Aqbeż għall-kontenut

Morru fid-Dinja Kollha

QARI: Għerf 7:7-14; Efes 4:7,11-15; Mk 16:15-20

“Morru fid-dinja kollha u xandru l-Bxara t-Tajba”. Hekk għamel Ġesù mad-dixxipli tiegħu qabel ma tela’ s-Sema. U aħna l-lejla nġbarna flimkien ħalli nisimgħu din il-Bxara t-Tajba. Aħna l-lejla ltqajna flimkien biex nagħmlu festa f’ġieħ wieħed mid-dixxipli ta’ Kristu illi laqa’ dan il-kmand ta’ Kristu u kien predikatur tal-Bxara t-Tajba.

X’inhi din il-Bxara t-Tajba? Smajna l-ewwel lezzjoni meħuda mill-ktieb ta’ l-Għerf. Għeżież tiegħi, il-Bxara t-Tajba illi jwasslilna Kristu, l-Iben ta’ Alla, hija għerf. U tant hu għerf nobbli, illi jwettaq lill-bniedem ta’ kull żmien, illi jien nista’ ngħid, bħalma jgħid l-awtur ta’ dik is-silta tal-ktieb ta’ l-Għerf, illi min isib l-għerf ikun sab id-deheb. Anzi d-deheb m’hu xejn ħdejn l-għerf! Min jiltaqa’ ma’ l-għerf ikun qisu sab il-ġawhar. Għeżież tiegħi, ma nafx taqblux miegħi imma naħseb huwa l-każ fi żminijietna illi l-ġawhar qegħdin nitfgħuhom f’riġlejn il-qżieqeż. U qed nirriferi għall-ġawhra ta’ l-għerf, mhux l-għerf tad-dinja imma l-għerf ta’ Alla, dak l-għerf illi saħħar warajh tant bnedmin, fosthom Sant’Antnin ta’ Padova. Anzi Sant’Antin ħassha li hija missjoni tiegħu illi jiġbed oħrajn ħalli jisimgħu u jsiru jafu b’dan l-għerf.

Jekk aħna nħarsu ftit lejn il-ħajja ta’ madwarna nindunaw mingħajr ebda sforz kbir kemm il-bniedem tal-lum qiegħed jitlef din l-opportunità illi jiltaqa’ ma’ l-għerf. Mhux għaliex ma jismax bih, mhux għaliex il-Bxara t-Tajba ma tasalx f’widnejh, imma għaliex jirreżisti. Aħna għandna qawwa, għeżież tiegħi, illi nagħmlu reżistenza għas-sewwa; għax dan huwa l-għerf ta’ Alla: il-verità. U allura x’jiswa illi taslina l-Bxara t-Tajba; x’jiswa illi Alla pproponielna l-għerf tiegħu fil-persuna ta’ Kristu; x’jiswa illi, kif jgħid San Pawl fit-tieni qari, “uħud minna huma msejħin” u mibgħuta biex ikunu għalliema ta’ dan l-għerf, jekk imbagħad aħna nirreżistu lil dan l-għerf?

U tafu kif nirreżistuh l-għerf? Billi ma nkunux ubbidjenti għal Alla. Id-dramma umana, kif tirrakkontaha l-Iskrittura, proprju bdiet b’dik ir-reżistenza li għamel l-ewwel bniedem, dak ir-rifjut li għamel l-ewwel bniedem għall-għerf ta’ Alla. U dan dramm li għadu għaddej fil-ħajja tagħna. Xi daqqiet tkun int u xi daqqiet inkun jien; għax bnedmin aħna! Imma, għeżież tiegħi, din hija l-grazzja li nixtieq nitlob lil Alla l-Imbierek f’din l-okkażjoni tal-lejla: illi jagħmilna iktar doċli, jagħmilna iktar disponibbli ħalli nilqgħu dan l-għerf, din il-Bxara t-Tajba. Meta qed ngħid “nilqgħu” ifisser li aħna noqogħdu għal din il-Kelma, għall-għerf.

Il-Vanġelu jgħidilna illi l-Appostli laqgħu l-mandat li tahom Kristu, xandru l-Bxara t-Tajba, u saħansitra l-ispirti ħżiena kienu joqogħdu, kienu jobdu. Issa jekk jobdi l-ispirtu ħażin għaliex m’għandniex nobdu aħna wkoll, li aħna wlied Alla u li fina hemm l-Ispirtu ta’ Alla illi jfakkarna u jgħallimna x’inhi l-verità, is-sewwa li wasslilna Kristu? Kieku aħna noqogħdu iktar għal dan l-għerf, kieku aħna sottomessi iktar… forsi m’hix kelma sabiħa li tgħid “tkun sottomess”, imma fl-aħħar mill-aħħar quddiem il-verità jien ma nistax ma noqgħodx għaliha. Il-verità, l-għerf, il-Bxara t-Tajba, fuq kull aspett tal-ħajja tagħna l-bnedmin – il-ħajja tagħna individwali, il-ħajja tagħna bħala familja, il-ħajja tagħna bħala kollettività – din il-verità hija awtorevoli, fis-sens illi minnha nfisha timponi lilha nfisha. Imma aħna nistgħu xorta ma nilqgħuhiex. Kieku aħna nilqgħuha, għeżież tiegħi, għandna l-kelma ta’ Kristu, mhux il-kelma tiegħi, illi kieku l-ħajja tagħna tkun ferm iktar ordnata, kieku ċerta diżordni negħlbuha fil-ħajja tagħna.

Allura ftit tal-jiem ilu – u fuq din il-ħaġa forsi iktar jistgħu jkellmuna ħutna r-reliġjużi – anzi proprju din il-ġimgħa l-Kongregazzjoni għall-Ħajja Kkonsagrata, jiġifieri s-Santa Sede, ħarġet dokument fuq l-awtorità u l-ubbidjenza fil-Knisja. Jiena wasalt nhar il-Ħamis, għax mit-Tnejn sal-Ħamis kont Ruma; għax kien hemm laqgħa ta’ l-isqfijiet Taljani, u stidnuna bħala isqfijiet Maltin, u l-Arċisqof qalli: “Tridx tmur int?”, u jien mort. U għalhekk għandi “first-hand information”, għax kont hemm u tawhuli dan id-dokument. U xi ħadd beda jistaqsi: “Imma l-lum il-Knisja għandha bżonn titkellem fuq l-awtorità u l-ubbidjenza?”. L-ubbidjenza lejn xiex? U l-awtorità x’inhi fil-Knisja? Jiena għalija hija tema li ma tinteressax biss lil ħutna r-reliġjużi, imma tinteressa lilna lkoll.

Ubbidjenza għal xiex? Mhux lejn il-liġijiet, mhux lejn ir-regoli, imma lejn l-għerf ta’ Alla. Aħna nbaxxu rasna quddiem Alla u l-Kelma ta’ Alla, dik li aħna kuldarba li nisimgħuha ngħidu: “Tifħir lilek, Kristu”, “Irroddu ħajr lil Alla”. U l-awtorità x’inhi fil-Knisja? L-awtorità m’hix min jikkmanda; l-awtorità hija piż. Ngħidilkom jien, jgħidha l-Arċipriet fil-komunità parrokkjali tiegħu, jgħidha l-Provinċjal, jgħidha l-Gwardjan; issa tgħidha int, Patri Sandro. Min jaħseb illi l-awtorità hija xi unur ngħidlu għadu ma jafx x’inhi! Tgħiduha intom fil-familji tagħkom, għeżież tiegħi. Hawn kriżi ta’ awtorità. Il-missier jgħidlek: “L-ulied ma jisimgħux”; l-omm l-istess. L-awtorità hija servizz fil-Knisja. Għax hemm imbagħad fiċ-Ċivil min juża l-awtorità biex jaħkem, u jagħmel ħażin. Imma fil-Knisja hi servizz. U itolbu għalina, għeżież tiegħi, ħalli aħna nkunu nistgħu nagħtukom dan is-servizz.

X’servizz hu? Illi bil-ministeru tagħna ngħinukom ħalli tagħmlu dixxerniment ta’ x’irid Alla minnkom. Fi kliem ieħor ngħinukom ħalli tagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla u noqogħdu għaliha. Ngħinukom tinterpretaw il-Kelma ta’ Alla. Għax anki x-Xitan jaf jikkwota l-Iskrittura. Allura int x’ċertezza ħa jkollok illi min qed jikkwota l-Kelma ta’ Alla u jfissirha qed jagħti servizz tajjeb ħalli aħna fl-aħħar mill-aħħar niskopru x’inhi r-rieda ta’ Alla u noqogħdu għalih? Dan hu s-servizz ta’ l-awtorità fil-Knisja. U lkoll kemm aħna, għeżież tiegħi, aħna għandna dmir illi noqogħdu. U d-dmir, nerġa’ ngħid, ġej mhux għax hemm xi ħadd jimponilek: “Trid tobdi”. Le. Imma għaliex l-għerf, li nerġa’ ngħid, kif tkellem l-awtur ta’ l-ewwel qari, “jiswa iktar mid-deheb”, l-għerf minnu nnifsu jġagħlek tiftaħ qalbek u taċċettah. U għalhekk il-Knisja titkellem, għeżież tiegħi, b’qawwa fuq kollox, imma speċjalment fuq dak li jinteressa ’l-bniedem. Kellimna l-Papa lilna nhar il-Ħamis, u qalilna – qed jgħid lill-isqfijiet –: “Tibżgħux titkellmu, anki fis-soċjetà, għaliex il-Knisja għandha d-dritt, anki f’soċjetà lajka, illi tgħid il-kelma tagħha fuq dak li temmen li hu r-rieda ta’ Alla għall-bniedem”.

Issa nistħajjilkom tgħiduli: “Imma din x’għandha x’taqsam ma’ Sant’Antnin?”. Għaliex l-ewwelnett qegħdin nagħmlu festa lil patri, reliġjuż. U fi żmien Sant’Antnin, u hekk għadhom il-lum, ħutna r-reliġjużi meta jikkonsagraw ruħhom lil Alla dan jagħmluh billi jaċċettaw bil-ferħ dawk li jissejħu l-voti, jew inkella l-Kunsilli Evanġeliċi, li huma s-safa, il-faqar u l-ubbidjenza. Ma jfissirx li ma jkollhomx diffikultajiet. Mhux bħali u bħalek! Imma l-Mulej jagħtihom din il-kariżma ħalli jkunu għalina issa – u għalhekk il-Knisja tiftaqar jekk ma jkollhiex il-preżenza tar-reliġjużi, patrijiet u sorijiet – illi lilna bil-preżenza tagħhom ifakkruna f’dawn il-valuri. U Sant’Antnin, meta nilmħu hemmhekk jiena fl-istatwa, nara figura illi tfakkarni fil-valur ta’ l-ubbidjenza, virtù illi kif għidna l-lum huwa diskuss ħafna, biex ma ngħidx irrifjutat; virtù illi l-lum għandna bżonnu iktar minn qatt qabel. U nerġa’ ngħid: ubbidjenza lejn Alla, lejn ir-rieda ta’ Alla.

U Sant’Antnin għandu priedki sbieħ ħafna. U jiena l-lum qbadt tnejn minnhom, fejn jitkellem fuq l-ubbidjenza. Tafu l-ubbidjenza kif ifissirha? Jgħid: “L-ubbidjenza tfisser illi r-rieda tiegħek tkun għamja”. Għaliex? Għaliex ma tara xejn ħlief ir-rieda ta’ Alla. “Mhux li rrid jien, imma li trid int”. U dan m’hux xi tagħlim oriġinali ta’ Sant’Antnin jew ta’ Benedittu XVI, imma huwa t-tagħlim ta’ Kristu: “Jien ġejt biex nagħmel ir-rieda ta’ Missieri”. U meta għallimna t-talba tal-Missierna, talba li hija l-mudell kif għandu jkun it-talb tagħna, għallimna proprju anki din il-frażi: “Ikun li trid int”. Dik hi l-ubbidjenza.

Naturalment imbagħad wieħed jew waħda jipprova jfittex x’inhi din ir-rieda tal-Missier permezz ta’ l-għajnuna li tagħtih il-Knisja. U itolbu għalina ħalli aħna ngħinukom f’din l-avventura. Allura l-lum li qegħdin nagħmlu din il-festa – u għalhekk jiġu l-festi: biex aħna nispiraw irwieħna mit-teżori kbar spiritwali li għandhom il-qaddisin – nirriflettu ftit fuq dan il-virtù ta’ l-ubbidjenza… l-ubbidjenza tagħna lejn Alla, lejn l-għerf, lejn il-Bxara t-Tajba. Nitolbu lil Alla l-Imbierek ħalli jgħinna; għax m’hix ħafifa illi jiena nċedi r-rieda tiegħi biex nagħmel ir-rieda ta’ Missieri. Dik ngħidha jien u tgħidha int, jekk irridu nkunu sinċieri.

U nitolbu lill-Mulej, bl-interċessjoni ta’ Sant’Antnin, ħalli jkompli jseddaqna bil-preżenza ta’ reliġjużi – din il-komunità għandha barka, imma jien ngħid Għawdex kollu għandu barka bil-preżenza ta’ ħutna reliġjużi – ħalli jfakkruna kontinwament f’dan il-virtù sabiħ illi kull wieħed u waħda minna għandu jipprova jgħix biex tassew inkunu ksibna dan l-għerf ta’ Alla, noqogħdu għalih, u l-ħajja tagħna ta’ kuljum, bl-għażliet li nagħmlu ta’ kuljum, turi li aħna ltqajna ma’ l-għerf fi Kristu Ġesù. Amen.

pdf · 77.46 KB Niżżel