Mitis Judex, għal Dixxerniment Ħanin
Għalina s-saċerdoti l-Avvent mhux biss huwa żmien biex bil-predikazzjoni tagħna ngħinu lill-oħrajn jagħmlu l-laqgħa tagħhom ma’ Kristu, imma huwa wkoll iż-żmien it-tajjeb għalina stess biex aħna nġeddu l-laqgħa tagħna ma’ Kristu. Jekk jien bħala saċerdot ma nkunx skoprejt preżenza ġdida tal-Mulej, kif nista’ ngħin lil ħaddieħor jagħmel dan? Fil-Liturġija dalwaqt nisimgħu l-istedina biex inħejju t-triq tal-Mulej, niddirittaw il-mogħdijiet tiegħu, u “kull wied jimtela, kull muntanja u għolja titbaxxa… it-triqat imħarbta jitwittew u l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla” (Lq 3:5-6). Ma hemm ebda ħofra li ma tistax timtela. Ma teżisti ebda blata li ma tistax titwarrab. Kull triq mgħawġa u mħarbta tista’ titranġa. Imma donnu hawn min mhux konvint li l-grazzja kapaċi tagħmel dan kollu! Kieku nemmnu fil-qawwa tal-grazzja, kieku m’hawnx dan il-biża’ biex nattwaw dak li qed jgħidilna “Pietru” f’kapitlu 8 tal-Amoris lætitia fir-rigward ta’ dawk li għandhom problemi fil-ħajja taż-żwieġ. Jien nifhem li qed jaslulkom messaġġi li jistgħu joħolqulkom inċertezza u konfużjoni – mhux ħaġa sabiħa taqra li hawn isqfijiet li għandhom spirtu sataniku. Nixhed quddiem Alla li dak li qed ngħidilkom qed ngħidu bl-akbar responsabbiltà bħala isqof ta’ din il-Knisja partikulari f’għaqda ma’ Pietru, u ta’ dan għandi l-konferma ta’ Pietru.
Għal darb’oħra, fl-aħħar Ittra Appostolika tiegħu Misericordia et misera, il-Papa Franġisku jerġa’ jfakkarna fil-“kumplessità tar-realtà tal-familja llum” u jisħaq li f’dan il-kuntest soċjali u ekkleżjali huwa “importanti li tasal għand il-familji tagħna kelma li għandha l-qawwa li tfarraġ”. Il-kelma li biha nistgħu noffru l-faraġ mhix xi waħda elaborata fil-moħħ frott tal-intelliġenza umana, imma hija “persuna” għaliex hija l-“Kelma ta’ Alla” li fil-milja taż-żmien saret laħam! Kull xorta ta’ għajnuna li l-komunità ekkleżjali tista’ toffri lil dawn il-persuni għandha tkun frott ta’ “dixxerniment spiritwali attent, profond u fit-tul, biex kulħadd, ħadd eskluż, kull sitwazzjoni ħajja, tista’ tħossha konkretement milqugħa minn Alla, tieħu sehem attiv fil-ħajja tal-komunità u tkun inserita f’dak il-Poplu ta’ Alla li miexi bla heda lejn il-milja tas-saltna ta’ Alla, saltna ta’ ġustizzja, ta’ mħabba, ta’ maħfra u ta’ ħniena”.
Dan id-dixxerniment kollu ħniena huwa meħtieġ għaliex kull wieħed “iġorr miegħu l-għana u t-toqol tal-istorja tiegħu li tagħmlu differenti minn kull bniedem ieħor”; il-fatt li kull bniedem huwa uniku u għandu storja irrepetibbli li tiżvolgi f’ċirkustanzi partikulari, jikkuntrasta mal-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali. Lill-mara li nqabdet fil-fatt fl-adulterju, il-Lhud riedu jħaġġruha skont il-liġi li kien tahom Mosè (ara Ġw 8:4-5). Din kienet applikazzjoni tal-prinċipji morali mingħajr ebda dixxerniment. Imma l-attitudni ta’ Ġesù kienet differenti, għax hu “reġġa’ lura l-liġi ta’ Mosè għall-għan oriġinali u ġenwin tagħha. Fil-qalbha m’hemmx il-liġi u l-ġustizzja legali, imma l-imħabba ta’ Alla, li jaf jaqra fil-qalb ta’ kull persuna, biex jifhem dik l-iżjed xewqa moħbija, u li għandu jkollha l-primat fuq kollox”. Dan kollu huwa konformi mat-teoloġija morali tomista – kif jirrimarka l-Papa nnifsu, “il-morali mħaddma fl-Amoris lætitia hi tomista, imma dik tal-kbir San Tumas, u mhux dik tal-‘iskolastika dekadenti’ li fuqha jimxu xi teologi.
F’dan kollu għandna eku tal-metodu pastorali li jagħtina l-Papa fil-kapitlu 8 tal-Amoris lætita biex inkunu nistgħu nindirizzaw id-diversi għamliet ta’ dgħufija li għaddej minnhom il-bniedem fil-kuntest ta’ relazzjonijiet affettivi: “Nieqaf fuq l-istedina għall-ħniena u għad-dixxerniment pastorali quddiem sitwazzjonijiet li mhumiex iwieġbu b’mod sħiħ għal dak li l-Mulej jixtieq minna”. Konxji mill-firxa wiesgħa ta’ sitwazzjonijiet konkreti, ma nistgħux nistennew xi “norma ġenerali ġdida ta’ bixra kanonika, li tapplika għall-każi kollha. Nistgħu biss noffru tħeġġiġa ġdida għad-dixxerniment responsabbli, personali u pastorali tal-każi partikulari, li għandu jagħraf li billi l-grad ta’ responsabbiltà mhuwiex l-istess f’kull każ, il-konsegwenzi u l-effetti tan-norma mhux bilfors ikunu dejjem l-istess”. Huwa għalhekk li “għandna nevitaw ġudizzji li jinjoraw il-kumplessità tad-diversi sitwazzjonijiet”.
Hawnhekk għandna spostament tal-paradigma: minn pastorali tal-legaliżmu xi drabi rigoruż, għall-pastorali li tgħin lill-bniedem jidħol f’relazzjoni personali ma’ Ġesù. Fi kliem il-Papa Franġisku, ġie spostat “il-fus mill-kunċett Nisrani ta’ ċertu legaliżmu, li jista’ jkun ideoloġiku, għall-Persuna ta’ Alla li sar ħniena fil-inkarnazzjoni ta’ Ibnu”. Huwa mqarraq waħda u sew min jaħseb li d-dixxerniment huwa skuża biex wieħed jiżgiċċa l-verità jew biex ikun jiġġustifika l-iżball u hekk iserraħ il-kuxjenza. Dixxerniment responsabbli jitlob aktar impenn minn sempliċi applikazzjoni tal-liġi ad litteram. Fil-fatt, il-loġika legalistika tikkuntenta bil-minimu mitlub, filwaqt li d-dixxerniment iwassal biex wieħed jagħmel it-tajjeb possibbli.
Fil-każ ta’ persuni li għandhom dubji serji dwar il-validità taż-żwieġ tagħhom, wieħed jirrakkomanda li qabel ma jsir id-dixxerniment fil-foro interno, dan isir fil-foro esterno bl-għajnuna tat-tribunali ekkleżjastiċi. Minkejja li huma strutturi ġuridiċi maħkuma minn terminoloġija legalista/kanonistika u l-persuni li joperaw fihom għandhom nomenklatura mislufa mill-qrati ċivili, it-tribunali tal-Knisja joffru servizz eminentement pastorali. Huma għodda siewja biex il-Knisja ssieħeb u tgħin lill-partijiet fiż-żwieġ jagħmlu dixxerniment dwar il-validità tas-sagrament taż-żwieġ tagħhom. Fid-dawl tax-xewqa espressa mill-Isqfijiet matul is-Sinodu biex ikun hemm riforma fil-proċess kanoniku għad-dikjarazzjoni tan-nullità taż-żwieġ, il-Papa Franġisku, “misjuq mill-imħabba u l-ħniena”, tana żewġ moti proprji – Mitis judex Dominus Jesus u Mitis et Misricors Jesus.
Fi kliem il-Papa Franġisku fir-Rescriptum ex Audientia SS.mi tas-7 ta’ Diċembru 2015, dawn in-normi ġodda “jridu juru sewwasew il-qrubija tal-Knisja lejn il-familji midruba, għax tixtieq li l-għadd ta’ dawk li traġikament qed iġarrbu l-falliment fiż-żwieġ jintlaħaq mill-opra fejjieda ta’ Kristu, permezz tal-istrutturi ekkleżjastiċi, bl-awgurju li jiskopru li huma missjunarji ġodda tal-ħniena ta’ Alla lejn ħuthom oħra, għall-ġid tal-istituzzjoni tal-familja”.
Ftit jiem ilu t-Tribunal tar-Rota Rumana organizza kors ta’ formazzjoni għall-isqfijiet dwar din ir-riforma. Għalkemm diversi drabi kien imtenni li l-istħarriġ dwar il-validità tas-sagrament taż-żwieg għandu jsir ad normam iuris, imma kien evidenti wkoll li r-riflessjoni kienet qed issir fil-kuntest tal-Amoris lætitia fejn id-dimensjoni pastorali tipprevali fuq il-loġika ġudizzjarja. Jekk kienet “il-preokkupazzjoni dwar is-salvazzjoni tal-erwieħ li – illum bħall-bieraħ – tibqa’ l-iskop aħħari tal-istituzzjoni, tal-liġijiet, tad-drittu”, li wasslet lill-Papa jagħmel ċertu tibdil sostanzjali fin-normi proċedurali, daqstant ieħor għandha tkun it-‘tensjoni’ pastorali tagħna li timbuttana biex issa nħaddmu dan l-istrument ġuridiku biex ngħinu lil dik il-kategorija tal-ifqar fost il-fqar – għax il-faqar mhux biss dak materjali, imma wkoll dak spiritwali, morali u affettiv. L-implimentazzjoni ta’ din ir-riforma tgħin biex il-Knisja tkun tassew in uscita billi tmur tfittex lil dawk li huma mifluġa minħabba l-falliment tal-ewwel żwieġ imma jibqgħu mbiegħda minnha “minħabba distinza fiżika jew morali” – li tinkludihom u tgħinhom jersqu għand dawk il-ministri tagħha li bi kriterji ekkleżjali jgħinuhom jagħmlu dixxerniment. Din ir-riforma, imsejħa wkoll “rifundazzjoni vera u proprja tal-proċess matrimonjali kanoniku”, ġabet “il-konverżjoni pastorali” tal-proċess fil-kawżi matrimonjali, u hekk illum il-Knisja għandha għodda tajba biex, kif kien qal il-Papa Franġisku fl-omelija tal-ftuħ tas-Sinodu 2015, filwaqt li “tgħix il-missjoni tagħha fil-verità li ma tinbidilx skont il-moda taż-żmien li tgħaddi jew il-fehmiet li jkunu b’saħħithom fil-mument, […] hi msejħa tgħix il-missjoni tagħha fl-imħabba li ma tippuntax subgħajha biex tiġġudika lill-oħrajn, imma – fidila għan-natura tagħha ta’ omm – tħossha fid-dmir li tfittex u ddewwi lill-koppji miġruħa biż-żejt ta’ min jilqagħhom u jħenn għalihom; li tkun sptar fuq il-kamp tal-battalja, bil-bibien miftuħa biex tilqa’ għandha lil kull min iħabbat għall-għajnuna u t-tweżin; fuq kollox, li toħroġ minn wara l-ħajt tagħha biex tmur għand l-oħrajn bl-imħabba vera, biex timxi mal-umanità miġruħa, biex tinkludiha u tmexxiha lejn l-għajn tas-salvazzjoni”.
Karatteristika ċentrali ta’ din ir-riforma huwa l-uffiċċju tal-Isqof djoċesan, b’mod partikulari fil-proċess imqassar. L-E.T. Mons Pio Vito Pinto, Dekan tar-Rota Rumana, jikteb li l-ewwel novità ta’ din il-liġi fundamentali hija l-istedina li jagħmel il-Papa biex l-isqfijiet jassumu l-ħidma li kienu jwettqu l-isqfijiet fl-ewwel sekli meta huma kienu jaġixxu bħala missirijiet, għalliema u mħallfin, u dan minħabba l-potestas sagramentali li huma jirċievu mhux mingħand Pietru imma mill-Ispirtu s-Santu bit-tqegħid tal-idejn. Fid-dawl ta’ dan il-prinċipju teoloġiku, fl-introduzzjoni tal-Motu Proprju l-Papa jafferma: “Sabiex finalment jidħol fis-seħħ it-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II f’kuntest ta’ importanza kbira, ġie stabbilit li jintwera biċ-ċar li l-Isqof innifsu, fil-Knisja tiegħu li tagħha hu r-Ragħaj u l-Kap, fl-istess ħin huwa wkoll l-imħallef qalb il-fidili fdati f’idejh. Wieħed jittama, għaldaqstant, li fid-djoċesijiet kemm kbar u kemm żgħar, l-istess Isqof jagħti sinjal tal-konverżjoni tal-istrutturi ekkleżjastiċi, u ma jiddelegax għalkollox lill-uffiċċji tal-Kurja l-funzjoni ġudizzjarja f’materja matrimonjali. Dan jgħodd speċjalment għall-proċess iqsar li se jkun maħsub biex isolvi każi ta’ nullità ċarissima”, u “lill-istess Isqof djoċesan tmiss il-kompetenza li jiġġudika l-kawżi ta’ nullità taż-żwieġ bl-iqsar proċess possibbli”.
Bħala judex, l-Isqof mhux qiegħed hemm biex “jikkundanna” imma biex jgħin ħalli jsir id-dixxerniment. “Dak li jaf jidher biss intervent ta’ natura ġuridika li jaġixxi fuq il-proċess kanoniku hu fir-realtà intervent kbir ta’ natura pastorali u relazzjonali. Il-Papa jistedinna niltaqgħu mingħajr preġudizzji mal-persuni f’diffikultà u nwieżnu u nsieħbu fl-imħabba u fil-verità mixjiet awtentiċi ta’ fidi”. Huwa jkompli jgħid li “m’aħniex nitkellmu fuq imħallef monokratiku li jieħu kollox fuqu nnifsu, imma fuq ir-ragħaj u missier li fid-djoċesi tiegħu, bl-għajnuna tal-kollaboraturi tiegħu, jiġifieri fil-kolleġġjalità, jelabora mixjiet ta’ dixxerniment u jimmatura d-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu. Id-dixxerniment dejjem hu don li jgħaddi minn mixja ekkleżjali, f’ċertu sens metodu ‘sinodali’”.
Dak li qed ngħid għall-Isqof japplika wkoll għall-ministri tat-tribunali ekkleżjastiċi billi l-potestas iudicialis tagħhom hija waħda vicaria.
Dan jgħodd ukoll għall-operaturi pastorali, partikularment għas-saċerdoti, li ħafna drabi huma l-ewwel li jiġu f’kuntatt ma’ persuni li jkunu jeħtieġu l-akkumpanjament tat-tribunal ekkleżjastiku. Fil-fatt, qabel ma l-każ jitressaq għand l-Isqof jew quddiem il-Vigarju Ġudizzjali li “unum constituit Tribunal cum Episcopii”, ikun diġà sar dixxerniment preleminari. Gwida tajba u f’waqtha fi stadju bikri ta’ dawn l-esperjenzi taf tkun determinanti għall-mod kif jiżvolġi l-każ – la rridu nkunu laxki u anqas rigorużi. Kif jinnota l-Papa Franġisku, “la min hu idu miftuħa żżejjed u lanqas min hu idu magħluqa mhu jagħti xhieda tajba ta’ Ġesù Kristu, għax la wieħed u lanqas l-ieħor mhu jidħol fiż-żarbun tal-persuna li qed jiltaqa’ magħha. Ir-rigorista jaħsel idejh: fil-fatt isallabha ma’ liġi bl-aġir indifferenti u riġidu tiegħu; il-laxk, min-naħa l-oħra, ukoll jaħsel idejh: minn barra biss jidher ħanin, imma fir-realtà ma jkunx qed jieħu bis-serjetà l-problema ta’ dik il-kuxjenza, u jċekken il-gravità tad-dnub. Il-ħniena vera tidħol fiż-żarbun tal-persuna, tismagħha b’attenzjoni, tersaq bir-rispett u bil-verità qrib il-qagħda li tinsab fiha, u sseħibha fil-mixja tar-rikonċiljazzjoni. U dan, iva, bla dubju hu biċċa xogħol iebsa. Is-saċerdot li hu tabilħaqq ħanin iġib ruħu bħar-Ragħaj it-Tajjeb… imma għaliex jagħmel hekk? Għax qalbu taf tagħder, hi l-qalb ta’ Kristu!”.
F’dan l-istadju nerġa’ nqiegħed għall-attenzjoni dak li l-Papa Franġisku jgħid fl-Amoris lætitia filwaqt li jikkwota lil San Tumas ta’ Aquino: “Minkejja li fil-ħwejjeġ ġenerali hemm ċerta neċessità, aktar ma wieħed jinżel fil-ħwejjeġ partikulari, aktar isib indeterminazzjoni. […] Fil-qasam prattiku mhijiex l-istess għal kulħadd il-verità jew in-norma prattika f’relazzjoni mal-partikulari, imma biss f’relazzjoni ma’ dak li hu ġenerali; u anki fost dawk li jaċċettaw l-istess norma prattika għall-każijiet partikulari, din mhijiex magħrufa l-istess minn kulħadd. […] U aktar ma tinżel fil-partikular, aktar tikber l-indeterminazzjoni. Hu minnu li n-normi ġenerali jippreżentaw ġid li qatt m’għandna nwarrbu jew nittraskuraw, imma fil-formulazzjoni tiegħu ma jistgħux iħaddnu għalkollox il-qagħdiet partikulari kollha. Fl-istess ħin irridu ngħidu li, proprju għal din ir-raġuni, dak li jagħmel parti minn dixxerniment prattiku quddiem sitwazzjoni partikulari ma jistax jitgħolla għal-livell ta’ norma. Dan mhux biss jagħti lok għal każistika insapportabbli, imma jispiċċa jqiegħed f’riskju l-valuri li għandna nħarsu b’tant reqqa”.
Nistaqsi jekk dak li l-Papa Franġisku jgħid dwar in-normi jirrigwardax in-norma morali biss jew jinkludix ukoll in-norma kanonika! Nemmen li l-Papa ried jagħti impostazzjoi wiesa’: b’fedelta lejn il-massima tal-kontinwita, huwa ried ifakkarna kemm fil-prinċiji tat-teoloġijamorali tradizjonali kif ukoll f’dawk il-prinċipji kanoniċi li xi drabi kienu ġew ittraskurati.
Mhux qed nirreferi għan-normi hekk imsejħa “kostituttivi” taż-żwieġ sagrament, bħalma huma dawk in-normi li jiddefinixxu ż-żwieġ, bħal fil-każ tat-tria bona taż-żwieg jew in-natura tal-kunsens; imma hemm normi sostanzjali oħra li l-interpretazzjoni taghhom f’ċertu sens tiddependi mid-diskrezzjoni tal-esperti u tal-ministri tat-tribunal, bħalma hu fil-każ tad-diskrezzjoni tal-ġudizzju, l-inabbiltà tal-partijiet, is-simulazzjoni tal-kunsens, l-inċidenza tal-fidi ta’ dawk li jersqu għas-sagrament (illum nitkellmu dwar somnium fidei li huwa impediment għall-adeżjoni ħielsa għar-rabta taż-żwieġ). Dawn huwa “normi” ta’ portata ġenerali li mbagħad f’kull każ jiġu vvalutati fil-partikularità. Peress li f’dawn il-każi l-kundizzjonamenti u ċ-ċirkustanzi tal-individwu għandhom inċidenza qawwija, hemm lok ta’ interpretazzjoni varja ta’ dawn in-normi. Għalhekk hija responsabbiltà pastorali tal-ministri tat-tribunal ekkleżjastiku li fid-dixxerniment tagħhom ifittxu l-verità filwaqt li jgħassu fuqhom infushom biex il-mentalità legalista ma tirrendihomx “nies tal-għeluq, nies marbutin wisq mal-liġi, mal-ittra tal-liġi: mhux mal-liġi”, għax “il-liġi hi mħabba”, imma “mal-ittra tal-liġi”. Ma jkunux bħall-Fariżej “li dejjem kienu jagħlqu l-bieb għat-tama, għall-imħabba, għas-salvazzjoni, nies li kienu jafu jagħlqu”.
Kif jikkummenta tajjeb ħafna l-Beatu Papa Pawlu VI meta kellem lill-ministri tat-Tribunal Ekkleżjastiku, “meta tinterpretaw id-Drittu, intom qed tħaddmu s-setgħat u l-libertà li ngħatawlkom: għalikom ġudizzju ikun tajjeb mhux biss meta s-sentenza tqis l-ekwità naturali; jirrifletti iżjed dik l-æquitas canonica li hi frott tal-karità pastorali tagħkom u tikkostitwixxi waħda mill-aktar espressjonijiet delikati tagħha”.
L-æquitas canonica, li fi kliem il-Karidnal Ostiense (1200), li mbagħad dan jattribwih lil San Ċiprijanu, hija mfissra bħala “iustitia dulcore misericordiæ temperata”, hija “r-regola tar-regoli, li biha l-ordinament dejjem jissupera lilu nnifsu fl-aspett storiku tiegħu”. Hija l-għodda fdata f’idejn dawk li jinterpretaw u japplikaw il-liġi biex jimmitigaw liġi li taf tkun astratta u iebsa. “Il-Kodiċi attwali ħoloq l-esiġenzi tiegħu ta’ ħniena u ta’ umanità fid-dawl ta’ ġustizzja iktar ħelwa, li kapaċi tifhem iktar… Imbagħad jippreċiża l-portata tal-æquitas u l-funzjoni li għandha: din tikkonsisti f’ġustizzja ogħla fid-dawl ta’ fini spiritwali; trattab is-severità tad-drittu, u xi drabi tħarrax ukoll ċerti pieni; f’kull każ tintagħżel mid-dritt purament pożittiv, għax dan ma jistax jagħti każ taċ-ċirkustanzi”. Ostiense, li kien kanonista Medjevali sensibbli ħafna għall-ħtiġijiet pastorali, filwaqt li jsostni li l-ekwità kanonika hija “inter rigorem et dispensationem vel misericordiam”, jafferma li l-“æquitas est iustitia, est motus rationabilis regens sententiam et rigorem”.
Fid-dawl ta’ dawn il-ftit riflessjonijiet imnebbħa kemm mill-Ittra Appostolika Misericordia et misera u kemm mill-Eżortazzjoni Amoris lætitia, biex fid-dixxerniment miżerikordjuż li jsir fil-foro esterno meta nsieħbu lil dawk il-persuni Nsara li huma miżżewġin imma issa daħlu fit-tieni relazzjoni, inħallu s-sensus charitatis jiggwidana fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tan-normattiva sostanzjali, iktar u iktar dik proċedurali, dwar iż-żwieġ kanoniku, għandna rimedju pastorali ieħor kif ngħinuhom jintegraw ruħhom b’mod sħiħ fil-Knisja.
Nagħlaq b’rakkomandazzjoni li jagħmlilna l-Papa, li għalkemm tirreferi għalina bħala konfessuri, tgħinna wkoll biex ngħinu fid-dixxerniment: “Lis-saċerdoti nistedinhom mill-ġdid sabiex jippreparaw ruħhom sewwa ħafna għall-ministeru tal-Qrar, li huwa tassew missjoni saċerdotali… nitlobkom li tkunu akkoljenti ma’ kulħadd; xhieda tat-tenerezza paterna minkejja l-gravità tad-dnub; attenti sabiex tgħinu lil dak li jkun jirrifletti fuq il-ħażen li jkun għamel; ċari meta tippreżentaw il-prinċipji morali; disponibbli biex takkumpanjaw il-fidili fil-mixja penitenzjali, filwaqt li bil-paċenzja żżommu mal-pass tagħhom; tħarsu fil-bogħod fid-dixxerniment ta’ kull każ individwali; ġenerużi f’li tqassmu l-maħfra ta’ Alla. Bħalma Ġesù quddiem il-mara adultera għażel li jibqa’ fis-silenzju sabiex isalvaha mill-kundanna għall-mewt, bl-istess mod is-saċerdot fil-konfessjonarju għandu jkollu qalbu miftuħa, konxju li kull penitent qiegħed ifakkru fl-istess kundizzjoni personali tiegħu nnifsu: midneb, iżda ministru tal-ħniena”.
FRANĠISKU, Ittra appostolika Misericordia et misera, 20 ta’ Novembru 2016, 14.
Ibid.
Ibid.
Ibid., 1.
“Avere coraggio e audacia profetica”, f’Civiltà Cattolica, 24 novembre 2016, 422.
FRANĠISKU, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Amoris lætitia, 19 ta’ Marzu 2016, 6.
Ibid., 301.
Ibid., 296.
Intervista tal-Papa Franġisku ma’ Avvenire, 17 ta’ Novembru 2016.
Ara AL, 244.
FRANĠISKU, Motu proprju Mitis Iudex Dominus Iesus, 15 ta’ Awwissu 2015.
P.V. PINTO, “La riforma del processo matrimoniale per la dichiarazione di nullita voluta e decisa da Papa Francesco”, fi Quaderni dello Studio Rotale 23 (2016), 58.
FRANĠISKU, Omelija fil-Ftuħ tal-XIV-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, 4 ta’ Ottubru 2015.
MI, III.
Kodiċi tad-Drittu Kanoniku, Kan. 1683.
P.M. FRANGELLI, “A riforma del processo”, f’Sette giorni dagli Erei al golfo.
Ibid.
FRANĠISKU, Diskors lill-kappillani fid-Djoċesi ta’ Ruma, 6 ta’ Marzu 2014.
AL, 304.
FRANĠISKU, Omelija, 31 ta’ Ottubru 2014.
PAWLU VI, Diskors lir-Rota, 8 ta’ Frar 1973.
G. SCIACCA, “I legami tra misericordia, equità nel diritto e la «pietas» che vince il nichilismo”.
PAWLU VI, Diskors lir-Rota, 8 ta’ Frar 1973.
Misericordia et misera, 10.