Mudell Kontra d-Dekadenza
Il-lum aħna poplu Ewropew, mhux biss kulturalment u ġeografikament, imma anki minħabba rabtiet ġuridiċi illi għandna. U kontinwament – daqqa nafu u daqqa ma nafux – ikollna nagħmlu konfrontazzjonijiet ma’ deċiżjonijiet illi jittieħdu mill-istituzzjonijiet Ewropej. U jien naħseb illi huwa dmir ta’ kull ċittadin u tagħna l-Insara illi quddiem din ir-realtà aħna nirriflettu u naġixxu.
U allura nħoss illi s-solennità tal-lum tagħtina l-opportunità biex aħna nirriflettu ftit – jew aħjar, inqabbad riflessjoni matura – fuq din l-identità Ewropea tagħna. Għaliex is-solennità tal-lum tagħtina din l-opportunità? Għax ma ninsewx illi l-Patrun tagħna San Ġorġ Martri huwa qaddis kbir Ewropew, mhux biss għax huwa hekk magħruf mill-istorja u l-kultura Ewropea, imma għax jekk nitkellmu fuq il-Kappadoċja – u allura qed nitkellmu fuq l-Asja Minuri – ma rridux ninsew li qed nitkellmu fuq żona li fl-antikità, jekk ġeografikament ma kinitx tifforma parti mill-Ewropa, imma kulturalment u ġuridikament kienet Ewropea. U aħna lkoll nafu illi San Ġorġ tagħna twieled propju fil-Kappadoċja. U jien ngħid, mhux biss twieled fil-Kappadoċja, imma hu u oħrajn, kif nispjegalkom, qabbad moviment illi ġab bidla fl-Ewropa.
Minn xiex hi għaddejja l-Ewropa ta’ żminijietna? Żgur illi seħħew kisbiet kbar u importanti għall-vantaġġ tal-bniedem, tas-soċjetajiet u tan-nazzjonijiet. Imma jekk irridu naqraw l-istorja kollha, ma nistgħux ma nirrikonoxxux illi l-lum il-ġurnata qegħdin ngħixu f’soċjetà fejn hemm l-eskwilibriju, fejn m’hemmx il-bilanċ f’kollox. U dan għandu jħassibna.
Liema nuqqas ta’ bilanċ nara? Insemmilkom il-faxxa bejn dawk li għandhom u dawk li m’għandhomx. Propju din is-sena l-Ewropa qiegħda taħdem kontra l-faqar, għax almenu għandna l-kuraġġ li ngħidu li fl-Ewropa hawn min għandu u hu mejjet fis-sakra, u hawn min hu mejjet għal qatra!
Xi żbilanċ nara? Nara żbilanċ bejn dawk li għandhom is-saħħa u bejn dawk li huma dgħajfa. Intom jidhrilkom illi l-poter politiku huwa mħaddem tajjeb u b’sens ġust, b’riżq għal kulħadd? Jew inkella hemm min għandu s-setgħa u ma jħaddimhiex għas-servizz ta’ ħaddieħor, speċjalment ta’ min hu dgħajjef, żgħir u bla vuċi? Lil dak għandna nipprivileġġjawh, għandna nagħmlu dik id-diskriminazzjoni pożittiva biex ngħinuh jitla’ ftit mill-kundizzjoni miżera tiegħu.
Xi żbilanċ ieħor nara? Nara żbilanċ bejn il-kisbiet tekniċi u xjentifiċi li aħna għamilna, li m’humiex akkumpanjati minn dik l-enerġija morali. U fejn il-ħiliet u l-kisbiet tal-bniedem m’humiex imħaddma b’regola etika morali, allura jista’ jiġri – u hekk qed jiġri – illi ċerti azzjonijiet tal-bniedem flok ma jippromovu l-bniedem qegħdin jeqirduh.
Imbagħad irrid ngħid ukoll li nara nuqqas ta’ bilanċ fil-ħajja reliġjuża ta’ dan il-kontinent. Għax invarjaw bejn dik li hija reliġjożità – u forsi reliġjożità mingħajr fidi, li twassal għall-fanatiżmu reliġjuż – u l-ateiżmu prattiku, anki ta’ dawk li formalment jgħidu li jipprofessaw reliġjon. M’iniex ngħid reliġjon Kristjana; apposta qed nuża l-kelma wiesgħa “reliġjon”.
Din hi parti mill-istampa tar-realtà li aħna qegħdin ngħixu fiha, anki naturalment aħna, il-lum. Għaliex jeżisti dan l-iżbilanċ? Għax, kif jgħid il-Papa Benedittu, fl-Ewropa tagħna hawn kriżi ta’ kulturi. U nsemmilkom tnejn b’mod partikulari.
Il-Kristjaniżmu. Naturalment dan m’hux kultura, imma jagħmel ukoll kultura. Ma nistgħux ngħidu illi l-Ewropa m’hix il-benniena tal-Kristjanità. Jekk aħna l-lum qegħdin nagħmlu din il-festa sabiħa f’ġieħ San Ġorġ Martri, inżommu quddiem għajnejna illi propju f’dawk l-ewwel żminijiet tal-Persekuzzjoni nżergħet iż-żerriegħa ta’ dik il-fidi li, imbagħad, meta Kostantinu ta l-libertà reliġjuża lill-Knisja, iffjorixxiet u tat dak il-patrimonju illi m’għandniex nistħu li nistqarru li hu patrimonju Ewropew. Il-Kristjaniżmu m’hux reliġjon Ewropea, imma l-Kristjaniżmu kiber fil-benniena Ewropea, u ħa l-libsa kulturali u intellettwali Ewropea. U x’sar minnu dan il-Kristjaniżmu?
Imbagħad hemm kultura oħra: dik illi twieldet fi żmien ir-Rinaxximent; dak il-moviment Illuminista li skopra l-valur tar-raġuni u tar-razzjonalità. Kienet kisba importanti ħafna. U l-istess użu tar-razzjonalità, l-approfondiment ta’ din il-kapaċità razzjonali tal-bniedem, ċertament għenitna biex nagħmlu kisbiet illi ġabu ’l quddiem il-ħajja taċ-ċittadin u tas-soċjetà. Imma mhux dejjem l-Illuminiżmu kien barka, għax meta l-bniedem għaraf il-qawwa tar-raġuni, m’għarafx il-limiti tar-raġuni. U allura uża r-raġuni u r-razzjonalità xjentifika biex jiddomina u jaħkem in-natura. Fil-fatt il-bniedem il-lum tant ħakem in-natura umana illi, wara li skopra l-mappa ġenetika tiegħu, kapaċi joħloq bniedem ieħor fil-laboratorju. Il-lum ma ngħidux: il-bniedem hu maħluq xbieha ta’ Alla; il-lum ngħidu: il-bniedem hu maħluq xbieha tiegħi, li ħloqtu jien, bil-gosti li rrid jien, skond il-ħiliet li nantiċipa jien. Din m’hix manipulazzjoni tal-bniedem? Li aħna nilagħbu mal-ħajja umana! Din hija kisba frott tar-razzjonalità…
Il-bniedem, għax hu mżejjen bir-raġuni, kiseb ukoll id-dominju fuq il-ġid tan-natura, dak li nsejjaħlu l-ġid komuni. Veru illi għamel passi ’l quddiem biex itejjeb il-ġid tan-natura, imma ma nistgħux ninsew illi l-bniedem, għal finalitajiet oħra, kiseb kontroll u dominju, u jabbuża mill-ġid tan-natura minħabba, ngħidu aħna, motivi ekonomiċi u l-liġi tas-suq. X’inhu jagħmel il-bniedem il-lum fl-Ewropa? Jekk l-art tagħtina l-frott, biex ma jaqax il-prezz dak il-frott nagħżquh u narmuh. Jekk il-baħar huwa sinjur fil-ħut tiegħu, u jkun dieħel sajjied lejn xtutna – m’iniex ngħid għas-sajjieda l-kbar, qed ngħid għas-sajjieda ż-żgħar – u kumbinazzjoni jaqbad ħut illi jaqbeż il-kwota – għax il-lum bil-kwota – u dan il-ħut ikun mejjet, x’ngħidulu? Armih il-baħar dak il-ħut! Imbagħad il-faqar ikompli jikber u t-tqassim tal-ġid ikompli jiżbilanċja ruħu!
Dawn huma l-kisbiet li għamel l-Illuminiżmu fi żminijietna! Il-bniedem, imdawwal bir-raġuni, mhux biss jimmanipula n-natura umana u l-ġid uman, imma jħossu wkoll sid illi jimmanipula istituzzjonijiet naturali. Fosthom qed nirriferi għall-istituzzjoni naturali taż-żwieġ u l-familja. Imma l-lum aħna “l-imdawlin”, u għax għandna dan id-dawl tar-raġuni naħsbu li nistgħu nkissru u nimmanipulaw dik l-istruttura naturali li għandhom iż-żwieġ u l-familja. M’hemmx għalfejn ngħid iktar!
Għaliex qed iseħħ dan kollu? Għax hemm dan il-konfront bejn il-kultura Kristjana u l-kultura Illuminista; għax l-Illuminiżmu jidhirlu illi m’għandux bżonn ta’ Alla. U għalhekk hemm dak l-iżbilanċ li semmejtilkom bejn il-ħiliet fit-tħaddim tal-kisbiet xjentifiċi u dik l-enerġija morali li tiggwidana biex dak li għandna ħila nagħmlu nagħmluh sewwa. Il-lum mhux il-morali Kattolika marret il-baħar, il-lum anki l-morali Kantjana – qed nitkellem fuq filosfu li kien jirrikonoxxi li hemm dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin – ukoll jidhrilna li ngħaddu mingħajrha. Għaliex? Għax ir-razzjonalità ta’ żminijietna tgħodd dak li huwa tajjeb jew ħażin mill-kalkoli li tagħmel tal-konsegwenzi ta’ l-azzjonijiet li aħna nagħmlu. Jiena nara jekk bl-azzjonijiet tiegħi hux ha niggwadanja… jekk ħa niggwadanja, nagħmilha; jekk ma niggwadanjax, forsi hija ħażina għalija. Imma dawn huma kriterji sodi?
Din hi r-realtà li qegħdin ngħixu fiha, għal min irid jiftaħ għajnejh! Il-kultura Illuminista mhux biss tefgħet fil-ġenb il-morali personali, jiġifieri li int u jien ikollna regola illi tgħinna niddixxernu illi mhux dak kollu li nista’ nagħmel għandi nagħmlu, imma tefgħet ukoll taħt saqajha l-moralità pubblika, jiġifieri li anki s-soċjetà għandu jkollha dan il-kodiċi ta’ regoli li jgħinha biex tħares l-interessi komuni.
U dan il-konfront bejn iż-żewġ kulturi li qed insemmilkom deher b’mod qawwi meta ftit ilu kien hemm id-dibattitu jekk Alla għandux jissemma fil-Kostituzzjoni Ewropea jew le. Ma nkunux b’memorja qasira! Dan il-konfront ħareġ b’mod ċar fid-dibattitu li kien hemm fuq jekk għandhiex issir riferenza għall-għeruq Kristjani ta’ l-Ewropa. U hemmhekk ħarġu argumenti li jwaħħxuk! Għax qalu illi jekk aħna nsemmu lil Alla u l-għeruq Kristjani, aħna nkunu nagħmlu diskriminazzjoni ma’ reliġjonijiet oħrajn: mal-Musulmani, mal-Lhud… Żomm ftit! Dak li jinkwieta ’l reliġjonijiet oħrajn m’hux li nsemmu l-għeruq Kristjani jew il-valuri morali tal-Kristjanità, imma ċ-ċiniżmu tal-kultura sekularista ta’ żmienna li jidhrilha li għandha tgħaddi mingħajr dan ir-riferiment. Ir-reliġjonijiet ma jħossuhomx iddiskriminati meta nsemmu lil Alla, imma jinkwetahom meta jaraw soċjetà li qiegħda kontinwament tbarri lil Alla.
Dan hu l-kuntest illi fih qegħdin niżvolġu l-ħajja tagħna. U f’dan il-kuntest li jiena nixtieq niġbed l-attenzjoni tagħkom lejn San Ġorġ Martri. Għax f’Djoklezjanu, illi San Ġorġ ħadha kontrih, jiena nara mhux biss is-sede tal-poter abbużat, imma wkoll l-iskola ta’ l-għerf ta’ dak iż-żmien, qisu l-Illuminiżmu ta’ żmienna. U allura San Ġorġ, meta jieqaf quddiem dan il-moviment ta’ żmienu mbuttat mill-Imperu Ruman fi żmien ta’ dekadenza, għalina huwa mudell. Lilna, li nħobbuh u li għandna devozzjoni lejh, jixprunana biex, kif għamel hu, anki aħna. X’għamel San Ġorġ? San Ġorġ ried illi Alla jerġa’ jikseb iċ-“ċittadinanza” fil-belt ta’ Nikomedija; li Alla jkollu postu u jkun għalih, għax hu biss huwa Alla, ’il fuq mill-idoli l-oħrajn.
Jiena nimmaġina illi San Ġorġ sab il-qawwa f’dak li jgħid Kristu fil-vanġelu ta’ San Ġwann: “Jekk intom tagħmlu l-kelma tiegħi, intom tkunu ħielsa, għaliex il-verità teħliskom”. U ma nistagħġibx li, bħalma l-Lhud qalu lil Kristu: “Aħna ħielsa, aħna m’aħniex skjavi, aħna wlied Abraham”, il-lum jiġi xi ħadd u jgħid: “Mela fl-Ewropa hawn min hu skjav!”. Imma nħalli lil Kristu jirrispondi u jgħid: “Intom ilsiera tad-dnub tagħkom, intom ilsiera ta’ l-għażliet ħżiena li qegħdin tagħmlu”.
U għalhekk San Ġorġ qiegħed itennilna dak li qal Kristu u għadu jgħid il-lum: “Il-verità tagħmilkom tassew ħielsa”. U x’inhi din il-verità? Traduzzjoni forsi iktar korretta hija: “Ir-Rivelazzjoni tagħmilkom ħielsa”, dik il-Bxara t-Tajba li ġejja mingħand Alla permezz ta’ Ġesù Kristu. Hija l-verità mhux biss fuq il-bniedem, mhux biss fuq iż-żwieġ u l-familja, mhux biss fuq l-operat tal-bniedem, imma hija r-Rivelazzjoni ta’ Kristu nnifsu, li qal: “Jiena t-Triq, il-Verità u l-Ħajja”. Mela meta qed jgħidilhom: “Il-verità teħliskom”, Kristu qed jgħidilhom: “Emmnu fija, u jiena ngħinkom tiksbu l-ħelsien veru”. Dan kien jemmen bil-qawwa l-Patrun tagħna San Ġorġ Martri, dan li San Ġorġ ipprova jgħid lil Djoklezjanu u lis-soċjetà ta’ żmienu, u dan hu li San Ġorġ qiegħed jgħid ukoll lis-soċjetà tagħna l-lum.
Għaliex anki f’pajjiżna jiena nilmaħ vuċijiet illi jipprovaw isikktu lil Alla. Taqrawhom il-kummenti fil-ġurnali, u hemm min jgħid ċar u tond u direttament: Alla m’għandux jidħol fin-nisġa tal-ħajja soċjali tagħna. Hemm min b’mod indirett jgħid l-istess meta jgħid li l-Knisja m’għandhiex titkellem. Bħallikieku jien m’iniex ċittadin bħal ħaddieħor, u int m’intix ċittadin bħal ħaddieħor! Xi żvantaġġ għandek li inti, bħal San Ġorġ, ħabbejt lil Kristu, int innamrajt ma’ Kristu, int għandek passjoni għal Kristu, u allura għandek ukoll passjoni għall-bniedem u għal dak li huwa sewwa? U allura tista’ tagħti kontribut fid-dibattitu pubbliku u soċjali fuq dak li tassew jixraq lill-bniedem tal-lum, fuq x’għandhom ikunu l-istrutturi veri li jirrispettaw id-dinjità ta’ kull persuna umana, fuq x’għandna nagħmlu biex possibbilment innaqqsu dawk l-iżbilanċi li semmejtilkom fil-bidu.
Jiena nixtieq nagħmel qabża mhux kbira fl-istorja. Ftit wara l-martirju ta’ San Ġorġ u ta’ martri oħra, fl-Ewropa tnissel moviment ta’ evanġelizzazzjoni. U mhux ta’ b’xejn aħna ngħidu li l-mewt tal-martri hija ż-żerriegħa ta’ l-Insara. Insemmilkom żewġ movimenti: id-Donatiżmu u l-Arjaniżmu. It-tnejn kienu mbuttati biex jevanġelizzaw, bil-limiti tagħhom. Aħna meta nsemmu dawn iż-żewġ kategoriji fit-Teoloġija, insemmuhom minħabba l-iżbalji tagħhom. Imma rridu nsemmuhom ukoll bħala dik l-enerġija tal-Knisja tal-martri illi qabbdet fl-Ewropa dan il-moviment. U jiena jiġini f’moħħi San Atanasju, ngħidu aħna, illi ta kontribut kbir f’wieħed mill-ewwel konċilji: ta’ Nicea. Jiġini f’moħħi San Bażilju l-Kbir, metropolita tal-Kappadoċja, li ta sehem importanti fil-Konċilju ta’ Konstantinopli. Dan biex nagħtikom ftit eżempji ta’ x’qabbad il-martirju ta’ San Ġorġ!
Jiena dan li nitlob lil Alla l-Imbierek f’din il-ġurnata u f’dawn iċ-ċirkustanzi: illi din il-festa, jew aħjar dawn il-festi sbieħ li aħna nagħmlu f’ġieħ il-Patrun tagħna San Ġorġ, jixprunaw fina ħeġġa għal moviment ta’ evanġelizzazzjoni ġdida. Huwa sintomatiku illi ftit ġimgħat ilu l-Qdusija Tiegħu l-Papa waqqaf Dikasteru ġdid fil-Kurja Rumana għall-Evanġelizzazzjoni tal-Punent. Qabel, meta konna nitkellmu fuq l-evanġelizzazzjoni, kienet tiġina f’moħħna dik li tissejjaħ il-Propaganda Fidei, jiġifieri tal-missjonijiet. Il-lum oqogħdu attenti: fil-Knisja, jekk tisimgħu b’dikasteru fuq l-evanġelizzazzjoni, araw ftit fuqhiex qiegħdin nitkellmu: hux fuq il-missjoni jew fuq dik li hija art ta’ missjoni ġdida, li hija l-Ewropa u l-bqija tal-Punent.
U dak illi l-Papa għażlu biex ikun il-kap ta’ dan id-dikasteru, l-E.T. Fisichella, f’waħda mill-intervisti li ta dan l-aħħar, qalulu: “Għaliex il-Papa ħass il-bżonn li jkun hemm dan il-moviment ta’ evanġelizzazzjoni fl-Ewropa?”. Tafu x’qal? Qal: “Għax fl-Ewropa hawn l-‘ekklissi ta’ Alla’”. U dan għalina għandu jkun monitum, għax jekk anki fid-djoċesi tagħna, u nazzarda ngħid f’pajjiżna, ma jkunx hawn ħidma ta’ evanġelizzazzjoni li tinkorpora lil kulħadd – u ħadd ma jista’ joqgħod b’idejh marbuta fuq żaqqu jekk irid ikun Kristjan –, allura anki aħna ħa nkomplu nassistu għal dan l-“ekklissi ta’ Alla”. U fejn jekklissa Alla, jekklissa l-bniedem!
Allura kif San Ġorġ Martri kien ispiratorju għall-moviment ta’ evanġelizzazzjoni fl-ewwel snin tal-Knisja, jiena nitolbok, o San Ġorġ, Patrun tagħna, kun int ukoll ta’ ispirazzjoni, mhux biss għal din il-komunità, imma għad-djoċesi tagħna kollha, biex b’impenn u b’serjetà aħna nidħlu għal din il-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni: li nwasslu lill-bniedem ħalli jirċievi l-Bxara t-Tajba u jirranġa fejn għandu jirranġa, qabel ma jkun tard wisq u ma nagħmlu għażliet aktar ħżiena.
L-istorja ta’ San Ġorġ tirrakkontalna illi darba huwa mar jiġġieled kontra d-dragun, ħalli jsalva lil dik it-tfajla prinċipessa u jroddilha l-libertà. Frott ta’ l-Illuminiżmu li semmejtilkom żgur li kien il-kisbiet sbieħ u tajbin tal-libertà: il-libertà ta’ l-espressjoni u l-libertà reliġjuża. Imma jien irrid nara jekk fl-Ewropa hux veru hawn rispett għal-libertà ta’ l-espressjoni tan-Nisrani, jekk hawnx tassew libertà reliġjuża għall-Knisja! Għax Alla jbierek dawk nitkellmu bihom fit-teorija! M’iniex nitkellem fuq affarijiet tiegħi; qed nitkellem fuq affarijiet tagħna lkoll, għax il-Knisja hi aħna lkoll.
Għalhekk, kif San Ġorġ huwa mpitter għalina bħala dak illi ħeles lil din il-prinċipessa mid-difrejn tad-dragun, San Ġorġ Martri, Patrun tagħna, kun int illi tħares lil din il-Knisja, lil din is-soċjetà li tqimek u tħobbok, minn kull sens ta’ ħażen irrappreżentat fid-dragun.