Aqbeż għall-kontenut

Neħtieġu Ħeġġa Mġedda

Il-laqgħa ma’ Kristu tnissel il-ferħ! Dakinhar li Ġesù twieled f’Betlehem, l-anġlu deher lir-ragħajja u ħabbrilhom ferħ kbir, “ferħ li ser ikun għall-poplu kollu” (Lq 2:10). Anki meta deher lil Marija f’Nazaret, l-anġlu qalilha: “Ifraħ, Marija”. Għaliex l-Insara, dawk li jemmnu li l-Iben ta’ Alla sar bniedem, ħafna drabi jarmu d-dwejjaq u jkunu b’geddumhom sal-art?

Meta r-ragħajja waslu fl-għar ta’ Betlehem u għamlu l-verifika ta’ dak li kien qalilhom l-anġlu, telqu lura jxandru din il-bxara ta’ ferħ. Għalhekk x’inhi r-raġuni li l-komunitajiet Insara huma daqshekk mitluqa u għajjiena? Għaliex ħafna minna (saċerdoti, reliġjużi, lajċi) nibqgħu lura milli nitkellmu dwar Ġesù? Bilfors li għadna ma għamilniex l-esperjenza vera ta’ Betlehem.

Għeżież pellegrini, hemm linja fina ħafna, kważi lanqas tidher, li tifred l-esperjenza tal-pellegrin minn dik ta’ turista. Faċilment jista’ jiġrilna li nirrendu l-pellegrinaġġ f’ġita. Nafu nkunu misjuqa mill-kurżità, imma mhux mill-ħeġġa biex nidħlu fil-qalba tal-misteru tal-ħajja ta’ Kristu.

Naħseb illi kieku kien jiddependi minna, l-aħbar tat-twelid tal-Iben ta’ Alla f’Betlehem l-ewwel konna nikkomunikawha lis-saċerdoti, il-Leviti jew il-Fariżej. Bil-mod kif normalment nirraġunaw aħna l-bnedmin, komunikazzjoni ta’ din ix-xorta konna nagħmluha fit-Tempju u mhux fl-għelieqi! Imma Alla għandu loġika differenti minn tagħna l-bnedmin. Alla jibgħat l-anġlu jagħti l-aħbar lir-ragħajja – nies sempliċi, ċkejknin u mingħajr ebda pretensjoni. L-ewwel mandat tal-evanġelizzazzjoni Alla ma tahx lil dawk impenjati fil-liturġija, imma lil dawk li ma għandhom xejn x’jaqsmu mal-kult. Dawn huma l-preferenzi li jagħmel Alla. Jekk irridu li matul dan il-pellegrinaġġ induqu l-benna ta’ Alla, nitolbuh jagħmilna nixbhu lir-ragħajja li saħansitra kienu foqra anki spiritwalment. Minn xi daqqiet, meta niġu konxji miċ-ċkunija jew il-faqar spiritwali tagħna, naħsbu li d-diskors dwar Alla ma huwiex ħobż għal snienna. Ma nħossuniex idonji biex nirfsu fuq art qaddisa. Forsi ġejna ffurmati ħażin; forsi Alla kien jiġi ppreżentat lilna li hu tant fil-bogħod, li jkun hemm min jaqta’ qalbu minnu.

Għalhekk, anki jekk f’ħajjitna nkunu għaddejjin mill-esperjenza tal-lejl mudlam tal-ispirtu – lejl li kapaċi jitlifna u jbeżżagħna – għandna nagħmlu l-kuraġġ u nersqu ħdejn Ġesù. L-istedina li waslet lir-ragħajja Betlemiti matul dak il-lejl hija l-istess stedina li tasal għandna biex inkunu dixxipli ta’ Ġesù.

Għalkemm ir-ragħajja normalment kienu nies ta’ waħidhom, meta rċivew l-aħbar tat-twelid ta’ Ġesù Bambin, telqu flimkien lejn Betlehem. Il-laqgħa mal-persuna ta’ Ġesù ma tħalliniex kwieti u fil-kumdità, imma tgħinna nkunu fehma waħda u azzjoni waħda. Hija tassew ħasra li d-dimensjoni ta’ mixja u tfittxija komunitarja hija kważi nieqsa fil-Knisja tagħna. Parroċċa li mhix komunità għandha element essenzjali nieqes. Hija l-komunità li trid tagħmel id-dixxerniment jew il-verifika. Anki aħna l-isqfijiet u s-saċerdoti neħtieġu s-sehem tal-komunità għad-dixxerniment tar-rieda ta’ Alla.

Wara li semgħu l-aħbar, ir-ragħajja ta’ Betlehem telqu jħaffu lejn fejn kien indikalhom l-anġlu, biex imbagħad ħallew kollox biex ixandru dak li kienu raw u semgħu. Quddiem ċerta telqa, għażż u nuqqas ta’ ħeġġa pastorali, aħna wkoll jeħtiġilna nħaffu naraw x’għandu jsir biex inkunu Knisja li tevanġelizza. F’dan il-proċess xieraq li nkunu lesti biex bħar-ragħajja nħallu kollox, partikularment ir-rimiżolji li geddisna matul iż-żmien, u nimpenjaw ruħna f’dixxerniment komunitarju dwar kif għandna nwasslu l-Evanġelju lill-bniedem tal-lum.

pdf · 55.91 KB Niżżel