Aqbeż għall-kontenut

Ngħaddu l-Ispirtu

L-okkażjoni tal-lejla li ġabritna flimkien, jiġifieri l-fatt li Dun Ġużepp radd ruħu, twassalna biex nirriflettu fuq is-silta tal-vanġelu li għadna kif qrajna: ta’ Kristu l-Mulej li jrodd ruħu lill-Missier u li jikkomunika l-Ispirtu tiegħu lill-Knisja.

Il-persuna li qegħdin nagħmlu l-funeral tagħha llum kienet ruħ li mhux biss irċeviet l-Ispirtu s-Santu fil-Magħmudija u l-Griżma tal-Isqof, imma wkoll fl-ordinazzjoni saċerdotali. Lil Dun Ġużepp il-Mulej fdalu s-saċerdozju, u r-ruħ tiegħu telgħet għand il-Missier biex hemm ikompli fil-Liturġija tas-Sema dak illi huwa għex għalih fostna.

Meta San Ġwann fil-vanġelu jgħidilna li Ġesù radd ruħu, aħna nifhmu ħaġa oħra. Dawk li jgħinuna nifhmu l-Iskrittura jgħidulna li f’dak il-mument għal San Ġwann seħħ Għid il-Ħamsin li ċċelebrajna lbieraħ, għaliex Kristu f’dak il-mument li fih ġie biex jinfired mill-komunità wettaq waħda mill-wegħdiet tiegħu: bagħat fuqna l-Ispirtu s-Santu. Meta ngħidu li Ġesù fuq is-salib radd ruħu, skond it-teoloġija ta’ San Ġwann għandna riferenza propju għall-Ispirtu s-Santu.

Ġesù bagħat fuq id-dinja l-Ispirtu tiegħu, u kemm differenti kienet tkun il-ħajja tagħna lkoll kieku ma rċivejniex dan id-don tal-Ispirtu s-Santu, li kif kantajna fl-innu tal-bidu huwa Spirtu ta’ mħabba, Spirtu ta’ qawwa u Spirtu ta’ għerf li jimla l-ħajja tagħna bid-dehen u bid-doni kollha li aħna nattribwixxu lill-Ispirtu s-Santu!

Imma Ġesù mhux biss lill-umanità ta dan l-Ispirtu. Fost id-dixxipli tiegħu kien hemm xi wħud li huwa għażilhom għal missjoni partikulari u speċjali, u lil dawn l-Appostli wkoll tahom l-Ispirtu s-Santu ħalli huma mbagħad jgħadduh lill-oħrajn. Meta niċċelebraw is-sagrament tal-Griżma, il-liturġija tpoġġi fuq fommna talba: “Aħna, kif għamlu l-Appostli illi għaddew l-Ispirtu s-Santu lil oħrajn, hekk qegħdin nagħmlu bit-tqegħid ta’ jdejna”.

U jiena llum irrid irrodd ħajr lil Alla, mhux biss talli lill-Knisja żejjinha b’Ruħ il-Qodos, imma għaliex lil din il-persuna li quddiemna għandna l-fdal tagħha Ġesù mlieha bl-Ispirtu s-Santu u taha l-missjoni li tgħaddi lill-oħrajn dan l-Ispirtu ta’ ħajja, l-Ispirtu ta’ għerf, l-Ispirtu ta’ mħabba u l-Ispirtu ta’ faraġ.

Qed nitkellem dwar kull saċerdot. Il-ministeru saċerdotali għandu din il-missjoni li jikkomunika lill-bniedem l-Ispirtu ta’ Kristu. Kif Mosè l-ewwel sejjaħ lil Ġożwè, imbagħad sejjaħ lil dawk is-sebgħin anzjan biex huma wkoll jirċievu l-Ispirtu s-Santu, hekk ukoll is-saċerdot, li rċieva l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu bit-tqegħid tal-idejn fl-ordinazzjoni saċerdotali, jikkomunika dan l-Ispirtu. Dun Ġużepp mhux biss fittex li jkun mimli hu bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, imma dejjem fittex li jikkomunika l-Ispirtu tal-għerf u l-Ispirtu tal-qawwa.

Jien lil Dun Ġużepp nafu bħala bniedem impenjat fl-għaqdiet tal-appostolat tal-lajċi, u naf kemm kien iddedikat għall-kura tal-morda fl-isptarijiet tagħna. Jiena għamiltha ma’ Dun Ġużepp b’mod partikulari fis-Santwarju Ta’ Pinu, fejn kien jikkomunika l-maħfra fis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. Dak li qed ngħid għal Dun Ġużepp ngħidu għal kull saċerdot.

Eliżew lill-profeta Elija qallu: “Agħtini żewġ terzi mill-ispirtu tiegħek”. U jiena lil Dun Ġużepp, u lis-saċerdoti l-oħra li bħalu qdew u qegħdin jaqdu b’fedeltà l-ministeru tagħhom, nitlobhom jagħtuna mqar terz tal-ispirtu tagħhom. Intom stess tixhdu u bil-preżenza tagħkom illum tgħiduli kemm huwa ta’ ġid u ta’ barka għall-Knisja s-saċerdot li huwa mimli bl-Ispirtu s-Santu.

Illum Dun Ġużepp itenni l-kelmiet ta’ Kristu fuq is-salib: “Kollox mitmum”, u b’dan nifhmu li Dun Ġużepp kompla dak li l-Mulej sejjaħlu biex iwettaq fil-ħajja saċerdotali tiegħu. Huwa dan l-Ispirtu li aħna llum nitolbu fuqkom, poplu ta’ Alla, għax allaħares nitolbu fuqkom l-ispirtu tad-dinja flok l-Ispirtu ta’ Alla. Nitolbu ħalli anki llum il-Mulej iroddilna ftit mill-ispirtu li kellhom is-saċerdoti tagħna, u f’din it-talba tagħna nduru wkoll fuq Dun Ġużepp u ngħidulu: “Agħtina ftit mill-ispirtu tiegħek bħala profeta u qaddej. Agħtina ftit mill-ispirtu tiegħek biex ikollna ġuvintur, anki minn din il-parroċċa, li jirrispondu għas-sejħa tal-Mulej u jersqu għas-saċerdozju. Agħtina mill-ispirtu li kellek inti biex jintradd fuq id-dinja l-ispirtu saċerdotali”.

pdf · 53.61 KB Niżżel