Aqbeż għall-kontenut

Ngħinu lill-Poplu Jagħraf lil Kristu

QARI: Mt 11:2-11

Għeżież Anthony, Joseph u Richard, għadni kif smajtkom tgħidu “Hawn jien” quddiemi u quddiem il-Knisja hawn miġbura. U b’qalbi ferħana nilqa’ din l-għotja tagħkom, id-disponibbiltà tagħkom biex nafdalkom f’isem il-Knisja l-ministeru ta’ l-Akkolitat.

Qalbi mimlija bil-ferħ għaliex id-don tal-ministeru diġà fih innifsu huwa motiv li għandu jferraħna. Imma qalbi hija mimlija bil-ferħ għaliex fikom it-tlieta jien nara minn naħa tweġiba li għandu bżonn il-poplu tagħna, il-Knisja tagħna; biex intom bil-ministeru tagħkom tgħinu lill-komunità Kristjana twieġeb għal dik il-mistoqsija illi Ġwanni l-Battista jesprimi fil-ħabs, mhux biss f’ismu imma f’isem il-poplu Lhudi, meta lil Kristu bagħat jistaqsih: “Inti dak li għandu jiġi jew nistennew lil ħaddieħor?”. U din l-assemblea siekta jiena nħoss li għandi ninterpretaha bħala karba ħierġa mill-qalb, mill-profondità tal-qalb tal-bniedem tal-lum illi qiegħed ifittex lil Alla, lil Kristu. U intom, mhux waħidkom imma flimkien magħna l-presbiteri, għandna fuq spallejna din ir-responsabbiltà illi lill-poplu ta’ Alla ngħinuh jagħraf lil Kristu.

X’qalilhom Kristu lid-dixxipli tal-Battista? “Morru għidulu ’l Ġwanni dak illi smajtu u rajtu”. U dan li ngħidilkom illum, f’din il-ġurnata li qegħdin tirċievu l-Akkolitat. Morru fil-Knisja tagħna u għidu lil kull bniedem dak li intom tisimgħu u taraw fil-preżenza ta’ Kristu.

Jiena u nimmedita l-Vanġelu tal-lum ġieni f’moħħi illi dawk id-dixxipli tal-Battista nista’ nsejħilhom “Akkolti”, qisu kellhom dan il-ministeru li llum qegħdin nafdaw lil dawn it-tliet ġuvintur. Għaliex? Għax x’inhu l-ministeru ta’ l-Akkolitat? Il-ministeru ta’ l-Akkolitat huwa dak illi jissieħeb fl-azzjoni liturġika li tkun isseħħ fuq l-altar, illi hi azzjoni ta’ Kristu. Fil-liturġija, b’mod partikulari fl-Ewkaristija, aħna nammiraw dik l-imħabba oblattiva ta’ Kristu, dik l-imħabba ta’ Kristu li twasslu biex jissagrifika ruħu, jingħata għall-oħrajn. U intom b’dan il-ministeru ta’ l-Akkolitat il-Knisja qed tagħmlilkom sejħa biex tkunu qrib iktar tagħna bħala presbiteri u tgħinuna; tgħinuna mhux materjalment, imma tgħinuna billi nidħlu iktar fil-fond ta’ din l-imħabba oblattiva, ħalli mbagħad inkunu nistgħu ngħixuha u nxandruha lill-oħrajn. Imbagħad inkunu nistgħu lill-poplu ta’ Alla nwasslulu din il-Bxara t-tajba.

X’għamlu d-dixxipli ta’ Ġwanni l-Battista? Jiġbru mingħand Ġwanni l-mistoqsija li hemm f’qalbu, jiġbru mingħand Ġwanni l-ansjetà tal-bniedem, imorru għand Kristu, u Kristu jafdalhom il-Bxara t-tajba u jgħidilhom: “Morru lura issa u lil Ġwanni u lill-poplu Lhudi għidulhom xi smajtu u x’rajtu”. U x’raw? Raw din l-imħabba oblattiva illi fuq l-altar isseħħ b’mod sagramentali. Lil Kristu rawh lill-għomja jagħtihom id-dawl, liz-zopop jagħtihom il-qawwa biex jimxu, lill-foqra jxandrilhom il-Bxara t-tajba. Morru għidulu lill-bniedem b’din l-imħabba daqshekk profonda ta’ Kristu.

U għalhekk il-ministeru ta’ l-Akkolitat jew, kif kien ukoll imsejjaħ, “seguentes”, jiġifieri dawk illi jsegwu mill-qrib lill-ministru ta’ Alla, lis-saċerdot, il-Knisja tapprezzah għaliex kapaċi jwettaq din il-missjoni, din l-evanġelizzazzjoni. Kif qal ir-Rettur, bil-qawwa ta’ dan il-ministeru intom issa sa tirċievu wkoll il-“frumentum”, l-Ewkaristija. Mela jekk qabel għidtilkom illi lil Kristu ħa twassluh bil-Kelma, li lil Kristu sa twassluh billi turu x’inhi din l-imħabba oblattiva tiegħu, la intom ministri straordinarji ta’ l-Ewkaristija l-Knisja tafdalkom dan il-“frumentum”, l-Ewkaristija, biex ukoll twassluha lill-bniedem sofferenti, partikularment lill-bniedem marid.

Imma, nerġa’ ngħid, wieħed jista’ jieħu l-Ewkaristija u ma jwassalx lil Kristu. U din qed ngħidha għalina s-saċerdoti; u ngħidha għalina lkoll għax nistgħu nitqarbnu kemm-il darba u “ma nirċivuhx” lil Kristu. Biex aħna tassew nirċievu lil Kristu jeħtieġ illi dik l-Ewkaristija nħalluha tibdilna; dik l-Ewkaristija li hija frott ta’ din l-imħabba oblattiva ssir qawwa fina li twassalna biex aħna nħobbu bi mħabba li tingħata lill-oħrajn.

Għidna li l-Akkolti huma dawk li ħa jservu l-altar. Veru illi l-Ewkaristija titlob, tippresupponi li fil-qalb tagħna jkun hemm il-karità, l-imħabba, imma huwa veru wkoll illi meta aħna niċċelebraw l-Ewkaristija, meta aħna nieħdu sehem mill-Ewkaristija, aħna nimtlew, infuru bil-karità, u din il-karità ssib l-espressjoni tagħha f’azzjoni favur il-bniedem, azzjoni ta’ karità, ta’ mħabba. U għalhekk għidt illi intom tistgħu twasslu l-Ewkaristija imma ma twasslux lil Kristu, jew aħna nistgħu nirċievu l-Ewkaristija imma ma nkunux irċivejna lil Kristu, jekk l-Ewkaristija li aħna niċċelebraw u nirċievu ma tgħinniex biex insiru ewkaristiċi, biex insiru għotja għall-oħrajn.

Għalhekk nifraħ u nħeġġiġkom, għeżież ħuti, biex tifirħu llejla. Qed nara min hawn saċerdoti. Il-parti l-kbira tagħhom huma saċerdoti mill-parroċċa tax-Xagħra. Veru illi dawn huma tliet seminaristi minn din il-parroċċa. Imma din tal-lejla m’hix ċelebrazzjoni tal-komunità parrokkjali tax-Xagħra. Bir-raġun li l-komunità parrokkjali tax-Xagħra llejla għandha tħossha kburija quddiem Alla, għaliex sejjaħ minn ħdankom, u intom kontu ġenerużi – kif kontu ġenerużi fl-imgħoddi u jien fiduċjuż li tibqgħu ġenerużi fil-futur – illi tagħtu iktar vokazzjonijiet saċerdotali lill-Knisja; ta’ dan jien napprezzakom ħafna. Imma din tal-lejla m’hix ċelebrazzjoni parrokkjali. Din tal-lejla hija ċelebrazzjoni tal-Knisja f’Għawdex, u jiddispjaċini jien illi ma tinħassx bħala ċelebrazzjoni tal-Knisja kollha kemm hi. Kont nistenna li jkun hawn partiċipazzjoni iktar, anki tal-ministri, tas-saċerdoti.

Għeżież tiegħi, x’jifdal jekk dawn il-mumenti ma nħossuhomx – m’inix ngħid għalikom li qegħdin timlew dan it-tempju llejla, imma qed ngħidha biex twassluha! Hemm bżonn li dawn il-mumenti importanti fil-ħajja tas-seminarju, fil-ħajja tal-Knisja, inħossuhom bħallikieku huma tagħna stess, għax dawn huma mumenti illi fihom jien nara l-vitalità, il-ħajja tal-Knisja tagħna.

Din is-sena – ilu ma jkollna sena bħalha – m’għandniex kandidati għall-ordinazzjoni presbiterali. Jiġifieri din is-sena mhux ħa jkun hemm ordinazzjoni ta’ qassisin ġodda. Din tgħidilkom xi ħaġa jew le? U mhux lilkom, imma lill-Knisja kollha kemm hi. Dan ifisser illi rridu nieħdu iktar b’impenn il-kawża tal-vokazzjonijiet saċerdotali. Ifisser li l-Knisja tagħna trid titlob iktar, u jekk hemm bżonn nagħmlu sagrifiċċju, ħalli l-ewwelnett is-saċerdoti li għandna jitqaddsu – għax jekk m’humiex lesti li jitqaddsu aħjar ma jsiru qassisin xejn; u dak li jien għidt għall-Akkolti b’qawwa iktar jiswa għalina bħala ministri – u t-tieni biex nitolbu ħalli iktar żgħażagħ, partikularment ġuvintur, jikkoperaw mas-sejħa ta’ Alla. Jien konvint li l-familji tagħna huma art tajba li fiha l-Mulej jiżra’ ż-żerriegħa tal-vokazzjoni saċerdotali. Jalla din l-art tajba tinħadem; jalla lkoll kemm aħna – ilkoll skond is-sejħa u r-responsabbiltà tagħna – nikkoperaw flimkien biex, jekk Alla jrid, il-Knisja tagħna ma tiġix nieqsa mill-preżenza tal-presbiteri.

Għeżież Anthony, Joseph u Richard, f’dawn ix-xhur illi intom sa teżerċitaw il-ministeru ta’ l-Akkolitat, ngħabbikom ukoll bir-responsabbiltà biex tkunu dawk ix-xhieda, dawk l-Akkolti li bagħat Ġwanni l-Battista. L-ewwel marru għand Kristu, irċivew it-tweġiba mingħandu, u reġgħu għand Ġwanni jimlewlu qalbu bl-Aħbar it-tajba. Jiena nħeġġiġkom biex anki intom b’dan il-ministeru tagħkom tkunu xandâra tal-Bxara t-tajba, tkunu Appostli, speċjalment fost sħabkom, biex tgħinuhom jiskopru u jimxu wara Kristu saċerdot.

pdf · 68.11 KB Niżżel