attitudni li smajna llum fil-Qari sabiħ tal-Atti tal-Appostli (27-28), li kollha kemm huma jinġabru qaqoċċa biex isalvaw. Ħin minnhom il-baħrin li ndunaw li kien wasal l-aħħar tad-dinja – għax hekk jiddeskriviha San Luqa, il-kliem li juża hu ‘spiċċa kollox!’ – qatgħuha li jaħarbu: ‘Nissugraw xortina biex, jew immutu weħidna, jew jista’ jiġri li nsalvaw’. Pawlu jinduna u jgħid lill-kaptan tal-ġifen li jekk se jitilqu dawn, se jmut kulħadd! Interessanti dik l-espressjoni ta’ Pawlu: ‘Jekk se jitilqu dawk, ma nsalvawx’. Xi jfisser dan? Kemm tlifnieha din mill-mentalità tagħna ta’ poplu Malti u Għawdxi! Kemm tlifnieh din is-sens ta’ komunjoni u ta’ familja, dan is-sens ta’ flimkien! Intom tafu x’kien jiġri meta xi ħadd ta’ qabilna kien jasal fl-aħħar u sejjer imut? Kien jinġabar ir-raħal kollu mal-qassis f’purċissjoni biex ma jmutx waħdu. Min kien se jħossu waħdu! Illum inħossu l-bżonn li nitilqu minn din id-dinja, għax inħossuna żejda minn tant kmieni, kultant anki miċ-ċkunija. Tfal diġà żgħar jagħmlu l-iljieli fiċ-childcare centres – orfanatrofji ta’ żmienna! X’ma jħossx il-bniedem li jrid jitlaq minn din id-dinja! Spiċċa s-sens ta’ familja, ta’ komunjoni. U hawn inħoss li fallejna bħala Knisja. Wara daqshekk snin ta’ predikazzjoni, daqshekk snin ta’ katekiżmu, daqshekk snin ta’ tagħlim, fejn hi l-fidi f’Ġesù, li taħtu sal-aħħar mument kien hemm Marija, Ġwanni, Marija Maddalena, in-nisa… u d-demm iċarċar nieżel? Kienx hemm xi ġrajja hekk kiefra daqs din? Iżda dawk kienu hemm.
U dan San Pawl ippritkahulna fl-Ewwel Ittra lill-Korintin: “Huwa skandlu għal-Lhud u bluha għall-pagani”, bħalma hu ġenn għalina. Is-salib għalina ġenn, bluha. Li tbati hu bluha, ġenn. Imma għal dawk li jemmnu, “huwa l-qawwa ta’ Alla u l-għerf ta’ Alla” (ara 1:22), għaliex jekk aħna bħala soċjetà nkunu kapaċi verament nakkumpanjaw persuna b’mod mediku, dan hu suffiċjenti – dik li ngħidulha l-kura paljattiva. Mhux biżżejjed il-morfina, li minflok li l-bniedem imut b’dinjità, tistordih, bil-mod il-mod teqridlu l-organi interni tiegħu u jispiċċa biex imut. Hemm modi oħrajn ta’ kif tagħmel kura paljattiva. Inħarsu lejn pajjiżi żviluppati aktar minna, imma hemmhekk hemm flus x’tinvesti, ħafna aktar minn injezzjoni li toqtlok biex ma tagħmilx erba’ xhur oħra tiddependi minn persuni oħrajn. Il-kura paljattiva hi l-ewwel u qabel kollox mod differenti u pożittiv li jirrispetta l-ħajja mill-bidu nett sal-aħħar nett tagħha.
Aħna ngħixu bl-illużjoni li l-ħajja hi tagħna. Mhix tagħna l-ħajja! Aħna sibna ruħna fil-ħajja. Sibna ruħna fuq dan il-karettun. Sibna ruħna fuq din it-tren. Indunajna f’ċertu punt ta’ ħajjitna li xi ħadd irregalalna don kbir. Imbagħad nagħmlu ftit snin, u nistordu, u naljenaw ruħna li aħna sidien tal-ħajja tagħna. U nista’ nagħmel li rrid, immur fejn irrid! U mbagħad nerġgħu nibdew neżlin, għax l-anzjanità hekk tagħmillek: tfakkarni fir-realtà li jiena niddependi, jiena m’iniex awtosoffiċjenti, jiena ma għamiltx lili nnifsi. U nirribella: din ma rridhiex, ma naċċettahiex din li jien niddependi minn ħaddieħor u li jien dgħajjef. Irrid nibqa’ kif kont ta’ tletin sena, ta’ għoxrin sena. L-illużjoni ta’ żmienna! Nista’ nsemmi kollox: il-media soċjali… żgħażagħ għal dejjem! Kultant inkunu taċ-ċajt. Imma llum nistgħu nakkumpanjaw persuna bil-kura paljattiva. Illum ix-xjenza kapaċi tniżżel verament fil-minimu tiegħu l-uġigħ, imma kollox jiswa l-flus. Jien naħseb aħjar ninvestu l-flus b’dak il-mod, milli ninvestuhom mod ieħor.
Barra l-akkumpanjament mediku hemm l-akkumpanjament psikoloġiku. Ħafna xogħol tajjeb jagħmluh il-Hospice, imma anki l-Hospice limitati. Hija organizzazjoni privata, imma jagħmlu ħafna xogħol tajjeb, ta’ akkumpanjament psikoloġiku lil persuni li jkunu waslu fit-tarf ta’ din il-ħajja. U min jgħidli lili li fl-aħħar ġurnata ta’ ħajti ma nħossx il-bżonn li nsejjaħ lil xi ħadd biex inkellmu u nirranġa miegħu? Min jgħidli lili li forsi fl-aħħar mument ta’ ħajti ma nħossx il-bżonn li nersaq lejn Alla? Għalfejn għandi minn qabel nipprevedi u niddeċedi jien fuq it-tmiem ta’ ħajti bl-illużjoni li jiena għandi saħansitra kontroll fuq il-mewt? Din l-illużjoni hija att kbir ta’ suppervja tal-bniedem. Jiena naf li qed nitkellem fuq affarijiet delikati u ibsin ta’ tbatija, imma nista’ ngħid bħal ħafna minnkom ukoll li messejt ħafna mat-tbatija. Allura bħalma kulħadd jista’ jitkellem, anki aħna nistgħu nitkellmu, anki jien nista’ nitkellem. Hemm modi u modi kif nistgħu nakkumpanjaw persuna sal-mewt.
Hemm imbagħad l-aspett spiritwali. Aħna li qegħdin hawn, qed nagħmlu Festa lil San Pawl. Toħroġ aktar minn nofs Malta għall-festi, biex ma ngħidx Malta kollha! Fejn hu l-aspett spiritwali? Fejn hu l-akkumpanjament spiritwali fil-mumenti tal-mewt? Forsi anki ħtija tagħna wkoll, għax il-mewt tant bdiet tbeżżagħna, għax din il-problema fuq kollox hija l-biża’ mill-mewt u l-illużjoni li nirbħu l-mewt u l-mument meta tiġi. Hemm qiegħed kollox: fil-biża’ mill-mewt. U meta nisma’ l-argument ‘biex ma nbeżżgħux in-nies’… ma ninsewx li jekk hemm proposta ta’ liġi li hija mibnija fuq il-biża’, hija din: fuq il-biża’ mit-tbatija, fuq in-nuqqas ta’ aċċettazjoni tal-fraġilità tal-umanità tagħna, in-nuqqas ta’ aċċettazjoni ta’ dak li aħna.
U hawn problema serja li titfagħna biex nitkellmu mhux fuq il-kwalità tal-mewt, imma fuq il-kwalità tal-ħajja. Forsi aktar faċli li nitkellmu fuq il-kwalità tal-mewt, u nistordu u naljenaw ruħna fuq il-kwalità tal-mewt, u nibqgħu hemmhekk, milli nitkellmu fuq il-kwalità tal-ħajja li qegħdin ngħixu. Il-kompetizzjoni saret il-ħobż tagħna ta’ kuljum: kif nidher, kemm għandi degrees, kemm naqla’ flus, kemm għandi proprjetà. U t-tfal? Morru fi grawnd tal-futbol – ħafna minnkom tkunu hemm. Morru u araw x’tisimgħu mingħand il-ġenituri. Araw x’tisimgħu fil-familji wara logħba futbol meta l-kowċ, forsi għandu sittin u jrid jilgħab sebgħa – jew meta tmur tajjeb, ħdax – kif se jagħmel dan biex jilgħabhom kollha, għax inkella l-ġenituri jibilgħuh! Il-kompetizzjoni saret il-kwalità tal-ħajja. Ġesù jgħidilna: Għinu lil xulxin, aqsmu ma’ xulxin, batu għal xulxin. Il-kompetizzjoni x’tagħmel? Tagħmel ħafna outcasts. Titfa’ ħafna nies ’il barra. Ikollok il-ftit u l-ħafna jħossuhom barranin, iħossuhom mormijin, iħossuhom barra mil-familja, mis-soċjetà. Ejjew nirrealizzaw li aħna diġà qegħdin ngħixu f’din il-mentalità. Imbagħad naturali li nsiru soċjetà tax-shortcuts!
Nixtieq nikkonkludi din ir-riflessjoni billi l-ewwel u qabel kollox inħeġġeġ lilna s-saċerdoti u lilkom l-Insara li qegħdin hawn, u dawk li qegħdin jisimgħu – l-Insara li huma kuntenti u li jżommu li huma Nsara: Ejjew nerġgħu ngħixu dak li għallmuna ta’ qabilna b’modi ġodda, għax ma nistgħux ngħixu f’soċjetà antika. Ejjew inkunu qrib il-marid. Ejjew nagħmlu l-ministeru tal-konsolazzjoni ħdejn is-sodod tal-isptar u ħdejn is-sodod tal-anzjani u l-morda li għandna fid-djar. Ejjew ma nħallu lil ħadd iħossu piż. Din hija responsabbiltà tagħna issa. Ejjew aħna – saċerdoti, kappillani, kappillani tal-isptar – inkunu verament ħdejn il-marid bħala sapport u sostenn. ‘Hemmhekk ħa ssibni lili ħa ngħinek, ħa nżommlok idejk dak il-mument meta inti sejjer, meta int se titlaq u tħossni miegħek, tħossok miegħi, mhux tħossok mejjet diġà xhur qabel – mormi pparkjat xi mkien, jew f’xi sodda l-isptar jew f’dar tal-anzjani’. Ejjew aħna l-Insara – jien l-ewwel, jien l-Isqof – inkunu aktar konxji minn din il-missjoni li għandna li nakkumpanjaw lill-persuna l-aktar fid-dgħufija tagħha. Il-maqlub ta’ kif tgħid is-soċjetà. In-nies iduru ma’ min hu sinjur, ma’ min għandu proprjetà, ma’ min hu famuż, mhux ma’ min hu dgħajjef, mhux ma’ min hu xiħ u jinten.
Dan ifisser ngħixu l-fidi: dak li qal Ġesù fil-Vanġelu tal-lum: ‘Minn dan intom tkunu tafu li tħobbuni, jekk tisimgħu u twettqu l-kelma tiegħi’. Imma mbagħad Ġesù jwegħedna xi ħaġa sabiħa ħafna: li meta nimxu warajh, meta nisimgħu l-Kelma tiegħu u nwettquha, nirbħu t-taħwid fil-moħħ: “Tħallux qalbkom titħawwad”. Kemm għandna bżonn inneħħu t-taħwid minn moħħna. Kemm għandna taħwid ġo moħħna! U l-oħra l-biża’. Ħafna għażliet li nagħmlu huma mibnijin fuq il-biża’. L-istorja l-oħra tad-droga li issa nsejnieha, blajnieha, inbniet fuq il-biża’ li ma nkunx kuntent, il-biża’ li ma nkunx sew, il-biża’ li ma nkunx kapaċi naffronta problema jew diffikultà. Ġesù qed jgħidlek le. Qed jgħidlek: ‘Jekk jiena miegħek, int kapaċi taffaċċja kollox. Ilqagħni bil-verità f’ħajtek, aċċettani bil-verità f’ħajtek’.
Ġesù jneħħilna t-taħwid u l-biża’ mill-moħħ, u jagħtina s-sliem, iżda mhux kif tagħtihulna d-dinja. Qalha ċar. Is-sliem tad-dinja x’inhu? Flus, apparenza, proprjetà, nikkmanda jien, u l-kompetizzjoni li ġġibek waħdek. Irriflettu kif dawk li jkunu miegħek ikunu jew jibżgħu minnek jew iridu xi ħaġa mingħandek. Ġesù qed jgħidilna: “Min iħobbni jħares kelmti”. San Pawl illum qalilna: ‘Jew flimkien, jew negħrqu kollha kemm aħna’.
Ejjew nitolbu lil dan il-Qaddis tagħkom li intom tant tħobbu biex jagħtina li ngħaddu dejjem aktar mir-reliġjożità popolari għall-fidi vera.